Fejn Hemm il-Fidi, Hemm il-Libertà
Fir-rakkont li jagħtuna l-Atti tal-Appostli dwar in-Nawfraġju ta’ San Pawl, naqraw li meta l-ġifen kien qiegħed jitqabad mat-tempesta, l-Appostlu qal lill-ekwipaġġ: “Ħadd minnkom mhu ser jitlef ħajtu: il-ġifen biss jintilef. Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli: ‘Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-ħajja ta’ dawk kollha li qegħdin jivvjaġġaw miegħek…’. Jien nemmen f’Alla li hekk isir” (27:23-25). Dan jikkonferma li ċ-ċertezza li kellu Pawlu kienet ġejja mill-fidi tiegħu. Anzi, bil-fidi ta’ Pawlu salvaw il-mitejn u sitta u sebgħin ruħ li kien hemm fuq il-ġifen!
Ħafna drabi aħna nsibu ruħna mħabbtin mill-mewġ għoli tal-baħar tal-ħajja! Jekk fil-ħajja personali u familjari tagħna hemm waqtiet meta tisreġ ix-xemx li bid-dawl tagħha tagħti l-ħajja, ikun hemm ukoll perjodi fejn ninħakmu mill-paniku għax ikun hemm il-periklu reali li ninbelgħu mill-baħar. Kemm fil-mitoloġija tal-Lvant u kemm fil-Bibbja, il-“baħar” huwa meqjus bħala l-post fejn jgħammru l-qawwiet tal-ħażen, ippersonifikat fil-Livjatan u d-dragun (ara Is 27:1). Min jista’ jeħlisna f’dawn iċ-ċirkustanzi? Huwa d-don tal-fidi li Alla bagħatilna permezz ta’ Missierna San Pawl! Bħalma kienet il-fidi f’Alla ta’ Ġesù Kristu li ħarset lil Pawlu u lill-ekwipaġġ milli jinqerdu, hija wkoll l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu li tista’ tgħin biex iċ-ċiviltà umana ma tgħibx!
L-Isqof Sant’Ambroġ għandu sentenza sabiħa ħafna: “Ubi fides, ibi libertas!”. Fejn hemm il-fidi, hemm il-ħelsien! Fil-fatt, meta l-Mulej jibgħat lill-Ħdax, hu jgħidilhom: “Min jemmen u jitgħammed, isalva, iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat” (Mk 16:15). Ma nimmaġinax li Alla huwa xi mħallef lest biex jaqta’ s-sentenza tal-kundanna ta’ min ma jilqax id-don tal-fidi! Huwa l-bniedem li, meta jirrifjuta dan id-don, ikun qiegħed jikkundanna lilu nnifsu, għaliex meta l-bniedem jitlef is-sens ta’ Alla, jitlef ukoll l-għarfien tad-destin etern tiegħu u għalhekk jitlef ir-raġuni l-aktar profonda tal-istess eżistenza tiegħu! Fejn mhemmx Alla, tgħib id-dinjità tal-bniedem! Il-bniedem huwa kbir skont kemm huwa konvint mill-kobor ta’ Alla! Fejn Alla huwa stmat, hu stmat il-bniedem. Ikkundanna lil Alla u tkun qed tikkundanna l-bniedem, għax meta toqtol lil Alla, tkun ħassart dawk il-prinċipji li huma s-sinsla tal-ħajja tal-bniedem u tas-soċjetà.
Fil-fehma tiegħi, tkun ħafna stimulanti x-xhieda ta’ bniedem li ma jemminx! Imma jrid ikun xi ħadd li verament għandu diffikultà biex jemmen u mhux xi ħadd li biex illum ikun trendy, jiftaħar li ma jemminx! Richard Dawkins, li jistqarr li huwa ateista, fil-ktieb tiegħu The God Illusion, filwaqt li jgħid li huwa improbabbli li Alla jeżisti, jafferma wkoll li “huwa fatt magħruf li wieħed ma jistax jipprova li Alla ma jeżistix!”. Din ix-xhieda tikkonferma kemm huwa minnu li jekk wieħed jirrifjuta l-fidi minħabba n-nuqqas ta’ ċertezza, daqstant ieħor ikollu jħabbat wiċċu mal-inċertezzi ta’ min ma għandux il-fidi. Dan kollu jikkonferma l-kelma tal-Imgħallem li min ma jemminx ikun jikkundanna lilu nnifsu! C.S. Lewis jgħid li meta f’ħajtu kien għaddej mill-fażi ta’ nuqqas ta’ fidi, filwaqt li kien jiċħad l-eżistenza ta’ Alla, kien jirrabja għax Alla ma jeżistix! Għax min hu bla Alla huwa kkundannat għall-baħħ!
