Aqbeż għall-kontenut

Ħobż Nieżel mis-Sema

“Jien hu l-ħobż nieżel mis-sema”

Il-poplu Lhudi meta telaq mill-eżilju ta’ l-Eġittu biex jasal fl-Art Imwiegħda, esperjenza li ħaditlu żmien twil ta’ erbgħin sena, irrikonoxxa l-providenza ta’ Alla fl-għoti tal-ħobż nieżel mis-sema: il-manna. Kien dan l-ikel li bih huwa kien jitrejjaq biex jeħodha kontra t-tfixkil li ltaqa’ miegħu fid-deżert u kontra n-nixfa tad-deżert, biex permezz tiegħu jagħmel il-qalb u jasal fl-Art Imwiegħda. Imma għalkemm kellhom il-manna huma mietu.

“Min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem”

Ġesù jgħin lilna lkoll li ninsabu f’pellegrinaġġ li jrid iwassalna minn din id-dinja, li ħafna drabi hija esperjenza tad-deżert, biex ngħaddu mill-iskjavitù u naslu għall-ħelsien veru fis-sema pajjiżna. Ġesù lilna tana l-ikel tal-ħajja: il-ħobż nieżel mis-sema. Mhux aktar il-manna imma l-Ewkaristija, bid-differenza li min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. Waqt li l-lum niċċelebraw il-festa tas-solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Sidna Ġesù Kristu, ejjew nitħeġġu biex ma nittraskurawx dan l-ikel li Alla jipprovdilna.

“Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”

Jien nibża’ li bħan-nies ta’ żmien Kristu, li quddiem id-diskors ta’ Kristu fuq l-Ewkaristija tħawdu u qalu: “Dan kif jista’ jkun li jagħtina ġismu biex nikluh u demmu biex nixorbuh?”, anki l-lum hawn min jagħmel l-istess mistoqsija b’mod dirett jew b’mod sieket. Anki l-lum għandna mhux biss dawk li qatt ma semgħu bi Kristu imma wkoll dawk li huma membri fil-Knisja ta’ Kristu u m’humiex konvinti li l-Ewkaristija hija l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, l-ikel li aħna għandna bżonn fil-ħajja spiritwali tagħna. Forsi tistaqsuni għaliex qiegħed ngħid hekk. Jien nagħmel osservazzjoni waħda: It-tisħib u l-partiċipazzjoni tagħna fil-quddiesa sejrin ’il quddiem jew lura? Kif nispjegaw li għandna numru mhux żgħir minn ħutna li jistgħu jgħaddu mingħajr il-quddiesa tal-Ħadd? Mhux għaliex il-quddiesa ta’ matul il-ġimgħa nistgħu ngħaddu mingħajrha jew hija xi lussu; anki din hija bżonn, għaliex aħna ma niklux darba fil-ġimgħa biss imma nieklu kuljum. Imma talinqas il-quddiesa tal-Ħadd għandha tkun appuntament li ma nibdluh ma’ xejn; u mhux biss nippartiċipaw fl-Ewkaristija imma importanti wkoll il-mod kif aħna nippartiċipaw, għaliex hemm min forsi jmur għall-quddiesa imma mbagħad ma jitqarbinx u ma jiħux il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Imbagħad xi ngħidu għall-attenzjoni li għandna nuru biex inħarsu s-sbuħija ta’ l-Ewkaristija? Meta qed ngħid sbuħija ma nifhimx biss l-aspett estetiku, jiġifieri dak li jidher madwarna, li huwa meħtieġ li nħarsuh għaliex hekk jixraqlu Krisu preżenti magħna fl-Ewkaristija: Kristu, veru Alla u veru bniedem, bl-umanità u d-divinità tiegħu. Bi sbuħija nifhem ukoll il-mod kif qed nitkellmu fuq dan is-sagrament ta’ l-imħabba. Ejjew il-lum nitħeġġu biex nilqgħu dan il-ħobż nieżel mis-sema u nitmantnew bih, għax huwa biss jista’ jissodisfa l-għatx u l-ġuħ tagħna; huwa biss jista’ jqawwina biex aħna naslu fid-destinazzjoni tagħna. Ejjew il-lum nitħeġġu biex kemm jista’ jkun ma nittraskurawx il-quddiesa ta’ kuljum. Insibu ħin għal kollox… kif nistgħu ma nsibux ħin għal din il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù?

Is-sehem tal-Kristjan fil-quddiesa

F’xi wħud mis-sagristiji tagħna hemm miktub messaġġ għalina l-qassisin qabel noħorġu nqaddsu: “Qis li din hija l-ewwel quddiesa tiegħek, l-unika quddiesa tiegħek u l-aħħar quddiesa tiegħek”. Kieku jien, flimkien magħkom is-saċerdoti, inżommu dan il-messaġġ quddiem għajnejna kuljum, kieku żgur li jagħmlilna ħafna ġid. Dan jgħodd għalikom ukoll, għeżież tiegħi, intom li tridu tfittxu mhux biss il-quddiesa tal-Ħadd u tassumu li hija l-ewwel u l-aħħar quddiesa biex tgħixuha b’tant devozzjoni u mħabba, imma wkoll il-quddiesa ta’ kuljum.

Għalhekk filwaqt li nkomplu naduraw lill-Iben ta’ Alla preżenti fostna u nissieħbu fis-sagrifiċċju tal-quddiesa, fejn Kristu joffri lilu nnifsu lill-Missier għall-fidwa tagħna, ejjew ningħaqdu b’mod sħiħ miegħu biex dan il-ħobż ħaj jagħtina l-ħajja ta’ dejjem.

pdf · 55.64 KB Niżżel