Għawdex Djamant
Fil-ħajja aħna napprezzaw id-dawl għax nafu kemm huwa ikrah id-dlam; hekk ukoll l-esperjenza ta’ dak li “mhux grazzja” tgħinna ngħożżu l-“grazzja ta’ Alla”. Fil-fatt dak kollu li huwa negattiv fil-ħajja – mibegħeda, rabja, vendetta, inġustizzji, tifrik fil-familji, firdiet fil-komunità, drittijiet miċħuda, abbuż tal-awtorità – dawn huma ftit eżempji ta’ xi jfisser meta ma nkunux fil-“grazzja” ta’ Alla! Għax il-grazzja hija dak kollu li huwa tajjeb, veru u sabiħ. Meta l-bniedem isib ruħu qed jimraħ fil-baħħ ta’ dawn il-valuri, ikun sab ruħu f’diżgrazzja!
Xi drabi niġġudikaw persuna bħala “grazzjuża”; normalment nużaw din il-kwalifika mhux għal min huwa mħarbat u li jħarbat, imma għal min għandu grazzja kif jitkellem, kif jibni relazzjoni mal-oħrajn, kif jittratta ċerti sfidi fil-ħajja! Għalhekk il-bniedem jorbot il-grazzja ma’ dak kollu li jimplika ordni, armonija, pożittività! B’xi mod dan jista’ jgħinna nifhmu l-valur tal-grazzja ta’ Alla!
Wieħed teologu jfisser il-“grazzja” b’dan il-mod: “Grace is glory in exile, glory is grace at home”. Il-grazzja hija sehem mill-glorja ta’ Alla dment li l-bniedem għadu jterraq fil-pellegrinaġġ tal-ħajja; meta mbagħad jasal il-mument definittiv u ngħaddu minn din id-dinja għall-eternità, imbagħad naraw lil Alla wiċċ imb’wiċċ, naraw il-glorja li biha huwa mlibbes Alla! Jekk f’din id-dinja l-bniedem jixxennaq għal Alla, billi l-bniedem ma jistax jara l-glorja ta’ Alla u jibqa’ ħaj, il-ħajja tal-grazzja b’xi mod tantiċipa u ddewwaq dik il-glorja tas-Sema.
Kimikament ma hemm ebda differenza bejn “faħma” u “djamant”. Fis-sustanza l-faħam u d-djamanti huma l-istess; imma billi l-faħam li jinbidel f’djamant jgħaddi minn proċess, il-faħam u d-djamant ma humiex tal-istess fil-valur! Id-djamant jitlibbes bil-ġmiel għax iġarrab “pressjoni” qawwija u mbagħad jirrifletti r-raġġi tas-sema! Hekk ukoll jiġri lilna l-bnedmin. Għalkemm għandna l-istess natura, fostna hemm min jarmi l-ġmiel imma hemm ukoll min jikrieh! Fostna hemm id-djamanti u l-faħam! Aħna wkoll ngħaddu minn proċess jixbah lil dak tal-faħam mibdul f’ħaġar prezzjuż! F’ċertu sens il-bniedem jinsab taħt “pressjoni” ġejja minn Alla; dan għaliex il-bniedem huwa maħluq għal Alla u għalhekk min-natura tiegħu huwa attirat mit-tjubija u s-sbuħija li hemm f’Alla. Maż-żmien din il-pressjoni divina taf tibdel lill-bniedem. Imma huwa fatt li l-bniedem jaf jagħmel reżistenza lil Alla… kapaċi jiżgiċċa lil Alla! Nibża’ li fi żminijietna jeżisti dan il-periklu li ninsew lil Alla!
Imbagħad il-bniedem isir “grazzjuż” u jikteb storja “glorjuża” jekk bħad-djamant iħalli r-raġġi tas-Sema jippenetrawh. Il-bniedem li fih innifsu joħloq spazju għall-grazzja ta’ Alla, isir jirrifletti dan il-ġmiel! Kif id-djamant li hu moħbi għad-dawl qawwi tas-sema ma jleħħx bil-kuluri sbieħ li hemm fih, hekk ukoll jiġrilu l-bniedem li jagħżel li ma jesponix ruħu għal Alla li huwa d-dawl; hekk jiġrilu l-bniedem li jbarri d-don tal-grazzja li Alla joffri gratwitament lil kulħadd!
X’inhi din il-“grazzja” ? Il-mentalità popolari b’“grazzja” jew “grazzji” tifhem favuri jew għajnuniet partikulari li naqilgħu mingħand Alla. Imma dan huwa diskors limitat ħafna! Għax il-“grazzja” mhix xi ħaġa li joffri Alla, imma hija Alla nnifsu. Skont San Tumas ta’ Aquino, il-grazzja hija “participatio divinæ naturæ” – tisħib fil-ħajja ta’ Alla. Permezz tal-grazzja Alla jlibbes bin-natura tiegħu stess lill-kreatura. Huwa Alla li jikkomunika lilu nnifsu lill-bniedem. Din hija bxara tajba!
Din il-grazzja dehret fostna fil-persuna ta’ Ġesù Kristu: “Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara… biex jifdi li dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied Alla” (Gal 4:4). Biex ifisser x’inhi l-grazzja, San Pawl jgħid li Kristu jgħix fih (ara Gal) u jkompli jistqarr: “Jien nitgħaxxaq bid-dgħufijiet tiegħi, bit-tgħajjir, bit-tgħakkis, bid-dwejjaq… għax fija għandi l-qawwa ta’ Kristu” (2 Kor 12). L-impenn tagħna biex nikbru fix-xebh tagħna ma’ Kristu ma jfissirx biss li aħna għandna nimitawh fi kliemu u mġibtu, imma li Kristu jgħammar fina biex bħal San Pawl intennu: “Mhux jien li ngħix, imma Kristu jgħix fija” (Gal 2:20)! Nifhem li dan huwa proċess impenjattiv u jieħu ż-żmien. Hemm ir-regola tal-gradwalità fis-sens li nikbru ftit ftit, imma l-importanti huwa li naqbdu t-triq li twassalna biex nilħqu dan l-għan: li Kristu jkun il-ħajja tagħna (Kol 3:4).