San Pawl jikteb li “fejn hemm l-Ispirtu ta’ Alla, hemm il-ħelsien” (1 Kor 3:17)! Għalhekk bir-raġun li meta qegħdin infakkru n-Nawfraġju ta’ Missierna Pawlu fl-ibħra tagħna, fejn b’konsegwenza tal-miġja tiegħu fostna seħħet il-magħmudija ta’ ġensna, aħna għandna motiv għalfejn nifirħu, għax Pawlu, bil-Ministeru Appostoliku tiegħu, wasslilna l-Vanġelu, ittrasmettielna d-don tal-fidi u hekk qabbadna t-triq tal-libertà. Filwaqt li napprezza li fostna hawn ħafna li jgħożżu d-don tal-fidi, bħala ragħaj spiritwali ma nistax ma nesprimix it-tħassib tiegħi dwar il-futur tal-fidi tagħna! Inħoss li bosta qegħdin jittraskuraw il-fidi. Dawk li huma sajmin minn Ġesù Kristu qed joktru. It-tisħib fiċ-ċelebrazzjoni tal-fidi jista’ jkun aktar imħeġġeġ. Fuq kollox, il-fidi mingħajr opri hija fidi mejta! Forsi għalhekk ukoll jiġri li ħafna drabi ma nġarrbux dak li għallimna Pawlu: li fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej, hemm il-ħelsien! “Ubi fides, ibi libertas”. Ma nistgħux niċħdu li llum il-bniedem spiritwali u l-komunità Nisranija għandhom sfidi kbar; imma tajjeb li tibqa’ ċara f’moħħna l-garanzija li jagħtina Pawlu meta jtennilna li Alla tah il-ħajja ta’ dawk li qed jivvjaġġaw miegħu f’dan il-pellegrinaġġ tal-fidi.
Diġà semmejt li l-bniedem li ma għandux lil Alla għandu diffikultajiet kbar biex jifhem lilu nnifsu u madwaru. Kif jikteb il-Papa Pawlu VI fl-enċiklika Populorum Progressio, il-bniedem kapaċi jasal biex jibni dinja mingħajr Alla, imma jekk jagħmel dan, huwa jkun jibni dinja li fl-aħħar ser tmur kontra l-bniedem innifsu, kontra l-ġid veru tal-bniedem! Konvint li “aħna fiH ngħixu, nitħarrku u aħna” (Atti 17:27), Pawlu jikteb illi “jekk inti tistqarr b’fommok li Ġesù hu l-Mulej, u temmen b’qalbek li Alla qajmu mill-imwiet, inti ssalva” (Rum 10:9). Hawnhekk għandna l-qalba (il-kerygma) tat-twemmin Nisrani! Skont Pawlu, il-fidi tan-Nisrani mhix fidi f’xi duttrina jew regoli, imma fil-persuna ta’ Ġesù Kristu li Alla qajmu mill-mewt. Għalhekk Pawlu kontinwament jisħaq biex din il-fidi ngħixuha bħala relazzjoni mal-Iben ta’ Alla. Hekk għamel hu. L-għaqda tiegħu ma’ Ġesù kienet tant sħiħa li Pawlu jasal biex jistqarr li “ngħix, imma mhux jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:20). Nistaqsi jekk il-fidi tagħna hijiex qed iddaħħalna f’intimità ma’ Ġesù? Kristu mhux oġġett tal-istorja, imma huwa l-Iben ta’ Alla, ħaj u preżenti llum! Jekk il-fidi ma tittraduċix ruħha f’dan ir-rapport ta’ mħabba mal-persuna ta’ Ġesù Kristu, allura ma nkunux nistgħu nagħmlu esperjenza tal-ħelsien li kisbilna l-Feddej!
Lill-Insara tal-belt ta’ Kolossi, Pawlu jiktbilhom li huwa jemmen fi Kristu li “ħelisna mill-ħakma tad-dlam” (Kol 1:13). Għal Pawlu, id-dlam huwa d-dnub li jqarraq u joqtol il-bniedem (Rum 7:11). Ġesù huwa l-uniku Salvatur li jeħlisna mid-dnub, li għandu diversi espressjonijiet li Pawlu jsejħilhom “għemejjel tal-ġisem”. Fl-Ittra lill-Galatin, Pawlu jikteb: “L-għemejjel tal-ġisem huma magħrufa: żina, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, qtil, sokor, tbaħrid u ħwejjeġ bħal dawn… Min jagħmel dawn il-ħwejjeġ, ma jiritx is-Saltna ta’ Alla” (5:19-21). Kulħadd jagħraf li dawn l-għemejjel iħallu marka, xi drabi profonda, kemm f’min jagħmilhom u kemm f’min ikun vittma tagħhom! Il-fidi f’Ġesù Kristu, imma, għandha qawwa li tgħinna biex dan “il-baħar” ma jiblagħniex! Tgħinna biex ma nċedux għal dawn il-passjonijiet. Anzi, min jemmen fi Kristu, jirċievi dak li San Pawl isejjaħ “il-frott tal-Ispirtu, li huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (5:22-23).
