Aqbeż għall-kontenut

Id-Dannu tal-Immobiliżmu Reliġjuż

Ma kienx faċli għal Ġesù “jifforma” l-ewwel komunità ekkleżjali, għax kellu ħafna reżistenzi! Ma kienx qed jindirizza lill-pagani jew lil xi Lhud li kienu kontra tiegħu; pjuttost kien qed jiddjaloga mal-Lhud li emmnu fih (ara Ġw 8:1). Imma dawn kienu wisq imwaħħla fil-konvinzjonijiet reliġjużi tagħhom. Kienu maħkuma minn immobiliżmu reliġjuż li bħal kappestru kien iżommhom milli jaraw il-ġdid li Ġesù kien qed jgħaddilhom. Bħal kellhom ċerti kunċetti fissi li ma setgħux jinfatmu minnhom. Daħlu f’radda u tħawlu fiha! Kienu kuntenti li huma min-nisel ta’ Abraham – sodisfatti bl-appartenenza reliġjuża tagħhom. Ma kinux disposti biex jikbru; pjuttost kienu kuntenti f’dak li wirtu mingħand ta’ qabilhom. Kienu jħossuhom “mimlija” u “mwassla” u għalhekk ma kinux jeħtieġu minn jakkumpanjahom. Mhux biss, imma lil Ġesù rawh żejjed u ta’ xkiel!

F’dan il-kuntest nara l-isfidi li għandha l-komunità tas-Seminarju. Is-seminarista mhux ħieles mit-tentazzjoni tal-immobiliżmu fil-formazzjoni. Wieħed jista’ jibda s-snin tal-formazzjoni konvint li huwa diġà ppreparat. Ma jkunx lest li jżarma l-bagalja bid-drawwiet u l-iskemi mentali li jkun daħħal miegħu, biex minflok jimlieha bi ħwejjeġ ġodda. Wieħed jaf ikollu l-punti fermi tiegħu u ma jkunx lest li jitħarrek minnhom. Ma jkunx lest li jibdel (drawwiet, fehmiet, viżjoni…). F’każi bħal dawn, il-formazzjoni tkun bħal meta wieħed isawwab l-ilma fuq dahar ta’ papra – kollox jibqa’ għaddej! Bħal-Lhud forsi jiftaħar bil-passat reliġjuż tiegħu u jirreżisti kull direzzjoni biex jiġġedded. Minflok ma jidħol f’qoxortu u jfittex l-inkonsistenti tiegħu, kif għamlu l-Lhud ma’ Kristu hekk is-seminarista kapaċi jakkuża lil dawk responsabbli mill-formazzjoni li huma “xitan”.

Għalkemm il-Lhud kellhom moħħhom mistrieħ għax kienu dixxendenti ta’ Abraham, din ir-relazzjoni kienet waħda formali! Kważi kważi ngħid li kienu jinqdew b’Abraham. Minn ta’ Abraham ma kellhom xejn. Fil-fatt, Abraham ma kienx spiritwalment staġnat u immobbli bħalhom. Il-laqgħa tiegħu ma’ Alla wasslitu biex jerħi dak kollu li kien ġemma’ f’qalbu u f’moħħu, qatta’ kull għamla ta’ rbit li kellu (familjari, ekonomiku, u anki reliġjuż) u telaq f’direzzjoni inċerta: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn art li jien nurik. U jien nagħmlek ġens kbir” (Ġen 12:1). Hu tajjar iċ-ċertezzi kollha li kellu u strieħ biss fuq il-wegħda li għamillu Alla. Abraham “ħareġ” mill-fosdqa li kien fiha u beda jimraħ; flok ma għamel bħal-Lhud li “sakkru” lil Alla fil-formularji teoloġiċi, fil-liġijiet u fir-ritwali. Abraham kien attent biex jintebaħ bis-sorpriżi ta’ Alla. Abraham emmen li Alla mhux tal-iskemi, imma li tant iħobb li kapaċi jissorprendi lill-bniedem. Abraham fehem li qatt ma jista’ jkun jaf il-verità kollha; imma l-fatt li hu kien konvint li fadallu x’jiskopri, huwa sar ħabib tal-verità.

Seminarista tajjeb huwa dak li ma “jingħalaqx” jew jinħeba wara xi ħajt; imma minflok għandu jrawwam fih din l-attitudni tal-ħruġ: li qatt ma jgħid li jaf biżżejjed, imma bl-istudju u t-talb ikompli joħroġ f’mergħat ġodda – ikompli jfannad biex saflaħħar isib ilma ġieri u safi. Aħarbu dak li bit-Taljan jissejjaħ sedere sugli allori. Nirrakkomandalkom biex ma tikkuntentawx ruħkom b’dak li tafu, tkunux minimalisti, imma tħeġġu għal doni akbar. Jien nippreferi li wieħed ikun avventuruż, anki jekk wieħed jista’ jiżbalja t-triq u jerġa’ lura, milli jibqa’ ffossilizzat. Fl-aħħar mill-aħħar ma aħniex waħidna – din l-avventura nagħmluha fil-Knisja u mal-Knisja. Il-verità tagħmilna ħielsa. Għarfien skars tal-verità pjuttost jirrendina tant beżżiegħa li kapaċi nsiru riġidi mal-oħrajn u nkunu dejjem fuq id-difensiva. Atteġġjament ta’ din ix-xorta joqtol!

“Abraham qabeż bil-ferħ għat-tama li kien ser jara l-jum tiegħi, u rah u feraħ”. It-tama hija kollox. Skont San Tumas ta’ Aquino, it-tama hija l-preżent tal-futur. Il-bniedem li jittama huwa dak li f’idejh ikollu qamħa u jkun diġà qed jara l-iżbula mimlija! Minkejja li Abraham ma kiseb ebda art u lanqas ra d-dixxendenza kotrana tiegħu, huwa ttama kontra kull tama (ara Rum 4:18) għax emmen bis-sħiħ fil-wegħda li għamillu Alla. Għalhekk inħeġġiġkom titolbu lill-Ispirtu s-Santu jqawwikom fil-virtù tat-tama. Kif jikteb Gerhard von Rad fil-Kummentarju tiegħu għall-ktieb tal-Ġenesi, meta Abraham erħielha flimkien ma’ ibnu Iżakk lejn l-għolja Morija (ara Ġen 22), huwa mhux biss irrinunzja għall-imgħoddi tiegħu, għall-art ta’ missirijietu, bħal meta telaq minn Ur tal-Kaldej, imma rrinunzja għall-istess futur tiegħu li huwa reħa f’idejn Alla. Daqshekk kellu fiduċja f’Alla!

Minħabba l-għeluq u r-riġidità tagħhom, il-Lhud “qabdu l-ġebel biex iwaddbuhulu”. Ma nixtiqkomx tkunu bħalhom; minflok, nixtieq li tkunu bħas-Samaritana li wara li skopriet lil Ġesù, saret missjunarja mimlja entużjażmu biex tħabbar il-Kelma li teħles.

pdf · 59.17 KB Niżżel