Aqbeż għall-kontenut

Għaqda Sħiħa bejn Pietru u Pawlu

Sa mill-qedem il-Knisja dejjem iċċelebrat is-solennità ta’ dawn iż-żewġ Appostli kbar, Pietru u Pawlu, flimkien. Hemm diversi raġunijiet għaliex il-festa ta’ Pietru u Pawlu niċċelebrawha flimkien. Mhux biss għaliex it-tnejn ħadu l-martirju tagħhom fl-istess żmien, mhux biss għax huma żewġ kolonni kbar li fuqhom serrħet u sserraħ il-Knisja ta’ Kristu, imma wkoll għaliex bejniethom kien hemm għaqda, kif nafu minn dak illi tgħidilna l-ikonografija fuq San Pietru u San Pawl, jiġifieri x-xbihat li għandna ta’ dawn iż-żewġ Appostli, illi huma ppreżentati mħaddnin flimkien sejrin għall-martirju.

Kif nafu li din m’hix immaġinazzjoni ta’ min ħoloq dawn ix-xbihat u l-ikoni, imma li tassew Pietru u Pawlu kienu mħaddnin flimkien, kienu ħaġa waħda flimkien? Għaliex jekk illum il-ġurnata aħna għandna bżonn ta’ xhieda tal-valuri li hemm fil-Vanġelu, jekk illum aħna għandna bżonn ta’ martri illi l-għoti ta’ ħajjithom jikkonferma l-għażla definittiva tagħhom ta’ Kristu, daqstant ieħor aħna għandna bżonn ta’ xhieda tal-valuri fil-ħajja ta’ kuljum tagħna. Din hi x-xbieha ta’ tnejn li, minkejja li kellhom temperament, trobbija u sfond differenti, għarfu jimxu id f’id ma’ xulxin. Illum sfortunatament m’hux tant faċli li nimxu flimkien. Sfortunatament illum mhux biss dawk li għandhom temperament differenti jagħżlu li ma joqogħdux flimkien, anki fi ħdan il-komunità Kristjana, imma talli hawn għajta illi għandna ċerti indikazzjonijiet illi m’aħniex lesti li noqogħdu flimkien.

Kif nafu li Pietru u Pawlu kienu ħaġa waħda bejniethom?

Pawlu jirrakkontalna fl-ittra tiegħu lill-Galatin illi wara l-esperjenza ta’ Damasku u wara l-esperjenza li għamel fid-deżert tal-Għarabja huwa mar Ġerusalemm biex hemmhekk jiltaqa’ ma’ Kefa: ma’ Pietru; u hawnhekk isseħħ l-ewwel laqgħa, l-ewwel pass fejn jibdew jersqu lejn xulxin. Jgħaddu s-snin u Pawlu jkompli jgħidilna fl-ittra tiegħu lill-Galatin li jħoss li għandu jerġa’ lura lejn Ġerusalemm ħalli hemmhekk jiltaqa’ mal-kolonni tal-Knisja u jurihom x’Vanġelu qiegħed jippriedka, u hemm irċieva l-konferma. U Pawlu fl-ittra lill-Galatin jgħid: “Hemmhekk iltqajt ma’ Ġakbu, ma’ Kefa u ma’ Ġwanni”. Isejħilhom il-kolonni u jgħid: “Ħadna b’idejn xulxin, tawni l-id il-leminija tagħhom bħala sinjal ta’ ħbiberija bejnietna”. Meta ħadu b’idejn xulxin l-idejn baqgħu f’xulxin sakemm huma waslu f’Ruma u taw ix-xhieda permezz tal-martirju. L-istess jgħidilna Pietru fuq il-ħbiberija li huwa kellu ma’ Pawlu. Fl-ewwel ittra ta’ San Pietru hemm dettall sabiħ ħafna: jgħid li Silvanu u martu, li kienu l-kollaboraturi tiegħu, kienu wkoll il-kollaboraturi ta’ Pawlu. Mela Pietru u Pawlu tant kienu ħsieb wieħed u qrib xulxin illi kienu wkoll jiġbru madwarhom l-istess kollaboraturi.

