Fidi li Tittieħed
It-teologu Max Thurian jgħid li fir-rakkont tat-tieġ ta’ Kana għandna t-tweġiba kollha tama li Alla joffri lill-umanità mgħobbija b’tant diffikultajiet u lir-reliġjon Lhudija li fi żmien Ġesù kienet ftaqret ħafna – għax kemm l-umanità u kemm Iżrael kienu qed jistennew il-ħelsien! Jien inżid li hawnhekk għandna xi jrid jgħid Alla lill-Knisja tiegħu llum!
Fil-fatt, il-miraklu li seħħ f’Kana ma kienx li l-ilma nbidel fi nbid, imma li d-dixxipli emmnu f’Ġesù. Din hija s-sejħa li anki llum Alla qed jagħmel lill-umanità u lill-Knisja: li aħna nemmnu fih, li aħna jkollna l-fiduċja fih. L-Appostli, minkejja li kienu jiġru wara Ġesù u kienu dejjem ma’ djulu, minkejja li kienu reliġjużi, kellhom fidi dgħajfa, moxxa, fietla u dubjuża; imma f’Kana d-dixxipli raw il-glorja ta’ Kristu u emmnu fih.
Nissuspetta li l-fidi ta’ ħafna llum tixbah lil dik tal-Appostli qabel il-miraklu. Jien ma nikkuntentax ruħi fil-ġiri tagħna wara x-xbihat ta’ Ġesù u l-qaddisin. Ir-reliġjożità tagħna mhix kollox. Pjuttost nistaqsi jekk illum għandniex bżonn miraklu bħal dak ta’ Kana biex nimtlew bil-fiduċja f’Ġesù. Il-fidi kif ippreżentata minn San Ġwann fil-Vanġelu mhix fidi statika, fis-sens li jkun biżżejjed li wieħed jitgħallem u jiġbor fil-memorja tiegħu ċerti veritajiet tat-twemmin Nisrani. Imma l-fidi hija proċess dinamiku. Hija relazzjoni mal-persuna ta’ Ġesù. Il-fidi hi frott il-laqgħa personali ma’ Ġesù li jsejħilna biex immorru warajh. L-esperjenza tal-fidi timplika li bil-mistoqsijiet tagħna ninżlu fil-fond tal-misteru. Fuq kollox il-fidi tfisser li nimxu ma’ Ġesù. Fil-fatt, San Ġwann jikteb li d-dixxipli niżlu Kafarnahum u qagħdu miegħu. Minn hemm Ġesù tela’ Ġerusalemm biex jgħaddi mill-prova tal-Kalvarju.
Matul din l-esperjenza d-dixxipli ma kinux waħidhom imma kienu akkumpanjati minn Marija. Fil-fatt, San Ġwann jgħid li f’Kana kien hemm “omm Ġesù”. L-evanġelista qatt ma jsejjaħ lil Marija b’isimha – la f’dan it-tieġ u lanqas fuq il-Kalvarju fejn kienet wieqfa ħdejn is-salib. San Ġwann ma jsejħilhiex b’isimha għax ma nistgħux nagħrfu l-identità ta’ Marija jekk mhux f’rabta ma’ Ġesù. Huwa għalhekk li San Ġwann jippreżentaha bħala “Omm Ġesù”. Miftuma minn Ġesù, Marija ma għandhiex tifsira. Hekk ukoll il-ħajja tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù ma tagħmilx sens jekk ma tkunx f’relazzjoni ma’ Ġesù. Tant huwa hekk li San Ġwann jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “d-dixxiplu l-maħbub” – id-dixxiplu maħbub minn Ġesù.
F’Kana Marija hija dik li ssieħeb lill-ewwel dixxipli biex jagħmlu l-att ta’ fidi u tibqa’ takkumpanjahom sa fuq il-Kalvarju u wara. Biex issaħħaħhom f’dan il-proċess, hija tgħidilhom: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Niżgurakom li meta Ġesù qalilha: “Mara, x’hemm bejni u bejnek? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”, Marija ma fehmitx x’ried jikkomunikalha; imma minkejja li ma fehmitux, Marija ddur fuq il-qaddejja u tgħidilhom jagħmlu dak li kien qed jordnalhom. Fi kliem ieħor, Marija tgħidilhom: Emmnu fih, agħtuh il-fiduċja tagħkom anki jekk għalissa m’intomx tifhmuh, oqogħdu fuq kliemu!
