Aqbeż għall-kontenut

Ħarsitna ’l fuq

Marija ta’ Magdala marret tfittex lil Ġesù fil-qabar. Ma sabitux hemm. Marija ta’ Magdala xtaqet issib l-iktar ħaġa li kienet tħobb u tgħożż, imma falliet, ma sabitux. Għaliex? Għaliex Marija ta’ Magdala marret tfittex lil Ġesù qalb il-mejtin! Marret tfittex lil dak illi kien kollox għaliha f’post żbaljat. Fi kliem ieħor Marija ta’ Magdala kellha direzzjoni żbaljata.

Meta llum qegħdin niċċelebraw din is-solennità tal-Għid tal-Mulej; meta qegħdin niċċelebraw l-Għid tal-Mulej għaliex inħobbuh, nixtiquh u ngħożżuh; meta llum qegħdin infittxu lil Ġesù nistaqsi: Jistax ikun illi aħna qegħdin infittxu lil Kristu f’direzzjoni żbaljata? Jew jistax ikun illi aħna m’għandniex għarfien tajjeb, u allura hemm bżonn illi nbiddlu l-viżjoni tal-ħajja, biex meta aħna nsibu lil Kristu aħna nsibu t-tweġiba għal tant mistoqsijiet li hemm fil-qalb u l-moħħ ta’ kull wieħed u waħda minna?

Hemm bżonn li nbiddlu d-direzzjoni u l-viżjoni anki bħala soċjetà, ħalli ma mmorrux nagħmlu l-iżball li għamlet Marija ta’ Magdala u npoġġu l-attenzjoni u l-enerġiji tagħna f’qabar vojt; u nsibu li dak illi mingħalina li huwa l-aħjar, l-aqwa, urġenti huwa biss riħ!

It-tweġiba jagħtihieli San Pawl fit-tieni qari illi tħabbrilna f’din l-għodwa sabiħa: “Jekk intom irxoxtajtu ma’ Kristu fittxu l-ħwejjeġ tas-Sema fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-Sema mhux f’dawk tal-art” (Kol 3:1). Nista’ nkun żbaljat, imma għandi x’jgħidli illi individwalment, bħala gruppi u bħala soċjetà għandna bżonn illi nibdlu d-direzzjoni u niksbu viżjoni ġdida: il-viżjoni illi jnebbaħna biha Kristu Rxoxt, meta hu jgħinna biex nerfgħu l-għajnejn u l-ħsieb tagħna lejn is-Sema. Hu jgħinna biex ma nibqgħux nirraġunaw ta’ purament bnedmin illi lanqas aħna kapaċi nużaw tajjeb ir-raġuni, illi xi kultant donna nagħlqu u nbaxxu għajnejna biex propju l-ħarsa tagħna tkun ħarsa orizzontali u mhux waħda vertikali li tħares lejn is-Sema.

X’nifhmu meta qed ngħid “fittxu l-ħwejjeġ tas-Sema… aħsbu fil-ħwejjeġ tas-Sema”? Illi f’dak kollu illi jiena nagħmel, ngħid u nagħżel fil-ħajja nipprova li nkun immexxi mhux mis-sentimenti tiegħi, mir-raġunament uman tiegħi illi jista’ jkun fallaċi u żbaljat, imma rrid nerfa’ ħarsti lejn Kristu li qiegħed hemm fuq u nistaqsi lil Alla: “X’inhu l-pjan tiegħek għalija, għall-familja tiegħi, għas-soċjetà tagħna?”. Din hi l-festa tal-Għid. Għax inkella jgħaddu dawn l-erbat ijiem tal-Għid u nerġgħu għal li konna, jekk mhux agħar. Jien nipprospetta illi dalwaqt ikollna nagħmlu aktar milli hu meħtieġ nagħmlu llum b’ċerti għażliet, illi jekk irridu nkunu koerenti ma’ dak li qegħdin niċċelebraw illum, il-Qawmien ta’ Kristu – u ladarba Kristu qam, qed ngħidu illi huwa Alla –, allura rridu wkoll nieħdu bis-serjetà dan il-parir li qed jagħtina Pawlu: “Jekk intom irxoxtajtu ma’ Kristu fittxu l-ħwejjeġ tas-Sema fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla”.

M’hemm l-ebda esperjenza umana illi ma tagħmilx parti mill-pjan ta’ Alla, minn dak il-pjan illi Kristu reġa’ ġie biex jirrestawra. Għalhekk fir-relazzjoni tiegħi ma’ ħaddieħor jien għandi nħares ’il fuq u nistaqsi: “Is-sentimenti, il-passjoni u r-raġuni umana tiegħi qed jgħiduli hekk. Imma ħa nikkonfronta ftit, ħa nerfa’ ftit ħarsti lejn is-Sema, lejn dak Kristu illi qam u m’għadux hawn, u l-ġisem tiegħu huwa glorjuż fis-Sema, u nara x’inhi l-proposta li Alla qed jagħmel lill-bniedem!”. Jekk nitkellmu fuq ir-relazzjonijiet konjugali, fuq il-familja, għandna ħafna teoriji llum. Imma aħna għandna verità waħda: dik il-verità illi tana Alla, ikkonfermata minn Kristu. Meta ngħid “nerfgħu ħarsitna ’l fuq” jiena ngħid li hemm ordni li Alla ġabru f’dawk li huma l-Għaxar Kmandamenti. Imma aħna l-bnedmin tal-lum, fil-ħajja individwali tagħna, fil-kapaċità privata imma wkoll pubblika tagħna, kemm qegħdin nerfgħu l-ħarsa tagħna ’l fuq u nistħarrġu x’inhuma l-Kmandamenti ta’ Alla? Il-Kmandamenti kienu, għadhom u jibqgħu.

Imma jekk aħna nagħmlu għażla u, bħal Marija ta’ Magdala, nibqgħu nħarsu biss f’dan il-livell orizzontali, u ma nħarsux ’il fuq u naħsbu kif jaħseb Alla, jiġrilna dak li ġralha Marija ta’ Magdala: mingħaliha qiegħda tgħożż ħaġa li hi għal qalbha, mingħaliha li qed tagħmel ġirja biex tfittex u ssib, imma d-direzzjoni tagħha kienet żbaljata, u sabet il-baħħ u l-vojt.

Dawn huma l-awgurji tiegħi lill-poplu ta’ Alla, partikularment lilkom, ħuti fis-saċerdozju, membri tal-kapitlu Ġorġjan, saċerdoti ta’ din il-parroċċa, komunità parrokkjali. Jien nawguralkom minn qalbi l-Għid it-tajjeb, imma fis-sens ta’ din il-meditazzjoni qasira li qsamt magħkom: illi dan l-Għid Kristu Rxoxt jgħinna ħalli naqilgħu daqsxejn għajnejna mill-baxx, mill-art, u nagħrfu nħarsu ’l fuq, minn fejn Kristu għandu jerġa’ jiġi.

Ippermettuli nitlobkom biex dan l-awgurju li qed nagħmlilkom tibdluh ukoll f’talba għalija, ħalli bl-għajnuna tal-Ispirtu nagħraf nerfa’ r-responsabbiltà li nkun ir-ragħaj spiritwali tagħkom.

pdf · 56.42 KB Niżżel