Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Għad-Dell tas-Salib

Ħuti fi Kristu, napprezza l-attenzjoni tagħkom biex f’din l-għodwa li fiha qegħdin niċċelebraw din is-solennità f’ġieħ San Ġorġ jiena nkellimkom bħala r-ragħaj spiritwali tagħkom. Jidhirli illi ngħid tajjeb li intom ma tistennewx li jiena naqra artiklu u niġi nesponih lilkom, imma intom ċertament li tridu tkunu tafu fejn tħabbat il-qalb ta’ l-isqof tagħkom. U meta qed ngħid lilkom qed ngħid lid-djoċesi kollha kemm hi. Issa huwa fatt magħruf li meta jiena nagħmel dawn ir-riflessjonijiet, anki fil-festi, jiena nipprova, bħalma huwa d-dmir li jiena mgħobbi bih, nagħti wkoll gwida lill-poplu ta’ Alla fdat lili.

U din l-għodwa tippresta ruħha ħafna, għaliex nistqarr magħkom illi fil-ġimgħat li għaddew ħassejtni ħaġa waħda ma’ San Ġorġ u tlabtu biex jgħinni, għaliex ħassejtni għaddej mill-istess ċirkustanzi illi għadda minnhom il-patrun tagħna, Ġorġi ta’ Lidda. Huma dawn il-ħsibijiet illi nixtieq, b’qalb miftuħa, naqsam magħkom dal-għodu.

Għeżież tiegħi, qatt ħassejtu l-assenza ta’ Alla fil-ħajja tagħkom? Qatt ħassejtu s-skiet ta’ Alla, dak is-skiet illi għal min għandu rasu fuq għonqu għandu jħassbu u jinkwetah, biex ma ngħidx jaqtagħlu qalbu? Qatt ġarrabtu dak is-skiet illi aħna fil-fraġilità umana tagħna ninterpretawh bħallikieku Alla ħalliena u tbiegħed minna? Dan is-skiet ta’ Alla, dan l-abbandun ta’ Alla, jekk nista’ nsejjaħlu hekk, jien narah meta nipprova naqra r-realtà ta’ madwarna, meta nara ċ-ċiviltà tagħna bħala ġens Malti u Għawdxi, biex ma ngħidx bħala ġens Ewropew, kull ma jmur qiegħda titmermer fil-fundamenti tagħha.

Ngħidu aħna, jekk nitkellmu fuq iż-Żwieġ u l-familja, li m’humiex tema speċifikament tagħna bħala poplu ta’ Alla, imma huma tagħna wkoll, fejn sejrin? Il-lum għandna min qiegħed irewwaħ ċerti prattiċi illi jpoġġu f’dubju n-natura taż-Żwieġ u l-familja. M’inix nitkellem biss fuq dik li hija l-indossulibbiltà, jiġifieri li ż-Żwieġ jibqa’ għal dejjem, imma qed nitkellem anki fuq min jista’ jiżżewweġ, minn min hija fformata l-koppja. Għandna grupp f’pajjiżna – il-Gay Movement – illi jiftaħar u jrid riforma fil-leġislazzjoni, naturalment ċivili, anki f’dan ir-rigward. U jien nistaqsi: Imma int, o Alla, fejn int, meta qed tħalli dan id-diżastru jaħkem is-soċjetà tagħna?

Ridt ngħid ħaġa oħra fuq is-soċjetà ċivili, u tindunaw kif qed nitkellem mill-qalb, mhux qed nitkellem diskors studjat; studjat hu, naturalment, rifless, imma… Din il-ġimgħa ħareġ rapport fuq kampanja nazzjonali fuq is-saħħa fis-sesswalità. Jien mhux ħa nagħmel ġudizzju fuq min kiteb ir-rapport, imma fuq il-kontenut tar-rapport nista’ nagħmel riflessjoni, u naħseb li jien fid-dmir li nagħmel ġudizzju. Possibbli l-lum wasalna f’dan l-istadju li minħabba ċerti sitwazzjonijiet ġejna biex nissagrifikaw is-sagralità tas-sesswalità? Fejn int, o Alla? Għax dan is-skiet kollu?

Dan is-sħab narah ukoll fuq il-Knisja. Imma attenti: sħab veru, sħab iswed veru, u mhux dak montat, mhux dak mibni fuq il-fantasija u l-qlajja. U ifhmuni! Iva, nara ċertu sħab fuq il-Knisja jien, u ngħid: Imma għaliex din ir-reżistenza fil-Knisja biex inkunu Knisja evanġelika? Għaliex dawn l-iskandli fil-Knisja? Għaliex din l-isfiduċja f’min Alla poġġa biex jiggwida lill-Knisja? U qed nitkellem fuq livelli differenti. Fejn int, Mulej?

