Id-Dannu taċ-Ċiviltà tal-Maskra
Meta naqra l-Vanġelu (Mt 23:23-26), nissuspetta li anki l-Fariżej u l-kittieba ta’ żmien Ġesù kienu jafu bil-qawl Malti li jgħid li “l-ewwel ma tiekol l-għajn”. Fil-fatt, dawn kienu jagħtu importanza kbira lil dak li jidher – kienu maħkuma minn dak li llum jissejjaħ “il-kult tal-apparenza”.
Ġesù kellu kliem iebes kontra atteġġjamenti bħal dawn. Hu jikkritikahom għax kienu joqogħdu attenti biex jagħmlu ċerti tentufiet jew ċekċikiet reliġjużi bħal meta jħallsu t-taxxa fuq ħwejjeġ żgħar, fuq in-nagħniegħ, il-busbies u l-kemmun, imbagħad kienu jiġu jaqgħu u jqumu milli jħarsu l-ġustizzja, il-ħniena u s-sinċerità. Ġesù jurihom kemm kienu foloz meta biex taparsi josservaw il-liġijiet tat-tisfija, kienu attenti jaħslu t-tazzi u l-platti minn barra imma mbagħad ftit li xejn kienu jintebħu li qalbhom mimlija bis-serq u l-qerq. Kienu skruplużi biex ma jmissux dak li huwa “imniġġes” minn barra, meta huma stess kienu mniġġsa minn ġewwa. Kollox jindika li l-Fariżej u l-kittieba kien jimpurtahom kif ser jidhru minn barra – kienu ppreokkupati dwar il-look. Biex quddiem in-nies jidhru li huma “nies tal-knisja”, kienu jilbsu maskra.
Dan kollu japplika għalina llum li qegħdin ngħixu fiċ-ċiviltà tal-maskra. Bħal donnu d-dehra esterna (l-apparenza) saret ħtieġa ewlenija tal-bniedem tal-lum biex dan ikun jista’ jsib postu fis-soċjetà moderna. Ħafna drabi, jekk ma jilbisx il-maskra, ma jippermettulux jiżfen il-ballu.
Fil-fatt, ħafna drabi, biex wieħed jimxi ’l quddiem fil-ħajja personali, għandu bżonn joħroġ b’maskra. Bħal donnu hija prassi aċċettata li biex wieħed iħossu aċċettat jew milqugħ, dan irid juri wiċċ b’ieħor. Il-gidba saret il-mezz biex wieħed jista’ javvanza. Għalhekk f’dan l-opportuniżmu sar faċli li wieħed itella’ jew iniżżel il-bandiera skont f’liema port ikun jixtieq idaħħal il-vapur tiegħu. L-alleanzi jinbidlu sikwit għax skont il-mużika tal-mument, iż-żifna!
Hawn koppji li minn barra jagħtu dehra li huma koppja ideali, imma fil-fatt ikunu qishom kelb u qattus. Ikunu jbatu, imma biex isalvaw l-apparenza, jibqgħu jidhru flimkien. Għandna familji li juru li huma perfetti imma mbagħad Alla biss jaf it-taħwid li jkun hemm ġewwa darhom.
Lanqas fir-reliġjon ma aħna ħielsa mit-tentazzjoni li nagħmlu l-affarijiet għal għajn in-nies. Huwa possibbli li ninqdew bir-reliġjon biex nipproġettaw dehra reliġjuża tagħna nfusna meta fir-realtà ma nkunux verament hekk. Oħrajn iserrħu l-kuxjenza tagħhom għax jixegħlu xi xemgħa, jagħmlu xi għotja, imorru sal-knisja, u l-bqija – dawn jaħsbu li għemejjel bħal dawn huma biżżejjed biex iħarsu l-qoxra! Imbagħad ħallina biex inkesksu kontra xulxin, niġġakbinaw lil xulxin, nieħdu dak li mhux tagħna, nikkorrompu fin-negozju, u iżjed. Fil-Knisja jeżistu dawk li jridu jlibbsu u jilbsu sabiħ, anki b’kostumi li għadda żmienhom, biex hekk jidhru dak li ma humiex u jaħbu dak li huma. Nifhem li dawn huma xi wħud mill- “oqbra mbajda” ta’ żminijietna.
Il-Mulej qed jgħidilna biex ma nostrux dak li għandna nikxfu; qed jgħidilna biex ninżgħu minn dak kollu li jaħbi l-veru jien. Imma spiss jiġri li aħna nikxfu fejn għandna nostru u nostru dak li suppost nikxfu, li aħna ninżgħu dak li ma għandniex inneħħu u ngħattu dak li għandu jkun għeri (il-jien).
Meta ngħixu ħajja doppja, dan huwa ta’ dannu uman, soċjali u spiritwali. Jekk irridu ambjent moralment nadif, għandna bżonn inkunu sinċieri, mingħajr irtokk u make up, biex kull wieħed minna jkun hu u mhux nippreżentaw dehra tagħna nfusna li tkun artifiċjali, immuntata u giddieba. Għalhekk il-qawl Malti jgħid li l-apparenza tinganna.
L-apparenza taħbi l-azzjoni salvifika ta’ Kristu! Mhux diffiċli biex fejn hemm it-tajjeb u s-sabiħ, nirrikonoxxu l-qawwa tal-grazzja ta’ Alla; imma hemm bżonn nikkonvinċu ruħna li l-id ta’ Alla taħdem ukoll fejn hemm id-difetti u n-nuqqasijiet. Ħafna drabi aħna nxiddu l-maskra biex naħbu dak li aħna stess ma nkunux kuntenti bih jew dak li naħsbu li s-soċjetà ma tkunx sodisfatta bih. Fi kliem ieħor, ma nkunux irridu nammettu n-nuqqasijiet tagħna. Imma kif jgħid San Pawl, “fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja” (Rum 5:20) ta’ Alla. Fi kliem ieħor, bl-intervent kreattiv u fantastiku tiegħu, Alla jfejjaqna u jlibbisna bil-ġmiel. Aktar ma r-realtà tkun negattiva, aktar joħorġu fid-dieher l-effetti tal-grazzja kotrana ta’ Alla. Imma jekk nagħżlu li ngħixu f’gidba, inxekklu din l-azzjoni ta’ Kristu Feddej.
Nitolbu lil Alla jgħinna biex ma naqgħux għall-kult tal-immaġni li qed joħloq dannu kbir. Meta nkunu sinċieri magħna nfusna, inkunu nagħmlu l-wisa’ biex taħdem il-grazzja ta’ Alla.