Imma mbagħad hemm ħaġa oħra, dettall ieħor li juri l-viċinanza li kien hemm bejn Pietru u Pawu. It-tnejn jagħżlu volontarjament li d-destinazzjoni tagħhom tkun Ruma; Ruma mhux bħala belt ġeografika daqskemm bħala ċ-ċentru tal-imperu Ruman, li minnu kien iseħħ it-tixrid tal-kultura ta’ dak iż-żmien. U Pietru u Pawlu, separatament, imma għaliex ħsieb wieħed u qalb waħda, it-tnejn jagħżlu li jmorru Ruma. Pawlu kellu xewqa kbira li jmur jara lill-Kristjani ta’ Ruma, kif jgħidilna fl-ittra li huwa jikteb lir-Rumani. Anzi nistgħu ngħidu li qabel ma mar iżurhom personalment u fiżikament kien diġà għamel il-vjaġġ interjuri biex jiltaqa’ mal-komunità Kristjana f’Ruma, għaliex hekk jistqarr fl-ittra li huwa jiktbilhom. Imma fl-ittra lir-Rumani Pawlu jgħid iktar minn hekk: jesprimi x-xewqa li jagħmel vjaġġ missjunarju lejn l-ibgħad artijiet li kienu jafu bihom dawk iż-żminijiet, lejn Spanja. Jgħid ukoll li xtaq li f’dan il-vjaġġ missjunarju huwa jgħaddi sa Ruma.

Issa aħna nafu li ma kinitx l-għażla ta’ Pawlu li jżur komunitajiet fejn diġà kien hemm il-Kristjani, iżda l-preferenza tiegħu kienet li jmur f’postijiet fejn seta’ jwaqqaf il-komunità Kristjana li hi l-Knisja. Iżda l-każ ta’ Ruma kien differenti. F’Ruma kien hemm diġà komunità Kristjana ħajja, il-Knisja kienet diġà preżenti. Allura nistaqsi: Għaliex Pawlu jesprimi din ix-xewqa li jieqaf fi ħdan il-komunità Kristjana ta’ Ruma? Imma qabel ma nagħtikom din it-tweġiba ndur lejn Pietru. Fuq Pietru nsibu wkoll ħjiel li hu kellu din ix-xewqa li jmur Ruma. Il-vanġelu ta’ San Mark, li ħafna jgħidu li nkiteb biex jirreġistra l-predikazzjoni ta’ San Pietru, huwa vanġelu miktub fid-dawl ta’ dik ix-xena ċentrali fit-twemmin tagħna, il-Kruċifissjoni tas-Sinjur tagħna Ġesù. Iżda Marku jżid f’din ix-xena persuna pagana, iċ-ċenturjun Ruman, u dan meta jara lil Kristu jagħti ħajtu jagħmel dik l-istqarrija tal-fidi: “Dan kien tassew l-Iben ta’ Alla”. Issa dan naqrawh fil-vanġelu ta’ San Mark, li, nerġa’ ngħid, skond dawk li jistudjaw l-Iskrittura huwa vanġelu maħsub biex jipperpetwa t-tagħlim, il-predikazzjoni u l-attività ta’ Pietru. U meta ċ-ċenturjun għamel dik l-istqarrija tal-fidi diġà għandna indikazzjoni li Pietru, kuntrarjament għal dak li kien jaħseb Pawlu f’din il-ħaġa, kellu din il-viżjoni li l-Vanġelu jasal għand kulħadd. Huwa minnu li Pawlu fl-ittra lill-Galatin jagħmel dik id-distinzjoni u jgħid: “Pietru huwa l-Appostlu li jevanġelizza lil-Lhud u jien l-Appostlu tal-ġnus”, dak li jevanġelizza lill-pagani, lil dawk li ma kinux fi ħdan il-poplu ta’ Alla. Imma huwa fatt li Pietru jiżvolġi l-ministeru tiegħu f’direzzjoni li tħaddan lil kulħadd. U allura anki hawnhekk Ruma, bħala ċ-ċentru tad-dinja ta’ dak iż-żmien, tiffigura bħala orjentament u destinazzjoni li Pietru, bħal Pawlu, ried ukoll jilħaq.

