Aqbeż għall-kontenut

Ġesù Qed Iħabbat

L-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna. Din hi l-aħbar it-tajba li qegħdin niċċelebraw f’dan il-Milied Imqaddes. Kif jikteb l-Appostlu Pawlu fl-Ittra lill-Filippin, “Alla ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu billi obda sal-mewt tas-salib” (2:6-8).

Forsi aħna, bil-moħħ nobbli imma limitat tagħna, ma naslux biex nifhmu dan il-paradoss li Alla sar tarbija u twieled f’għar f’Betlehem. Santu Wistin josserva li Dak li għamel l-univers, twieled f’maxtura; Dak li huwa mlibbes bl-immortalità, huwa mfisqi; Dak li ma sabx kenn f’lukanda, jagħmel għalih tempju fil-qalb tal-bniedem (ara Sermo 190). “Dak li ħalaq iż-żmien, sar jiddependi miż-żmien” (Sermo 192). Dak li Isaija jsejjaħlu “Alla setgħan”, jidher fid-dgħufija umana! Filwaqt li sinċerament irrodd ħajr lil Alla għal dawk kollha li llum jagħmlu stqarrija tal-fidi u jinżlu jaduraw dan il-misteru hekk kbir, Alla li sar bniedem, fl-istess ħin ma nistax naħbi t-tħassib pastorali tiegħi għall-fatt li bosta jitfixklu minħabba ċ-ċkunija ta’ dan Alla li twieled ġewwa għar.

Għaliex Alla twieled f’għar? Biex nifhmu tajjeb dak li seħħ, l-evanġelista San Luqa jpittrilna dan il-fatt billi jgħid li meta Ġużeppi u Marija marru jinkitbu fiċ-ċensiment, lil Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u għalhekk ippruvaw jidħlu f’lukanda biex jagħtu kenn lit-tarbija li kienet ser titwieled. Imma sabu l-bieb magħluq! San Ġwann, b’mod aktar mirqum u riflessiv, jikteb li “id-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux. Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx” (1:10-11). Il-Papa, fil-ktieb li għadu kif ippubblika dwar it-twelid u t-tfulija ta’ Ġesù, ikompli bir-riflessjoni u jgħid li mhux ta’ b’xejn li dak li twieled barra mill-belt, ’il bogħod mill-abitat, temm ħajtu msallab barra mill-belt, għaliex ħarġuh fuq il-Golgota barra mill-ħitan ta’ Ġerusalemm (ara p. 80). Illum ukoll Ġesù jrid jiġi jgħammar fostna. Imma kif staqsa fil-Quddiesa ta’ Nofsillejl li għadda l-Papa Benedittu, kieku llum Ġesù kellu jħabbtilna fuq il-bieb, aħna kapaċi nagħrfuh u niftħulu beraħ biex jidħol, jew inkella jsib ruħu rrifjutat u mkeċċi mis-soċjetà kontemporanja għaliex ma għandniex ħin u spazju għalih?

Insemmi żewġ eżempji li semma l-Papa Benedittu fl-omelija tiegħu. Huwa qal li llum Alla huwa eskluż mill-ħsieb tagħna l-bnedmin: “Il-metodoloġija li biha naħsbu qiegħda b’tali mod li Hu, fl-aħħar mill-aħħar, m’għandux għax jeżisti. Anki jekk jidher li qed iħabbat fuq il-bieb tal-ħsieb tagħna, Hu għandu jiġi mbiegħed b’xi raġunament jew ieħor. Biex jinżamm b’serju, il-ħsieb tagħna għandu b’xi mod jirrendi superfluwa l-‘ipoteżi ta’ Alla’. Mhemmx post għaliH”. Illum hawn min jidhirlu li biex il-ħsieb ikun jagħmel sens, m’għandux ikollu wisa’ għal Alla. Mhux hekk biss, imma jekk xi ħadd jazzarda jgħid li l-ħsieb tiegħu qiegħed iserraħ ukoll fuq Alla, anki din il-persuna ssib il-bieb magħluq ġo wiċċha. Donnu llum biex il-ħsieb ikun “loġiku”, irid ikun miftum minn Alla! Mhux li kien il-bniedem jintebaħ li l-ħsieb li jbarri lil Alla mhux ħsieb uman, għax jaf iwassal għal konklużjonijiet li ma jixirqux lill-bniedem!

