Aqbeż għall-kontenut

Fidi fil-Knisja

Għandhom raġun dawk li jikkritikaw lill-Knisja meta titkellem dwar suġġetti bħalma huma x-xjenza, il-mediċina u l-ekonomija, u jakkużawha li m’hix kompetenti. Imma l-Knisja, li tagħraf l-inkompetenza tagħha f’dawn il-materji, meta tippronunzja ruħha dwar temi li għandhom x’jaqsmu max-xjenza, il-mediċina, l-ekonomija u l-bqija, ir-riflessjoni tagħha tkun biss dwar il-prinċipji etiċi u morali li għandhom ikunu l-bażi ta’ kull attività umana! Il-Knisja hija konxja li ma għandhiex soluzzjonijiet xjentifiċi jew amministrattivi, imma li l-proposta tagħha hija waħda: il-fidi f’Ġesù Kristu, li huwa “il-Liġi l-ġdida” – il-“kejl il-ġdid ta’ l-intelliġenza u l-azzjoni li jibdel il-ħajja kollha tal-bniedem” (Porta Fidei, 6). F’dan il-kamp, ħadd ma jista’ jgħid li l-Knisja m’hix kompetenti li tiftaħ fommha!

Mela jekk il-Knisja “tiżżattat” meta titkellem dwar suġġetti li dwarhom m’hix kompetenti, x’jagħmel dak il-bniedem li jippretendi li għandu jitkellem dwar il-Knisja meta ma jafx x’inhi l-Knisja? Ġustament jien ma nistax nitkellem dwar ix-xjenza, għax ma nifhimx… Allura kif ħaddieħor, li ma jħarisx lejn il-Knisja bħala “oġġett” ta’ fidi, jippretendi li għandu jiddetta x’għandha tkun u x’għandha tagħmel il-Knisja?

Jekk ma nħarsux lejn il-Knisja bl-għajnejn tal-fidi, nistgħu faċilment nikkunsidrawha bħal kull organizzazzjoni jew istituzzjoni umana oħra. Hemm min irid jirriduċi l-Knisja għal sempliċi organizzazzjoni non-governattiva (NGO). Imma l-Knisja temmen li ma kinitx hi li ħolqot lilha nfisha. It-twaqqif tagħha ma jiddependix minn xi deċiżjoni tal-bnedmin. M’humiex il-bnedmin li bl-intelliġenza tagħhom taw forma u missjoni lill-Knisja. Imma l-Knisja għandha l-fundament tagħha fi Kristu, l-Iben ta’ Alla. Anzi, sa minn qabel ġie Kristu, diġà fit-Testment il-Qadim, Alla kien qed juri lill-poplu tiegħu tixbihat ta’ dak li mbagħad wettaq Kristu fil-milja taż-żmien meta waqqaf il-Knisja tiegħu. Imma jekk ma jkollniex din il-viżjoni tal-fidi tal-Knisja bħala “misteru”, la dawk li hemm barra ma jistgħu jifhmu u jitkellmu sewwa dwar il-Knisja, u lanqas aħna li ninsabu “ġewwa” ma nistgħu nħobbu u nbatu għall-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Jekk il-fidi tagħna tnin, bir-raġun ma nkunux nistgħu nħossuna kburin li aħna membri ta’ din il-Knisja ta’ Ġesù Kristu.

Bl-għajnuna ta’ Alla ftit jiem oħra, flimkien mal-Papa Benedittu XVI, sejrin ninawguraw is-Sena tal-Fidi. Inħeġġiġkom biex sikwit nagħmlu t-talba li l-Appostli ressqu quddiem l-Imgħallem: “Mulej, kattar fina l-fidi”, u fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu fihom, inżidu nitolbuh biex ikattar fina l-fidi fil-Knisja tiegħu. Barra li nistqarru din il-fidi fil-Knisja li Kristu fada lill-Appostli – “Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16:18), jeħtieġ li nitgħallmu aktar dwar x’inhi l-Knisja.

Wieħed mid-dokumenti sbieħ li tana l-Konċilju Vatikan II, li din is-sena qegħdin infakkru l-ħamsin sena minn meta fetaħ, huwa propju l-Kostituzzjoni Dommatika Lumen Gentium ([Il-Knisja] Dawl tal-Ġnus). Għalhekk neżortakom biex matul din is-sena nieħdu f’idejna dawn id-dokumenti, biex fid-dawl ta’ dan it-tagħlim, mhux biss inkunu nafu aħjar x’inhi l-Knisja, imma wkoll inġeddu ’l-istess Knisja. Nappella lis-saċerdoti biex ifasslu fuq din id-duttrina Kattolika l-predikazzjoni tagħhom.