Fl-aħħar mill-aħħar il-ħajja ta’ Marija kienet “iva” kontinwa lil Alla minkejja li mhux dejjem kienet tifhmu. Meta f’Nazaret l-anġlu wasslilha l-aħbar li kellha tkun omm Ġesù, hi staqsiet: “Kif jista’ jkun dan ladarba ma nagħrafx raġel?”. Imma xorta waħda tagħtih il-fiduċja tagħha u temmen.
F’Kana għandna eku ta’ dak li l-poplu Lhudi jgħid meta Alla ried jidħol f’patt miegħu: “Nagħmlu dak li jgħidilna hu” (Eż 19:8; 24:3,7). Fuq fomm Marija għandna l-istess stqarrija ta’ fiduċja f’Alla li l-komunità Lhudija għamlet f’riġlejn is-Sinaj. Kif fuq is-Sinaj Mosè kien il-medjatur bejn Alla u l-poplu, f’Kana Marija ssib ruħha bejn Ġesù u l-qaddejja. Meta l-poplu qagħad fuq il-kelma ta’ Alla, Alla tah id-don tal-Liġi; waqt li f’Kana, konsegwenza tal-fiduċja li l-qaddejja wrew fih, Ġesù pprovda l-inbid ġdid, simbolu tal-Liġi l-ġdida li huwa tana.
Imma hawnhekk jidwi wkoll mill-ġdid il-leħen tal-Missier meta dakinhar tat-Trasfigurazzjoni fuq it-Tabor kien qal: “Dan huwa Ibni l-għażiż, isimgħu lilu” (Mt 17:6). Għalhekk meta f’Kana Marija tgħidilna biex “nagħmlu dak li jgħidilna hu”, hija qiegħda ttenni dak li l-Missier jitlob minna.
Meta jikkummenta dwar din il-frażi (“Agħmlu dak li jgħidilkom hu”), San Tumas minn Aquino jgħid li hawnhekk għandna dik li jsejjaħ totius iustitiæ, għax meta l-bniedem jagħmel ir-rieda ta’ Alla huwa jagħmel dak li huwa sewwa.
Din hija l-aħħar darba li qed nippresiedi din l-Ewkaristija fl-okkażjoni tal-Festa tal-Madonna Ta’ Pinu. Għalhekk l-isbaħ ħaġa li nista’ ngħidilkom fi tmiem dan il-ministeru tiegħi hija l-istess ħaġa li Marija qalet lill-qaddejja: Agħmlu dak li jgħidilkom Ġesù! Lil din il-Knisja li servejt b’ħafna għożża matul dawn il-ħmistax-il sena, intennilha: Agħmel dak li jgħidlek hu u ma tiżbaljax. Jekk nagħmlu dak li jitlob minna Ġesù ma jfissirx li kollox ser ikun ward u żahar – ħa jkun hemm mumenti ta’ tbatija, nintalbu nħallsu prezz xi drabi għoli, imma l-konsolazzjonijiet huma kbar ukoll.
Billi nhar l-Erbgħa li għadda f’dan is-Santwarju tħabbar id-don li l-Papa Franġisku għamel lill-Knisja tagħna fil-persuna ta’ Mons. Anton Teuma, Isqof ġdid tagħna, f’din il-festa tant għażiża għalina l-Għawdxin nappellalkom biex tagħmlu dak li jgħidilkom l-Isqof tagħkom, Anton. Għax il-missjoni tal-Isqof hija waħda: li jgħinkom tikbru fil-fidi, isaħħaħ fikom il-fiduċja f’Alla, u kontinwament jakkumpanjakom fid-dixxerniment ta’ x’inhi r-rieda ta’ Alla għalikom.
Nitlob għalikom biex kull wieħed u waħda minna jirnexxilu jiddeskrivi lilu nnifsu f’relazzjoni ma’ Ġesù. Dan huwa l-Kristjan: il-maħbub ta’ Ġesù. Nitlob lill-Mulej ikattar fikom il-fidi biex kif f’Kana kienet il-fidi ta’ Marija li wasslet biex Ġesù għamel il-miraklu u d-dixxipli emmnu fih, hekk illum ħafna oħrajn “jittieħdu” jew jiġu “infettati” mill-fidi tagħkom.