Biex ma nsemmix imbagħad l-esperjenzi personali tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna, fejn hemm waqtiet fejn is-skiet ta’ Alla taqtgħu b’sikkina. Ngħidu aħna, meta tkun għaddej minn xi marda, meta jkun hemm xi mewt bikrija. U bir-raġun ma nistagħġibx jien li xi ħadd jgħid: Imma int, Alla, fejn int? Imma barra l-mewt fiżika hemm ukoll il-mewt morali u psikoloġika; u xi darba wieħed jista’ jħossu waħdu, ikkalunjat, li hemm xibka tintiseġ bil-mod il-mod bil-qlajjiet ħalli jmut hu wkoll. U jien nistaqsi f’dawn iċ-ċirkustanzi: Imma, Alla, fejn int?

Taħsbu li qed nesaġera? Għeżież tiegħi, għidtilkom li f’dawn il-jiem jiena mmedesimajt ruħi ma’ San Ġorġ, u meta rġajt qrajt il-ħajja tal-Martri ta’ Lidda qrajt illi dawn l-istess silenzji ta’ Alla, dawn l-istess dubji ta’ l-assenza ta’ Alla, kienu anki fi żmienu. Mela jekk il-lum qed nitkellmu fuq ċiviltà li qed tikkrolla, l-imperu ta’ żmien San Ġorġ ma kienx imperu li kien qiegħed ukoll jiddeterjora, jikkorrompi ruħu? Ma kienx imperu fejn il-poter tant tela’ għall-irjus li Djoklezjanu u s-satelliti tiegħu, il-prefetti tiegħu, riedu li jkollhom partiċipazzjoni mid-divinità, u allura riedu illi jaħarqulhom l-inċens? U kkrolla l-imperu Ruman.

Mela fuq il-Knisja ta’ żmien San Ġorġ tagħna ma kienx hemm ukoll sħab veru iswed? L-ewwel nett meta wħud mill-Kristjani kienu jgħixu ħajja ta’ kompromess, u allura kienu jaduraw lil Alla fit-Tempju imma jaduraw ukoll lill-imperatur bħala d-divinità. Imma kien hemm ukoll il-persekuzzjoni tal-Kristjani illi bil-mod il-mod ippruvat teskludihom, tħassar isimhom minn fuq il-mappa. Ma taħsbux illi f’dawn iċ-ċirkustanzi l-komunità Kristjana, fosthom San Ġorġ, għamlu dawn il-mistoqsijiet?

U x’ngħidu, imbagħad, ma ngħidx għall-martirju, imma għas-sensiela ta’ martirji illi ngħata San Ġorġ? X’ngħidu għal dawk is-seba’ snin ta’ passjoni, kif jgħidilna l-isqof Jacob ta’ Varese illi jikteb il-Legenda aurea ta’ San Ġorġ?… Jgħid illi meta ħa l-ewwel martirju u kissrulu rasu bil-martell, u ħareġ anki moħħu, – li ma kienx martirju taċ-ċajt –, jidhirlu anġlu tal-Mulej u jgħidlu: “Ġorġi, taqtax qalbek, imma int għandek seba’ snin tal-passjoni quddiemek. Tmut tliet darbiet u tliet darbiet terġa’ tqum”. U intom tafu x’kienu d-diversi martirji li rċieva San Ġorġ. Ma taħsbux illi f’dawn iċ-ċirkustanzi kienet toħroġ din il-karba mill-bniedem u lil Alla jgħidlu: “Imma tkellem, agħmel lilek innifsek preżenti”?

Jiena konvint illi jekk dan kien is-sentiment tal-kotra tal-Kristjani, ma kienx idallam il-ħsieb tal-qaddis tagħna San Ġorġ, għaliex nimmaġina illi bħalma fi żmien Kostantinu, fil-gwerra ta’ Massenzju, deherlu anġlu, deherlu salib u qallu: “In hoc signo vinces”, “B’dan is-sinjal inti tirbaħ”, jiena konvint illi San Ġorġ quddiem dan ix-xenarju hekk wiesa’ – soċjali, ekkleżjali, personali – kellu quddiemu dan il-konvinċiment: “In hoc signo vinces”, “B’dan is-sinjal tas-Salib inti tirbaħ”. Għaliex is-Salib, li huwa l-emblema tagħna l-Kristjani, li mhux biss inġorruh bħala dekorazzjoni imma rridu nerfgħuh fuq spallejna, hu għalina s-sigriet tal-ħajja Kristjana.