Insibu fl-Atti tal-Appostli illi meta darba Pietru kien f’Ġaffa kien hemm ċenturjun ieħor – u kull meta nisimgħu l-kelma “ċenturjun” tfakkarna fl-eżerċtu Ruman, fil-belt ta’ Ruma – li kellu ħolma fejn l-anġlu tal-Mulej qallu biex jibgħat isejjaħ minn Ġaffa lil Pietru u xi rġiel oħra. U f’Ġaffa, ikomplu jgħidulna l-Atti tal-Appostli, anki Pietru kellu dik il-ħolma tassew interessanti, fejn jara viżjoni li hu jinterpreta fiha li kulħadd huwa destinatarju tal-Bxara t-Tajba. Il-Vanġelu m’hux biss għal dawk li huma ċirkonċiżi, safja u ndaf bħall-poplu Lhudi, imma huwa ddestinat għal kulħadd, anki għal dawk li huma mniġġsa u pagani.

Meta allura jaslu l-ambaxxaturi taċ-ċenturjun u jistiednu lil Pietru ħalli jmur għandu hemmhekk Pietru jagħmel bidla importanti fil-ħajja tiegħu, bidla li mhux biss twasslu fid-dar taċ-ċenturjun, u allura fl-għatba tal-belt ta’ Ruma, imma twasslu biex ftit wara, meta jiġi ċċelebrat l-ewwel konċilju ta’ Ġerusalemm, huwa jagħmel affirmazzjoni qawwija u jgħid lil sħabu li d-dinja kollha hija oġġett tal-evanġelizzazzjoni, li l-Vanġelu għandu jasal għand il-bnedmin kollha. Allura f’dan il-kuntest Pietru jesprimi x-xewqa li jasal Ruma. Issa x’kienet il-motivazzjoni li dawn iż-żewġ Appostli, imħaddnin flimkien, li ħadu b’id xulxin, it-tnejn iħossuhom ispirati biex jaslu Ruma? Ix-xewqa kienet waħda. Huma xtaqu jmorru Ruma ħalli jkunu jistgħu jissiġillaw il-Kattoliċità tat-twemmin Kristjan. Xi tfisser il-Kattoliċità, xi jfisser it-twemmin Kattoliku, xi tfisser il-kelma “Kattoliku”? Ifissru li jkun hemm tewmmin wieħed, li jkun hemm l-għaqda f’dak kollu li aħna nemmnu u niċċelebraw. Pietru u Pawlu t-tnejn jaslu Ruma għaliex konvinti li din il-belt ta’ importanza kbira għall-kultura u l-politika ta’ dak iż-żmien kienet ukoll meħtieġa biex fiha jiġu mħarsa l-għaqda u l-Kattoliċità tat-twemmin Kristjan. Anki llum il-ġurnata hemm bżonn li bħal Pietru u bħal Pawlu aħna nifhmu kemm huwa importanti li meta nissejħu Kattoliċi ma tkunx clichè u kelma vojta, imma tassew tkun kelma li tiddeskrivi aħna min aħna, li aħna għandna twemmin wieħed u verità waħda, ħajja waħda, sew jekk ngħixuha Għawdex u sew jekk ngħixuha fl-Istati Uniti, fejn sa jmorru jgħixu dawn l-adoloxxenti li llum sa jirċievu s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Aħna fejn aħna għandna fidi waħda u twemmin wieħed: it-twemmin Kattoliku. Jiena sinċerament jiddispjaċini meta nara fost il-poplu ta’ Alla, u forsi wkoll fost min għandu jagħti eżempju, min jistħi jistqarr li hu Kattoliku.

Komunjoni mas-suċċessur ta’ San Pietru

Intom tafu li llum il-ġurnata t-twemmin tagħna għandu ħafna xi jfixklu. Hemm ħafna elementi li qegħdin inaqqru dan il-patrimonju Kattoliku tagħna. Għalhekk hemm bżonn li, bħalma għidt ilbieraħ meta kellna fostna l-legat tal-Papa, Pietru jikkonfermana fit-twemmin tagħna. Hemm bżonn li aħna nifhmu iktar ir-raġuni li nkunu poplu wieħed f’dak li huwa t-twemmin tagħna. Għax x’jiggarantixxi l-Kattoliċità u l-għaqda tat-twemmin? Huwa l-ministeru ta’ Pietru li llum jeżerċita l-missier tagħna l-Papa. Għalhekk jien ma nistax inkun dixxiplu ta’ Kristu jekk ma nkunx miftuħ ukoll biex noqgħod għal dak li jgħidli Pietru llum, jekk jien ma nfittixx li nara x’qed jgħidli Pietru llum – kif fl-aħħar mill-aħħar għamel Pawlu meta mar għand Pietru – ħalli jgħinni nagħraf it-twemmin tiegħi fl-awtentiċità tiegħu, imnaddaf minn dak kollu li m’hux Kattoliku u Kristjan. Anki aħna llum hemm bżonn li bħal Pietru u Pawlu jkollna jdejna f’ta’ xulxin, biex nimxu flimkien it-triq tal-fidi tagħna u biex ma niżbaljawx, biex ma niħdux triq illi tista’ twassalna għat-telfien. Aħna għandna l-grazzja li l-Mulej Ġesù tana lil Pietru biex jassigurana mill-awtentiċità u l-Kattoliċità tat-twemmin tagħna. U dan kollu jfisser l-importanza tal-komunjoni li aħna għandu jkollna mal-missier tagħna l-Papa; mhux bit-tpaċpiċ u lanqas bl-għajjat imma billi aħna nsegwu b’attenzjoni dak li jissejjaħ il-maġisteru u t-tagħlim tal-missier tagħna l-Papa. Din il-komunjoni mbagħad għandha livelli differenti.

