Id-Dimensjoni Marjana tas-Saċerdot
Il-fatt li qegħdin nagħmlu din it-tislima u din it-talba lil ħuna fis-saċerdozju, Dun Ġużepp, proprju f’din il-ġurnata ddedikata lill-verġni Marija, lil-Lunzjata, jgħinna nirriflettu ftit fuq id-dimensjoni marjana tas-saċerdoti.
Ċertament hemm ħafna x’wieħed jgħid fuq kif Omm il-Feddej titfa’ dawl fuq il-ministeru saċerdotali tagħna. It-tnejn jibdew minn sejħa. Kif il-missjoni ta’ Marija tibda minn għażla u minn sejħa li għamel Alla, hekk ukoll fil-każ tagħna s-saċerdoti, mhux aħna li nagħżlu li nkunu ministri ta’ Alla u tal-Knisja imma hemm sejħa u għażla ġejjin minn Alla. U kif ċertament l-ambjent tal-familja għen lil Marija biex tiskopri u twieġeb b’ġenerożità għas-sejħa li għamlilha Alla, jiena fiduċjuż li anki l-familji tagħna huma ambjent tajjeb ħafna biex, kif fl-imgħoddi, anki fil-futur jistgħu joffru għajnuna kbira ħalli jekk hemm vokazzjoni ma tintilifx.
Imma hemm żewġ punti li nixtieq li llum nirriflettu fuqhom. Marija hija dik li taqdi lil Alla billi tingħata kollha kemm hi lilu: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skond kelmtek”. Alla jippreparaha u jagħtiha l-meħtieġ, jimliha bil-grazzja biex tista’ tkun il-qaddejja tiegħu. Alla kellu bżonn ta’ Marija biex l-Iben jitwieled u jsir bniedem u jgħammar fostna.
Hekk ukoll is-saċerdot huwa qaddej ta’ Alla, l-ewwel u qabelkollox. Is-saċerdot huwa l-bniedem illi meta huwa konvint li Alla qed isejjaħlu u li Alla għażlu, jingħata mingħajr ebda riserva lill-Mulej. M’hix kelma ħafifa tgħid li għandek tingħata kollok kemm int lil Alla! Dan ngħidu b’esperjenza proprja tiegħi! Ħuti fis-saċerdozju, irridu dejjem nikbru fl-għarfien ta’ Alla. Nappella lill-poplu ta’ Alla jitlob għalina ħalli aħna s-saċerdoti, qabel niksbu kull speċjalità oħra, nikbru u nimmaturaw f’din il-vokazzjoni li nkunu qaddejja ta’ Alla f’kollox, għaliex anki llum Alla għandu bżonn tagħna biex jagħmel lilu nnifsu preżenti fid-dinja tal-lum. Anki llum, minkejja l-progress kbir li għamel il-bniedem, Alla għandu bżonn tagħna l-bnedmin, b’mod partikulari tagħna l-presbiteri biex, waqt li jeħodna minn fostkom, ipoġġina proprju għall-qadi tiegħu fostkom.
Jiena ftit nafu lil Mons. Ġużeppi Borg, imma mill-ftit konoxxenza li għandi tiegħu jiena konvint illi huwa għex il-ħajja twila li Alla tah b’din id-dispożizzjoni: kien qaddej ta’ Alla. Huwa kien ifittex l-ewwel u qabelkollox lil dan Alla biex iħobbu u jagħmel li jkun maħbub. Kien saċerdot li jixraqlu l-isem ta’ “ministru ta’ Alla”.
Il-verġni Marija m’hix biss qaddejja ta’ Alla imma wkoll qaddejja tal-bnedmin. Meta hija aċċettat li tilqa’ l-Verb biex imbagħad tildu, hija tat l-ikbar servizz li setgħet toffri lill-bniedem. Din hija ġrajja għal qalb din il-komunità partikulari tal-parroċċa ta’ l-Għarb, għaliex proprju għandkom bħala ikona li takkumpanjakom fil-ħajja tagħkom il-ġrajja tal-Viżitazzjoni: Marija li tmur taqdi lil Eliżabetta; mhux biss taqdiha fil-ħtiġijiet materjali u umani, imma tikkomunikalha lil Kristu, tant li t-tarbija fi ħdan Eliżabetta qabżet bil-ferħ meta Marija sellmet lil Eliżabetta.