Imma lil Alla barrejnieh ukoll mir-rieda tagħna. Benedittu jgħid li “anki fil-mod kif inħossu u nixtiequ, mhemmx spazju għaliH”. Dan ifisser li f’dak li aħna nixtiequ, mhux dejjem nirreferu għal Alla, u allura qed insibu rwieħna nagħżlu dak li m’għandniex nagħżlu; qed nagħmlu deċiżjonijiet li, għalkemm fl-apparenza jidhru sbieħ, imbagħad nintebħu li jiswewlna prezz qares. Fi kliem il-Papa, “aħna rridu lilna nfusna, irridu l-ħwejjeġ li nistgħu mmissuhom b’idejna, il-ferħ li nistgħu nesperimentaw, is-suċċess tal-pjanijiet personali tagħna u tal-intenzjonijiet tagħna. Aħna kollna kemm aħna ‘mimlijin’ bina nfusna, hekk li ma ħallejna l-ebda spazju għal Alla”.

Għalhekk ma nistagħġbux illi llum irridu nagħmlu sforz biex naċċettaw id-don tal-ħajja! Ma nistagħġbux jekk għandna kultura razzista illi m’għandhiex wisa’ għall-immigranti; li għandna soċjetà li mhix attenta għall-fqir u ċ-ċkejken, għaliex fil-ħsieb soċjali tagħna hemm tellieqa għall-poter meqjus bħala strument ħalli min għandu jitkattarlu u min m’għandux ikompli jikkrepa; li llum m’għandniex spazju għal Ġesù Kristu fil-familja u fl-ambjenti pubbliċi. Biżżejjed wieħed isegwi x’inhu għaddej fi Strasbourg u Brussell. Dan l-aħħar il-Parlament Ewropew deherlu li fil-biljett tal-awguri ta’ dawn il-festi kellu jwarrab kull riferiment għall-Milied Kristjan! Fi Brussell hemm min jixtieq jelimina s-siġra tal-Milied għax din għandha rabta mal-Kristjanità! Din hija l-unità fid-diversità? Napprezza jekk xi ħadd ifissrilna dan is-slogan, għax l-impressjoni li tingħata hija li hemm spazju għal kulħadd barra għal Alla!

Ġesù ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx; iħabbat il-bieb u aħna kapaċi nħabbtuhulu f’wiċċu. F’dan il-Milied għalhekk nistedinkom biex, ’l hinn mis-sentimenti sbieħ u tajbin li f’ċertu sens jafu wkoll joħonqulna r-riflessjoni, tirriflettu ftit. Fl-Apokalissi naqraw li l-Anġlu jħabbar lill-Knisja ta’ Laodiċija li Kristu, ix-Xhud fidil u veru, qed jgħidilha: “Ara, jien fil-bieb qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jien nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi” (3:20). Dawn huma l-awguri tiegħi għal dan il-Milied lill-komunità djoċesana: Ġesù qiegħed fil-bieb iħabbat. Niftħulu u ndaħħluh ġewwa biex jgħix magħna, u aħna naraw il-glorja ta’ Alla. Importanti li nħallu l-bieb dejjem imbexxaq, għax il-Mulej jista’ jitfaċċa xħin lanqas biss inkunu nobsru. Ma nagħlqu l-bieb qatt għal ħadd, għax ma nafux taħt liema libsa jaf ikun preżenti Alla għalina.

pdf · 59.09 KB Niżżel