F’dan il-kuntest, nixtieq niġbed l-attenzjoni dwar il-“korla” li taf iddallam il-moħħ u twebbes il-qalb ta’ ħafna min-nies tagħna. B’xorti ħażina, minħabba l-korla li nħallu tbejjet f’qalbna, huma diversi dawn ir-relazzjonijiet miksurin – bejn koppji miżżewġa, bejn ulied u ġenituri, bejn l-aħwa, bejn il-ġirien, bejn kollegi fix-xogħol, bejn grupp u ieħor, u l-bqija. Ħafna drabi, din ir-rabja tkun imqanqla minn ċirkustanzi redikoli! Xi drabi, meta din il-korla tissarraf f’qilla, aggressività u mibegħda, taf tkun kaġun ta’ mard! Quddiem din ir-realtà li qiegħda tfieri persuni u familji, tajjeb nikkonvinċu lilna nfusna li min għandu l-fidi f’Ġesù, ma jistax jgħix inkurlat għal ħuh jew għal oħtu! “Ubi fides, ibi libertas”. Min jemmen, bl-għajnuna ta’ Alla kapaċi jasal biex ma jċedix għal dawn il-passjonijiet tal-ġisem, u minflok iħaddem il- “frott tal-Ispirtu”. Ġesù biss għandu l-mediċina li tfejjaq dawn il-ġerħat, meta jurina kemm iħobbna Alla l-Missier – imħabba divina li mhux biss taħraq kull dnub, imma wkoll tfawwar il-qalb tal-bniedem bl-imħabba. Mhux ta’ b’xejn li Pawlu huwa l-għannej tal-imħabba (ara 1 Kor 13:1-8)!
Il-fidi teħlisna wkoll għaliex tlaqqagħna mal-verità! Ġesù nnifsu jgħidilna li “il-verità tagħmilna ħielsa” (Ġw 8:32). Mill-għarfien tal-verità dwar Alla jiddependi l-għarfien tal-veritajiet l-oħra. Qabel ma hija xi ġabra ta’ sentenzi u tifsiriet, il-verità hija persuna: Ġesù Kristu! Il-bniedem li jrid ikun jaf x’inhi l-verità għandu biss jieqaf jikkontempla lil Ġesù u jiftaħ qalbu għalih li jkellimna permezz tal-Vanġelu. F’dan is-sens, wieħed jifhem lil Pawlu meta jgħid li “il-Vanġelu huwa l-qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu” (Rum 1:16). Fil-fatt, il-Vanġelu mhux tant damma ta’ rakkonti dwar Ġesù, imma huwa l-istess Ġesù Kristu, il-Verb li sar bniedem u għammar fostna. Filwaqt li rrid nemmen li l-Vanġelu huwa l-Kelma ta’ Alla, aktar ma nilqa’ l-Vanġelu, aktar toktor il-fidi tiegħi, għax kif jgħallem Pawlu, “il-fidi tiġi mis-smigħ u s-smigħ mix-xandir tal-Kelma ta’ Kristu” (Rum 10:17).
Huwa għalhekk li x-xandir tal-Vanġelu huwa prijorità għal kull komunità Nisranija! Bħal Pawlu, aħna wkoll irridu nkunu konxji li aħna “maħtur(a) għall-Evanġelju ta’ Alla” (Rum 1:1). Pawlu kien konvint li Alla bagħtu biex l-ewwel u qabel kollox iwassal il-Vanġelu u mhux biex jgħammed. Għaliex biex wieħed jirċievi l-Magħmudija, irid ikun jemmen – jekk mhux hu, il-ġenituri, il-parrini u l-istess komunità ekkleżjali li jilqgħuh.