Fil-fatt wieħed għaref ta’ żmienna, magħruf bħala l-missier ta’ l-ermenewtika kontemporanja, jagħmel din l-osservazzjoni: jgħid illi s-Salib għall-Kristjani huwa xi ħaġa li qatt ma nistgħu nifhmu biżżejjed, għaliex illi Alla jmut huwa inkonċepibbli għall-ħsieb uman. Hu inkonċepibbli li l-bniedem jiġih f’moħħu li Alla ħa jissallab u jmut. U għalhekk, ikompli dan l-għaref, kellha tkun ir-Rivelazzjoni – Alla nnifsu – illi tagħtina din iċ-ċavetta biex aħna negħlbu t-toqol tas-salib u negħlbu l-mewt. Iva, għeżież tiegħi, fuq is-Salib hemm is-silenzju ta’ Alla: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”. Imma s-Salib jitkellem b’vuċi għolja li tinfed il-widnejn tagħna lkoll: il-vuċi ta’ l-imħabba ta’ Alla. Fuq is-Salib is-skiet ta’ Alla jitkellem!

U jiena jiġini f’moħħi dak li għadda minnu l-profeta Elija, illi ċertament San Ġorġ kellu konoxxenza ta’ dan il-fatt; San Ġorġ, li kien jaf il-Kelma ta’ Alla. Il-profeta Elija meta ħassu abbandunat minn Alla, meta ried jagħmel riforma fil-kult u ma rnexxilux, qata’ qalbu, ħassu ppersegwitat u mar fuq l-għolja tal-Karmelu. U hemmhekk, qalbu maqtugħa, ġie jżuru Alla. U naqraw fit-tieni ktieb tas-Slaten illi ġie riħ qawwi, imma Alla ma kienx hemm; ġie n-nar, imma Alla ma kienx fin-nar. Dawn huma elementi normalment assoċjati mad-divinità. Seħħ terremot, u Alla ma kienx hemm. Imbagħad it-traduzzjoni tagħna tgħid illi “ġiet fewġa ħelwa” u l-profeta Elija induna bil-ħlewwa ta’ Alla. Imma t-traduzzjoni Għebrajka ta’ dan it-test tagħti verżjoni oħra; ma tgħidx li ġiet “fewġa ħelwa”, imma l-espressjoni hi: “il-leħen tas-silenzju ta’ Alla nstema’”. U Elija mtela bil-kuraġġ u reġa’ ħareġ għall-missjoni tiegħu; il-leħen tas-silenzju ta’ Alla. U dak il-leħen illi sema’ l-profeta Elija huwa l-istess leħen illi sema’ San Ġorġ martri, huwa l-leħen illi jien nitlob li nisimgħu aħna lkoll: il-leħen tas-skiet ta’ Alla.

Ara ma tmorrux taħsbu illi dak kollu li huwa ħażin, li niġbruh fil-mewt, f’Alla fuq is-salib, huwa l-mewt ta’ Alla, kif ħaseb il-filosfu Nietzche: “Deus mortuus”, “Alla mejjet”! M’hemm l-ebda tempju fid-dinja illi fih xi darba xi ħadd jista’ jkanta r-Requiem lil Alla, għax Alla ma jmutx, Alla huwa l-istess Ħajja. Alla taf x’għamel? Alla tant ħabb lill-bniedem, tant rah mgħaffeġ taħt it-toqol tas-salib, illi permezz ta’ Ibnu xorob it-tazza ta’ l-imrar tagħna l-bnedmin biex jassoċja ruħu mad-dgħufija, mat-tbatija, mas-sofferenza, frott ta’ l-imħabba tiegħu.