Komunjoni mal-isqof

Fid-djoċesi huwa l-isqof li jrid ukoll jiggarantixxi u li għandu d-dmir li jħares u jgħin lill-Kristjani biex il-fidi tagħhom tkun fidi waħda, biex ikun hemm din l-għaqda fit-twemmin tagħhom. Tant hu hekk li l-isqof li m’hux f’komunjoni mal-Papa m’hu isqof xejn, u l-komunjoni m’hix komunjoni ġuridika biss imma hija komunjoni anki fit-tagħlim. Illum hawn jien bħala ragħaj spiritwali tagħkom. Jien hawn nitlobkom biex tweżnuni bit-talb tagħkom, ħalli anki jien nagħraf inwettaq dan id-dmir xejn ħafif li wwasslilkom lil Ġesù Kristu, imma Ġesù Kristu kif twassalulna Ommna l-Knisja, kif jgħinna nifhmuh Pietru llum. Allura ngħożżu l-komunjoni li għandu jkun hemm bejnietna.

Komunjoni parrokkjali

Iżda hemm livell ieħor, li huwa fil-komunità parrokkjali. Huwa tal-komunjoni ma’ dak is-saċerdot mogħni bil-mandat li f’isem l-isqof imexxi l-komunità parrokkjali. Qed nirriferi għall-kappillan, għall-arċipriet. Għalhekk nitlobkom biex titolbu anki għall-kappillan, għall-arċipriet flimkien mal-presbiteri tagħkom, ħalli anki huma bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu u id f’id miegħi jippruvaw jagħtukom dan is-servizz li bih jiġu mħarsa l-għaqda u l-Kattoliċità tat-twemmin tagħna. Pietru u Pawlu, għax kellhom dan il-ħsieb u din ix-xewqa, ma beżgħux imorru Ruma, anki jekk kienu jafu li Ruma kienet tfisser il-konklużjoni tal-ħajja tagħhom. Marru Ruma u bil-martirju t-tnejn ikkonsolidaw iċ-ċittadinanza Rumana tagħhom. Pawlu kien Ruman u Pietru ma kienx, iżda bid-demm tiegħu mxerred fil-belt ta’ Ruma huwa kiseb iċ-ċittadinanza, u llum hu u Pawlu huma żewġ kolonni kbar tal-belt ta’ Ruma.

Ċittadinanza tas-Sema

Iżda huma mhux biss kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Ruma imma dik tas-Sema. Bit-twettiq flimkien tal-ministeru li huma rċivew bħala Appostli u bil-martirju li huma ħadu kisbu għalihom din iċ-ċittadinanza tas-Sema.

Jalla aħna wkoll, li għandna lil Pietru u Pawlu bħala patruni ta’ din il-komunità, jirnexxilna bl-għajnuna tagħhom insaħħu ċ-ċittadinanza tagħna f’pajjiżna u nkunu tassew ċittadini li nagħmlu differenza, ċittadini li għandna l-valuri tal-Vanġelu, valuri li huma Kattoliċi, u ma nibżgħux nistqarruhom fl-oqsma tagħna. Imma jalla aħna wkoll, wara li nkunu għamilna dan kollu, bħal Pietru u Pawlu niksbu ċ-ċittadinanza tas-Sema.

PAGE

pdf · 72.89 KB Niżżel