L-ubbidjenza hija l-atteġġjament tagħna quddiem il-Kelma li teħles. Fil-fatt Pawlu jitkellem dwar “l-ubbidjenza tal-fidi” (Rum 1:5); u fit-Tieni Ittra lill-Korintin jappella biex “inwaqqgħu kull raġunament u kull kburija li tqum kontra l-għarfien ta’ Alla u njassru l-ħsieb għal ubbidjenza lil Kristu” (10:5). Skont Pawlu, il-fidi hija l-konverżjoni mid-diżubbidjenza għall-ubbidjenza sħiħa lejn Alla. Bit-taħriġ tal-virtù tal-ubbidjenza, il-bniedem tal-fidi jikber fix-xebh tiegħu ma’ Ġesù li “ċekken lilu nnifsu billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:8). Għalhekk, min verament jemmen, joqgħod għall-kelma ta’ Ġesù. L-ubbidjenza tfisser l-impenn tagħna li ngħixu l-Kelma tal-Mulej. L-esperjenza tixhdilna li meta nfasslu l-ħajja tagħna fuq il-Kelma, ħa jħabbat il-“baħar”! Imma meta “tlifna” il-Ktieb, meta warrabna l-Kelma tas-Sinjur, il-“baħar” beda javvanza u kważi belagħna!
Il-fidi teħlisna mid-diżordni morali! Kif fissirt aktar ’il fuq, Ġesù Kristu huwa l-kontenut essenzjali tal-fidi tagħna. Nistgħu naslu biex nagħrfu r-rieda tiegħu mill-Kelma kif imfissra mill-Knisja. Dan il-kontenut jgħinna biex f’ħajjitna jkollna l-ordni u ma nkunux “karnival” is-sena kollha, fis-sens li ngħixu mingħajr rażan! L-esperjenza tal-Karnival hija fenomenu f’ħafna reliġjonijiet, fejn il-bniedem jirriserva perjodu qasir li fih hu jagħti lilu nnifsu l-liċenzja li jagħmel dak kollu li jfettillu. Huwa perjodu ta’ taħwid fejn kull regola tal-ħajja tinkiser. Imbagħad, wara l-Karnival jibda ż-żmien fejn il-bniedem jerġa’ jqiegħed l-ordni!
San Pawl jagħmel sejħa biex inżommu sħaħ fil-fidi (ara 1 Kor 16:13). Hu jfakkar fl-eżempju ta’ Abraham li “emmen lil Alla, u kien magħdud lilu b’ġustifikazzjoni” (Rum 4:3; Gal 3:6). Il-fedeltà tiegħu lejn Alla, il-fatt li baqa’ “sħiħ fil-fidi”, f’dik “il-fidi li taħdem bl-imħabba” (Gal 5:6), kollox għen lil Abraham mhux biss biex “isalva”, imma wkoll biex madwaru jibni ordni ġust. Hekk ukoll in-Nisrani, li, imbuttat mill-fidi, iħares il-kmandament il-kbir tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, ma jistax bl-“għemejjel tajba” ma jagħtix is-sehem tiegħu biex ikun rispettat l-ordni morali.
Kemm tagħmel sens it-Talba tal-Bidu tal-Quddiesa ta’ din is-solennità tan-Nawfraġju: “O Alla, fil-providenza tiegħek tal-għaġeb int għoġbok li l-Appostlu Missierna San Pawl jara l-għarqa biex jiġi fostna u jxandrilna l-fidi… Bil-ħrara kollha nitolbuk li nżommu sħiħ u bla mittiefes it-tagħlim li huwa tana bil-kelma u bl-eżempji tiegħu”! Aktar ma tinfirex u timmatura l-fidi tagħna, aktar nilħqu livelli ogħla ta’ libertà. Għalhekk, jekk l-ilma tal-“baħar” ifakkarna fil-possibbiltà li negħrqu u mmutu, hemm ilma ieħor li jfakkarna fit-twelid għall-ħajja ġdida: il-Magħmudija, tema ħafna għal qalb Pawlu, li fost ħwejjeġ oħra jgħallem: “Intom li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ’l Kristu… intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu” (Gal 3:28).
F’isem Alla nħeġġiġkom biex tqajmu fikom id-don li rċivejtu dakinhar tal-Magħmudija tagħkom. Dakinhar tqiegħdet il-ġebla tax-xewka li fuqha sserraħ il-binja ta’ ħajjitna – miżżewġin, saċerdoti, ikkonsagrati u reliġjużi! Għożżu mhux biss il-Magħmudija individwali tagħkom, imma wkoll il-magħmudija ta’ ġensna li wkoll għandu sejħa u missjoni minn Alla. Jekk aħna nibqgħu mxarrbin bl-ilma tal-Magħmudija li tagħmilna wlied Alla, iddewwaqna l-fidwa li ġab Kristu u sseħibna fir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt, aħna nkunu poplu ħieles tassew.