Aqbeż għall-kontenut

Ħadd ma Huwa Perfett

Fil-ħajja spiss jiġri li aħna nixtiequ lil ħaddieħor ikun perfett, mingħajr ebda tikmixa jew tiċrita. Kieku nixtiequ mhux biss il-persuni, imma wkoll ir-realtajiet li jiffurmaw il-persuni, li jkunu jimxu fuq ir-rubini. Imma din hi viżjoni tal-waħx. Għax jekk noqogħdu naħsbu ftit anki fuqna nfusna, meta jiena kollni titjir, ma nistax nistenna li ħaddieħor ikun mingħajr tixlifa; ma nistax nistenna li ħaddieħor ikun dejjem ġdid ħiereġ mill-karta meta jien kollni daqqiet. Din hi viżjoni tal-biża’ għax taqtgħalna qalbna. Il-ħajja mhix hekk. Il-ħajja hija totalment differenti. Il-ħajja fiha t-tlugħ u l-inżul, fiha l-waqgħat u t-tkissir tagħha. Dan qed ngħidu kemm għalina individwalment u kemm għall-esperjenzi tagħna flimkien – fiż-żwiġijiet, fil-familji, fil-gruppi u fil-komunitajiet tagħna. Din hi r-realtà, u jekk ma nirrikonoxxuhiex, għandna problema serja.

M’iniex ngħid hekk biex issa nieħdu konjizzjoni ta’ din ir-realtà u nieqfu hemm; imma llum, festa ta’ Għid il-Ħamsin, meta Kristu bagħat l-Ispirtu s-Santu fuqna, fil-Knisja, fid-dinja, huwa bagħtu biex ikompli l-opra tal-ħolqien mifdi minn Kristu. Kemm aħna (jiena u inti) u kemm ir-realtajiet li ngħixu fihom jiffurmaw parti mill-ħolqien illi fi kliem San Pawl qisu jinsab fil-mument tal-ħlas u qed nistennew li titwieled ħajja ġdida. Il-mara tista’ tgħidilna kemm trid tbati biex titnissel u titwieled ħajja ġdida! Din hi l-ħajja tagħna: qisna fil-mument kontinwu tal-ħlas. Irridu noħorġu u nibdew ħajja ġdida, imma ma nistgħux u kollox jiswielna sforz.

Imma f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ispirtu s-Santu jidħol għalina, jitniehed għalina. L-Ispirtu s-Santu qiegħed fina u fostna biex jgħinna nikbru fil-perfezzjoni – bil-mod il-mod jaħdem fina biex jgħinna ninħelsu mit-tikmix u mid-difetti tagħna, minn dak kollu li hu imperfett. Dan il-proċess ma jseħħx bil-ħila tiegħi jew tiegħek, imma bil-qawwa tal-Ispirtu. Għalhekk dan isaħħaħna fit-tama. Min m’għandux tama qed jagħmel dnub gravi. Ħasra li dwar dawn id-dnubiet ma nitkellmux, imma nagħżlu li nitkellmu fuq dnubiet oħra! Noqogħdu attenti meta t-tama narawha tgħib mill-viżjoni ta’ ħajjitna. In-Nisrani, megħjun mill-Ispirtu Santu, irid jibqa’ jittama li l-id ta’ Alla qiegħda miegħu u tkompli taħdimna, toħloqna u tqaddisna. Dan hu proċess li jieħu ż-żmien. Jaf jieħu l-ħajja kollha kemm hi sakemm jasal imbagħad il-mument illi naraw lill Alla wiċċ imb’wiċċ. Nerġa’ ngħid għalhekk li l-qtigħ il-qalb, in-nuqqas ta’ tama, ma jiffurmawx parti mill-vokabularju ta’ dawk li huma mimlijin bl-Ispirtu s-Santu. Għandna bżonn nitolbu bil-qawwa biex ikollna dan il-virtù, għax spiss jonqosna, spiss neħlu fuq in-negattiv aktar milli nagħmlu l-kuraġġ biex inkomplu nimlew it-tazza li mhix mimlija sa fuq.

Issa fost dawk li għandhom id-difetti u qegħdin fi proċess biex jitjiebu hemm ukoll aħna l-qassisin. Aħna s-saċerdoti bnedmin bħalkom f’kollox. Aħna tal-istess għaġna bħalkom. M’għandna xejn aħjar minnkom. Għandna n-nuqqasijiet u d-difetti tagħna, u bħalkom ukoll irridu nemmnu li għalkemm Alla għażilna biex bil-ministeru tagħna nqassmu l-Ispirtu lill-oħrajn, aħna wkoll persuni illi neħtieġu li l-Ispirtu ta’ Alla jkompli jaħdem fina biex minn persuni imperfetti jagħmilna aktar perfetti.