Ġabra fil-qosor ta’ dan it-tagħlim tal-Konċilju dwar il-Knisja tinsab fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Għaddew għoxrin sena minn meta l-Qaddej ta’ Alla l-Papa Ġwanni Pawlu II kien tana dan it-teżor. Ilkoll għandna bżonn niffriskaw it-tagħlim tagħna dwar il-Knisja, inkluż jiena, għaliex il-Knisja la hija “tiegħi” u lanqas “tagħna”, imma hija ta’ Ġesù Kristu.

Kif nistqarru fil-Kredu, din il-Knisja hija mżejna b’erba’ kwalitajiet: hija waħda, qaddisa, Kattolika u Appostolika. Ser nitkellem biss dwar l-ewwel kwalità. Il-Knisja hija waħda għax il-Fundatur tagħha huwa wieħed: Ġesù Kristu. Il-Knisja m’hix ta’ Apollo, ta’ Kefa jew ta’ Ċikku, imma hija biss ta’ Ġesù Kristu, u għandha ruħ waħda li huwa l-Ispirtu s-Santu. Din l-uniċità tal-Knisja hija mħarsa jekk inħaddnu l-uniku Vanġelu li tana Ġesù Kristu. Il-Vanġelu li xxandar il-Knisja m’hu ta’ ħadd ħlief ta’ Ġesù. Biex inkunu żguri li għandna duttrina waħda, fil-Knisja hemm il-Missier tagħna l-Papa li bis-saħħa tal-Ministeru Petrin jikkonfermana li qed nemmnu s-sewwa u ngħallmu l-istess sewwa.

Hemm imbagħad is-Suċċessjoni Appostolika li tiżgura li għalkemm jgħaddu s-snin u s-sekli, il-Knisja tibqa’ dik li waqqaf Kristu. Kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II, “fost il-ħafna ministeri li mill-ewwel żminijiet kienu eżerċitati fil-Knisja, l-ewlieni, kif tixhed it-Tradizzjoni, kien id-dmir ta’ dawk li, magħżulin isqfijiet b’suċċessjoni li ġejja mill-bidu tal-Knisja, laqgħu f’idejhom il-fergħa li ġejja miż-żerriegħa Appostolika. Hekk kif jixhed San Irinew, huwa permezz ta’ dawk li l-Appostli ħatru isqfijiet u tas-suċċessuri tagħhom sa żmienna illi t-Tradizzjoni Appostolika tixxandar u titħares fid-dinja kollha” (Lumen Gentium, 20).

Dawk li jitkellmu dwar il-Knisja għandhom dan l-għarfien dwarha? Mhux dejjem! Għalhekk sinċerament inħoss għalikom, għax nibża’ li jħawdukom b’tagħlim żbaljat. Huwa għalhekk li jien inħossni fid-dmir li f’ħinu u barra nipprova nwassal lilkom, il-Knisja fdata lili, it-tagħlim safi.

Din l-uniċità tal-Knisja hija midruba. Il-fatt li dawn il-ġrieħi ilhom idennu fil-Knisja xejn ma huwa ta’ konsolazzjoni! Irridu naħdmu biex il-firdiet fil-Knisja – għandi f’moħħi diversi għamliet ta’ firdiet fil-“ġisem” ekkleżjali – jitfejqu.

Dawn huma ftit ħsibijiet li xtaqt naqsam magħkom fl-okkażjoni ta’ l-Anniversarju tad-Dedikazzjoni ta’ din il-Bażilika Ġorġjana, biex flimkien nagħmlu talba lil Alla ħalli ma tiġix nieqsa fina l-fidi – mhux biss f’Ġesù Ewkaristija, imma wkoll fil-Knisja, li hija l-“Ġisem Mistiku” ta’ Kristu. Huwa biss meta nħarsu lejn il-Knisja bħala “don” mogħti lilna minn Kristu, li aħna nistgħu nħobbuha u naċċettawha bħala “Omm” u nitkellmu dwarha.

pdf · 60.88 KB Niżżel