Meta aħna nimmeditaw fuq is-Salib, illi kien l-emblema tal-martri San Ġorġ, x’nikkontemplaw? Nikkontemplaw mhux biss lil Kristu illi ħabbna tant li ta ħajtu għalina. Nikkontemplaw ukoll l-imħabba tal-Missier: il-Missier illi qed jilqa’ l-offerta li qed jagħmel Ibnu b’ubbidjenza lejh, u biex ipatti għad-dnubiet tal-bnedmin ma jibqax passiv imma jikteb l-istorja tiegħu u jagħtina lil Ibnu; u anki l-Missier jippartiċipa minn din l-għotja, mis-sofferenza. U anki l-Ispirtu s-Santu lanqas m’huwa assenti f’din l-ikona Trinitarja tas-Salib, l-emblema tagħna l-Kristjani. Għalhekk nimtlew bil-qawwa u fis-skiet li ħafna drabi jaħbat joħnoqna, dak is-skiet illi lil San Ġorġ qatt ma telliflu l-qawwa u l-viżjoni tiegħu, aħna nisimgħu l-vuċi ta’ Alla tkellimna, għax minn fuq is-salib Kristu jibgħat l-Ispirtu Konsolatur tiegħu. Intom tafu illi fuq is-salib Kristu – San Ġwann jgħidilna – “radd ruħu” lill-Missier imma wkoll fuq id-dinja. Kristu bagħat l-Ispirtu tiegħu fuqna l-bnedmin, l-Ispirtu biex lilna jgħinna naraw fuq is-salib mhux l-aħħar att ta’ l-istorja ta’ Kristu, imma biex naraw l-identità li hemm bejn il-Mulej Imsallab u l-Mulej Irxoxt: Kristu Msallab imma Rebbieħ fuq il-mewt u fuq kull forma ta’ sofferenza.

U jiena dal-għodu jiġini f’moħħi illi kif Kristu bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq id-dinja kollha, l-Ispirtu Konsolatur niżel b’mod partikulari fuq San Ġorġ. U kien dan li mlieh bil-qawwa ħalli ma jaqtax qalbu quddiem is-salib, anzi ħalli jġorr is-salib bil-ferħ, ħalli hu nnifsu joffri li jkun, kif ngħidu fit-talba tal-Quddiesa, “imitator” tal-Passjoni ta’ Kristu. Altru illi San Ġorġ għandu messaġġ attwali ħafna għalina li qegħdin ngħixu l-lum. San Ġorġ jgħidilna illi l-Knisja ta’ Kristu, li huwa jżejjen bħala l-Prinċep tal-Martri, għandha tkun il-Knisja li tgħix taħt is-Salib, għax fis-Salib hemm il-preżenza ta’ Alla. Tista’ tinstema’ kontradizzjoni kif fi Kristu, li tant kien “ikrah”, illi kienu jgħattu wiċċhom biex ma jħarsux lejh kollu dmija, aħna qegħdin ngħidu li fuq is-salib qed naraw fih il-ġmiel glorjuż ta’ Alla. Fuq is-salib hemm Alla preżenti, dak Alla illi tant hu qrib tagħna illi jrid jissieħeb u jimxi magħna t-triq ta’ kuljum biex jerfa’ s-salib tagħna, biex dawk il-mumenti ta’ qtigħ il-qalb jagħmilhom parti minnu nnifsu.

Għalhekk aħna għandu jkollna s-Salib quddiemna kif kien preżenti għal San Ġorġ, għaliex, kif jgħid Bonhoeffer, filwaqt illi ħafna jirrikorru għand Alla biex jitolbuh ħalli jgħinhom iġorru s-salib tagħhom, il-Kristjan b’differenza jersaq għand Alla Msallab biex jakkumpanja lil Alla li refa’ s-salib ta’ l-umanità. U hawn nilmaħ lil San Ġorġ tagħna, li meta joffri lilu nnifsu għall-martirju huwa jersaq għand Kristu, jersaq għand Alla, biex jerfa’ hu wkoll parti mit-toqol ta’ dan is-salib.

Il-Knisja trid tgħix għad-dell tas-Salib, billi tfittex li tibqa’ fidila għal Alla. Il-fedeltà ta’ San Ġorġ għal Kristu u għat-tagħlim tiegħu wasslitu ħalli jagħti ħajtu għalih. U hekk ukoll il-fedeltà tagħna l-Kristjani lejn Kristu u l-Vanġelu tiegħu trid tibqa’ sħiħa, ma tiċċaqlaqx, anki f’dawk il-mumenti ta’ dalma, solitudni u qtigħ il-qalb. Imma fl-aħħar is-Salib għad jirbaħ! Il-Knisja li tgħammar taħt is-Salib hija l-Knisja ppersegwitata, u l-Knisja tbati meta ma tkunx ippersegwitata. Għaliex Knisja ppersegwitata? Għaliex hija Knisja li biex tħares il-ġustizzja titkellem, biex tiddifendi lill-persuna f’kull mument ta’ l-eżistenza tagħha trid issemma’ u tislef il-leħen tagħha. Aħna ma nistgħux nuru kompassjoni mal-Kurċifiss jekk imbagħad ma nurux l-istess kompassjoni ma’ dawk li qegħdin iġorru s-salib tagħhom, li l-kawża tiegħu hija l-ħażen tal-bnedmin. U mhux hekk għamel San Ġorġ meta ħadha kontra Djoklezjanu? Għax ra li l-ġustizzja ma kinitx qed tiġi rrispettata, ra illi l-kawżi illi jkissru lill-bniedem kienu qegħdin joktru. U allura bil-kuraġġ kollu ma jibżax hu nnifsu jimxi l-Via Crucis, il-Via Dolorosa li mexa Kristu l-Mulej.