Fost il-varjetà ta’ espressjonijiet li juża San Pawl biex ifisser il-ħajja tal-grazzja, huwa jsemmi li bi Kristu l-bniedem huwa “ħolqien ġdid”. Fil-bidu tal-ħolqien Alla ra li kollox kien sew – sabiħ; imma l-bniedem irrovina l-pjan ta’ Alla u bid-dnub tiegħu kerrah il-ħolqien. Permezz ta’ Ġesù Kristu seħħet ir-restawrazzjoni tal-pjan oriġinali ta’ Alla u hekk il-bniedem grazzjat ġie maħluq mill-ġdid! Huwa kreatura ġdida: “Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda, biex daħal il-ġdid floku” (2 Kor 5:17).
Il-festa tal-Madonna tal-Grazzja li qegħdin niċċelebraw mhux biss toffrilna l-okkażjoni biex insellmu lil Marija bħala Omm Kristu, imma wkoll biex nikkontemplawha bħala l-mara mimlija bil-grazzja. Kif jgħallem San Ġwann Damaxxenu, l-isem biss ta’ Marija Omm Alla jiġbor fih l-ekonomija kollha tal-Misteru tal-Inkarnazzjoni. Fil-fatt l-erba’ veritajiet dommatiċi dwar Marija huma marbuta mal-misteru ta’ Kristu. Fl-ewwel millenju għandna d-domma tal-Maternità Divina u dik dwar il-Verġinità ta’ Marija; filwaqt li d-dommi tal-Assunzjoni u tal-Immakulata Kunċizzjoni huma d-dommi Marjani tat-tieni millenju. Jekk dawn il-veritajiet jirriflettu l-ġmiel u l-grazzja ta’ Marija, dan dejjem f’relazzjoni mal-persuna ta’ Ġesù.
Minbarra din il-grazzja abitwali, ir-rakkont tat-tħabbira tal-Anġlu lil Marija jitkellem ukoll fuq il-grazzja attwali: “Int sibt grazzja quddiem Alla” (Lq 1:31). Filwaqt li l-grazzja abitwali hi dispożizzjoni tal-bniedem li jwieġeb għas-sejħa li jagħmillu Alla, il-grazzja attwali hija l-għajnuna li Alla jixħet fuq il-bniedem biex jgħix is-sejħa partikulari tiegħu. Meta nqisu li l-kariżma li Alla joffri lill-bniedem hija “grazzja attwali”, kulmin ġie fdat b’sejħa u missjoni partikulari – saċerdoti, reliġjużi, miżżewġin… – għandu r-responsabbiltà li jħaddem din il-grazzja kemm għall-qdusija tiegħu nnifsu u kemm għall-qdusija tal-oħrajn. Huma diversi l-kanali li bihom Alla jikkomunika din l-għajnuna partikulari, imma ta’ importanza ewlenija huma s-sagramenti.
F’dan ir-rigward nibża’ li l-Knisja tagħna hija fqira f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja tal-grazzja! Iħassibni l-fatt li ma aħniex għajjura għall-istat tal-grazzja! Mhux biss naqset il-ħeġġa għat-talb u ċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti, imma hawn min qed jieħu wisq kunfidenza ma’ Alla u l-għejjun tal-grazzja! Dan l-aħħar ġbidt l-attenzjoni lill-kappillani biex lill-koppji li qed jikkoabitaw u jridu jersqu għas-sagrament taż-żwieġ ifakkruhom li oġġettivament il-koabitazzjoni hija immorali u għalhekk min qed jgħix f’din is-sitwazzjoni jeħtieġlu jersaq għall-Qrar qabel ma jirċievi s-sagrament taż-żwieġ. Prassi oħra li tindika li aħna faċli nipprofanaw il-grazzja hija li min qed jgħix f’sitwazzjoni ta’ żwieġ irregolari ma jistax jersaq għas-sagramenti tal-Qrar u tal-Ewkaristija. Qed nittrattaw ma’ ħwejjeġ qaddisa u serji ħafna: “Kulmin jiekol il-ħobż jew jixrob il-kalċi tal-Mulej bla ma jixraqlu, ikun ħati tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej. Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, imbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi. Min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, ikun jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess” (1 Kor 11:28-29).
Nagħlaq billi nsellem lill-Knisja f’Għawdex bit-tislima tal-anġlu Gabrijel lil Marija: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1:28). Huma x’inhuma l-isfidi li qed ikollna nħabbtu wiċċna magħhom, niftakru dak li Kristu jgħid lil San Pawl: “Il-grazzja tiegħi biżżejjed għalik: għax is-setgħa tiegħi tidher kollha fin-nuqqas ta’ saħħtek” (2 Kor 12:8-9). Min-naħa tagħna nagħmlu ħilitna kollha biex ma nitilfux dan it-teżor spiritwali – dan jiswa kemm għalina individwalment u kemm għall-familji tagħna, għas-soċjetà u għall-istess Knisja tagħna. Hekk inkunu nistgħu nkantaw l-għanja Għawdex djamant.