Il-missjoni tagħna s-saċerdoti hija li aħna nkunu qaddejja tagħkom il-bnedmin billi naqdukom f’ħafna affarijiet, imma l-iktar u b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla. Ħarsu ftit lejn il-ħidma pastorali u araw hix kollha immirata biex filwaqt li naqdu lil Alla naqdu wkoll lilkom u nwasslulkom il-grazzja, lil Kristu! Ix-xandir tal-Kelma m’hux mezz kif aħna nippruvaw naqdukom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla? Is-sagramenti li aħna niċċelebraw m’humiex okkażjoni biex proprju nlaqqgħu lill-bniedem ma’ Alla? Ħajjitna kollha jeħtieġ li tkun impenn favur il-bniedem fil-bżonn biex ngħinuh isib it-triq u jingħaqad ma’ Alla. Hija missjoni fundamentali tagħna s-saċerdoti li ndawlu l-intelliġenza tal-bniedem u nindirizzaw il-kuxjenza u l-ġrajja tal-bnedmin lejn il-misteru ta’ Kristu.
Il-ġisem mejjet ta’ ħuna, Dun Ġużepp, li għandna quddiemna jfakkarna f’kemm dan is-saċerdot kien qaddej tal-bnedmin. Il-fatt li għadda tlieta u tletin sena arċipriet hawnhekk u sentejn oħra kappillan fil-parroċċa ta’ l-Għasri… dawn kienu ħamsa u tletin sena ta’ qadi. U dan għamlu bħala qaddej ta’ l-aħwa. Dan ngħidu b’sens ta’ sodisfazzjon u sens ta’ radd il-ħajr lil Alla għall-eżempji li rċivejna minn dawk ta’ qabilna u biex nerġa’ nistedinkom titolbu għalina ħalli aħna nkunu nistgħu nagħtukom servizz li tassew jgħaqqadkom ma’ Alla.
Il-Verġni Mbierka hija omm il-Mulej Ġesù u omm il-Kristjani kollha; hija x-xbieha tal-Knisja. Fil-ħajja saċerdotali tagħna m’hemmx sens jekk aħna ma nkunux ministri tal-Knisja. M’hemmx qadi veru, la lil Alla u lanqas lill-bniedem, jekk dan is-servizz ma nagħmluhx fi ħdan il-Knisja, jiġifieri f’għaqda bejnietna, f’għaqda mal-ministeru ta’ l-isqof u f’għaqda mal-Papa. Jiena konvint li Dun Ġużepp kellu din l-attitudni. Huwa kellu dan is-sens ta’ għotja lil Alla, lill-bniedem u lill-Knisja.
Nista’ nirrakkontalkom esperjenza żgħira imma sinifikattiva li għandi tiegħu. Darba mort inżuru fiċ-Ċentru Pastorali tar-Ragħaj it-Tajjeb u, waqt li kont nitkellem miegħu, Dun Ġużepp qalli: “Jiena ċ-ċirkulari ta’ l-isqof Cauchi u tiegħek naqrahom bħallikieku qiegħed naqra l-ittri ta’ l-Appostli”. Nistqarr li ma kontx naf kif nirreaġixxi għaliex ma nimmaġinax kif l-ittri li jien nikkomunika magħkom għandhom valur daqs l-ittri ta’ San Pawl jew ta’ San Pietru! Imma din kienet il-fidi ekkleżjali li kellu Dun Ġużepp. Dan mhux qed ngħidu b’eloġju għalija jew għall-isqof emeritu Mons. Cauchi, imma qed ngħidu biex naraw liema profondità ta’ ħsieb u komunjoni kien hemm f’dan il-ministru ta’ Alla u tal-Knisja.
Hawnhekk ukoll nitlob lilkom, għeżież ħuti Kristjani, biex tinterċedu għalina quddiem Alla ħalli aħna s-saċerdoti jirnexxilna nħarsu din il-komunjoni ekkleżjali, ħalli hekk inkunu nistgħu nidhru quddiemkom b’wiċċna minn quddiem u, meta jasal il-mument li ngħaddu minn din l-art għal għand il-Missier, nidħlu fl-eternità.