Il-Knisja li tgħammar taħt is-Salib hija l-Knisja li tgħix fil-glorja. Għaliex kif diġà għidna s-Salib m’hux l-aħħar kelma, imma hemm ukoll il-Qawmien. Huwa dan illi lilna jimlina bit-tama, tqil kemm hu tqil is-salib tal-ħajja: illi Kristu rebaħ fuq il-mewt, Kristu rebaħ kull forma ta’ sofferenza u qtigħ il-qalb, Kristu jgħanni l-aħħar għanja fuq il-qerq. San Pier Damiani, f’omelija sabiħa li għamel fuq il-patrun tagħna San Ġorġ, jgħid illi San Ġorġ, iċċelebrat fit-23 ta’ April, fil-kuntest ta’ l-Għid tal-Mulej, huwa ġawhra li tingasta fid-deheb. Imma jien taf x’ngħidilkom il-lum? Ħarsu lejn is-salib glorjuż, anzi dak li jissejjaħ is-salib ġemmat, jiġifieri kollu ħġieġ prezzjuż, li huwa s-salib ta’ Kristu. U jiena lil San Ġorġ nilmħu bħala ġawhra li tkompli żżejjen dan is-salib ġemmat, għax ma ħalliex is-salib jaqtagħlu qalbu, joqtollu l-entużjażmu, itellfu mill-viżjoni tiegħu. San Ġorġ ma ħalliex illi s-salib ikellmu biss fuq is-skiet ta’ Alla, imma ra fih il-Kelma rebbieħa ta’ Kristu fuq il-mewt, u hu nnifsu jitwaħħad ma’ Kristu Msallab u jżejjen is-Salib ta’ Kristu bil-ħajja tiegħu nnifsu. Għalhekk lil San Ġorġ jiena l-lum narah bħala dik il-ġawhra prezzjuża li tkompli timla bid-dawl is-salib ġemmat ta’ Kristu.

Tertulljanu jgħidilna illi d-demm tal-martri huwa ż-żerriegħa tal-Kristjani. U jiena u naqra l-istorja ta’ San Ġorġ ma stajtx ma nimteliex b’kuraġġ illi x’ħin rajt lil dan it-tribun ta’ Lidda mżejjen bil-ġmiel estern imma iktar interjuri, huwa jidħol biex jerfa’ s-salib flimkien ma’ Kristu bil-martirju tiegħu; u l-martirju tiegħu huwa ż-żerriegħa ta’ Kristjani ġodda. Fil-fatt, dejjem skond dak li kiteb l-istorja ta’ San Ġorġ, l-arċisqof Jacob ta’ Varese, minn martirju għall-ieħor San Ġorġ kien jara l-konverżjoni ta’ dawk stess illi kienu jagħtuh il-martirju. Kif nista’ ma nagħtix glorja lil Alla quddiem din il-verità, illi kif Kristu qal: “Meta nkun fuq is-salib jiena niġbed lill-oħrajn lejja”, kif San Ġorġ qal illi bil-martirju tiegħu huwa ġibed lejh Kristjani ġodda, hekk aħna lkoll, poplu ta’ Alla, f’dan iż-żmien li qegħdin ngħixu fih, għalkemm is-salib jista’ jkun jagħfas fuq kull wieħed u waħda minna, fuqna lkoll bħala Knisja, taqtgħux qalbkom.

Din hija l-Bxara t-Tajba ta’ Kristu Kurċifiss, ta’ Ġorġi l-Prinċep tal-Martri. Nerfgħu s-salib bil-ferħ, kif smajna fil-Vanġelu: “Min irid jimxi warajja jiċħad lilu nnifsu u jerfa’ salibu kuljum”. M’hux kliem vojt dan, hija l-verità. Imma nafu x’inhu r-riżultat: li b’dan il-mod aħna nistgħu nkattru u nżejnu l-Knisja b’iktar erwieħ qaddisa.

pdf · 81.64 KB Niżżel