Qed ngħid dan biex tgħinuna anki billi tifhmuna, għaliex jekk tistennew saċerdoti li huma anġli, nistaqsikom fejn ser issibuhom. Min jaħseb li aħna s-saċerdoti aħna bla tebgħa, ngħidlu li qed joħlom. Aħna fix-xejn tagħna l-Mulej għażilna biex inkunu amministraturi ta’ realtà li hi ’l fuq minna u li lanqas jistħoqqilna nagħmluha. Hu għażilna bħala dawk li nagħtukom il-grazzja, imma aħna stess nitkarrbu għal din l-istess grazzja! Għax jekk jiena nxandar il-Kelma lilkom, il-Kelma rrid nismagħha jien qabilkom. Jekk jien ministru li naħfer id-dnubiet, jiena wkoll penitent li għandi bżonn il-maħfra. Jekk il-Mulej inqeda bija biex infejjaq spiritwalment bil-ministeru tiegħi, jiena wkoll marid u wkoll għandi bżonn il-fejqan. Għax, kif għedna, għalkemm il-Mulej fdalna dan id-don li ngħaddu lill-komunità Nisranija u lid-dinja dan l-Ispirtu illi joħloq u jipperfezzjona, aħna wkoll irridu nħallu lill-istess Spirtu ta’ Alla lilna joħloqna kuljum mill-ġdid, iqaddisna kuljum. Dan ħalli aħna nkunu nistgħu nwettqu aħjar il-ministeru tagħna.

Jekk illum ġejna biex nagħtu l-aħħar tislima lil ħuna Dun Anton, ma nistgħux ma nurux il-gratitudni tagħna lejh li ħadem qatigħ. Kienu diversi l-ħidmiet pastorali li l-Ispirtu ta’ Alla imbuttah biex iwettaq, sew fid-Djoċesi u sew f’diversi pajjiżi oħra, sew meta kien Direttur Spiritwali tas-Seminarju tagħna, sew meta kien Arċipriet tal-komunità parrokkjali tal-Qala. Ħaddem it-talenti tiegħu, fosthom il-pinna. Ippubblika diversi kotba ta’ natura spiritwali, u fuq kollox kellu ħafna għal qalbu r-rivista djoċesana Il-Ħajja f’Għawdex. Jiġini li ngħid li jekk din ir-rivista għadha toħroġ kull xahar, hu mertu tiegħu wkoll, għax kien jemmen li hija strument kemm għall-evanġelizzazzjoni u kemm bħala vuċi għal Għawdex.

Dun Anton ħaddimhom id-doni tal-Ispirtu s-Santu; imma hu kien konxju wkoll li kien taħt il-qawwa tal-Ispirtu li kien għadu kontinwament jaħdem fuqu biex inaddfu mid-difetti tiegħu, speċjalment f’dawn l-aħħar xhur tal-marda tiegħu. Lilna s-saċerdoti li konna mmorru fejnu matul it-tmien xhur li għamel fl-isptar, Dun Anton għamlilna ċerti stqarrijiet li jwassluni biex ngħid li għalija s-sodda ta’ Dun Anton kienet katedra li minn fuqha dan is-saċerdot għallimni ħafna! Darba qalli li Alla tana l-ġisem biex ikun ukoll strument biex jippurifikana! Emmnuni, m’għidtx kelma! Is-sodda tal-mard lil Dun Anton għenitu jniżżel aktar fil-fond l-għeruq tiegħu f’Alla. It-tensjonijiet, id-dubji u l-ġlidiet interjuri li huwa kellu għattnuh imma ma kissruhx – anzi, kienu mument ta’ grazzja biex għaraf “itella’ d-daqqiet”! Dawn l-esperjenzi negattivi kienu għalih il-lejl mudlam tas-sensi li ħejjieh biex iduq il-miżerikordja ta’ Alla.

Dan hu l-bniedem mhux perfett! Qed ngħid dan biex meta jiġuna mumenti bħal dawn, ma naqtgħux qalbna. Kif għidt aktar ’il fuq, l-istampa tal-Kristjan perfett ma teżistix; irridu nemmnu u nsejħu l-Ispirtu s-Santu ħalli jkompli din l-opra li joħloqna mill-ġdid, jgħaddina minn mnejn jgħaddina. Ħa ntenniha: dan jgħodd mhux biss għas-sitwazzjoni individwali, imma wkoll għar-relazzjonijiet tagħna, mhux biss għalina individwalment; imma ma naqtgħux qalbna lanqas jekk ir-relazzjonijiet konjugali u familjari tagħna huma mxellfin. Hemm bżonn inpoġġu dan kollu fil-preżenza tal-Ispirtu li kapaċi joħloqna mill-ġdid kif kompla jaħdem sal-aħħar fuq Dun Anton.

Għalhekk, filwaqt li flimkien nirrikkmandaw ’l Alla l-Imbierek lil dan is-saċerdot, u dan nagħmluh bl-interċessjoni tal-Kunċizzjoni u ta’ San Ġużepp, nitolbu wkoll lill-erwieħ qaddisa biex f’dan il-lejl ta’ Għid il-Ħamsin, Alla l-Imbierek ikompli jibgħat l-Ispirtu s-Santu fuqna u fuq il-Knisja tiegħu kollha, għax għandna bżonn li l-Ispirtu s-Santu jgħinna nsibu raġuni ħalli nipproponu t-tama lill-“ħolqien kollu li għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas” (Rum 8:22).

pdf · 79.12 KB Niżżel