Id-Djaknu, bħal San Ġwann il-Battista
qaddej ta’ Kristu u tal-Kelma ta’ Alla
Għeżież Noel u Maximillian, illum qed tingħatalkom grazzja kbira: li l-Mulej għażilkom u sa tirċievu d-djakonat. Imma għandkom xorti wkoll li din l-ordinazzjoni tagħkom qed issir fis-solennità ta’ San Ġwann il-Battista, li huwa figura emblematika fl-istorja tas-salvazzjoni. Filfatt meta naqas Ġuda u t-Tnax ġew biex jagħżlu lil xi ħadd ħalli jieħu postu jqum Pietru u jgħid li hemm bżonn li jinstab xi ħadd li jidħol għall-ministeru u l-appostolat ta’ Ġuda, u dan kellu jkun “ilu magħna ftit taż-żmien, sakemm il-Mulej kien dieħel u ħiereġ magħna”, jiġifieri mill-mument tal-magħmudija ta’ Ġwanni sakemm Kristu ħareġ minn din id-dinja. Mela fost il-kriterji għall-ammissjoni ta’ xi ħadd li sa jieħu post Ġuda fil-kulleġġ tal-Appostli kien hemm dan il-kriterju: li jkun jaf lil Kristu, imma li jkun jaf ukoll lil Ġwanni l-Battista.
“Ġie raġel mibgħut minn Alla biex ikun xhud għall-verità u biex il-bnedmin jemmnu fih”, jgħid San Ġwann fil-prologu tal-vanġelu tiegħu. Għalhekk, mela, Pietru u l-Knisja fl-ewwel żminijiet raw il-ħtieġa li l-kandidati għall-ministeru jkollhom konoxxenza tal-Battista. Imma hemm esperjenza oħra fil-Knisja tal-bidu li tixhdilna u tikkonfermalna dan. Għal darb’oħra nirriferikom għall-Atti tal-Appostli, fejn Pawlu jsib ruħu f’Antjokja ta’ Pisidja, u waqt li hemmhekk jagħmel ġabra tal-katekiżmu li għamel Pietru, huwa jagħti lill-poplu l-istorja tas-salvazzjoni, jitkellem fuq iċ-ċentralità ta’ Kristu u ma jonqosx ukoll li jsemmi lil Ġwanni l-Battista li ġie biex ixandar magħmudija ta’ ndiema. Pawlu hawnhekk jissottolinea u jirrikonoxxi ċ-ċentralità ta’ Kristu, u allura jrid juri li kollox huwa relattiv ħdejn il-Mulej Ġesù. Dan huwa biżżejjed għalikom f’din il-ġurnata hekk importanti għal ħajjitkom u għall-ħajja tal-komunità Kristjana.
Id-djaknu jippersonifika lil Kristu qaddej tal-Missier
Il-Papa Ġwanni Pawlu II, f’diskors li għamel f’kungress li sar fl-1985 f’Ruma fuq id-djakonat permanenti, jagħti definizzjoni ekkleżjali tal-ministeru tagħkom id-djakni u jgħid li d-djaknu jippersonifika lil Kristu qaddej tal-Missier, u dan il-qadi jitfisser fi tliet funzjonijiet marbuta mal-ordni tad-djakonat. X’inhuma? Ix-xandir u t-tifsir tal-Kelma, għax intom illum sa tirċievu l-mandat biex ixxandru u tfiehmu l-Kelma ta’ Alla. Bil-qadi fil-ministeru tagħkom, li bih intom tqaddsu bil-Magħmudija, tqassmu fl-Ewkaristija u bis-sagramentali, intom tmexxu wkoll il-komunità Kristjana billi tgħinuha tkun komunità mibnija fuq il-verità u fuq l-imħabba li hija meħtieġa biex ikun hemm il-komunjoni vera.
Ippermettuli nitlobkom tħarsu lejn San Ġwann il-Battista u fih tirriflettu ftit fuqkom infuskom bħala djakni; u dan nagħmluh anki aħna l-presbiteri, għaliex għalkemm aħna presbiteri aħna rċivejna l-ordni tad-djakonat u dak ma tlifniehx, għax huwa parti wkoll mill-ministeru tagħna. Nirriflettu ftit fuq dan il-ministeru tad-djakonat fid-dawl tal-Liturġija tal-Kelma tal-lum.
Ġwanni l-Battista l-qaddej ta’ Kristu
Il-Battista kien wieħed li kellu l-ħarsa tiegħu ffissata fuq Kristu. Insibu fil-katekeżi li għamel Pawlu fis-sinagoga ta’ Antjokja ta’ Pisidja: “Jiena m’inix dak li intom taħsbu li jiena, għaliex warajja ġej wieħed li huwa aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu”. U allura l-Battista, li għandu l-ħarsa u l-ħajja tiegħu orjentati u ċċentrati fuq il-Mulej Ġesù, jagħraf ukoll x’tip ta’ relazzjoni għandu jibni ma’ Kristu. Hija din l-imħabba li twasslu biex jagħraf il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja u jindikah lill-oħrajn: “Dan huwa l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja”.
Għeżież tiegħi, l-attività li għamel Ġwanni ssib il-qofol tagħha fil-Ġordan, fejn huwa jgħammed bil-magħmudija tal-ilma li hija differenti mill-magħmudija tal-Ispirtu li ġab Kristu, imma propju fl-attività pastorali tiegħu sseħħ waħda mill-epifaniji ta’ Alla l-Imbierek, għax x’ħin tgħammed Kristu nstemgħet dik il-vuċi: “Dan huwa Ibni l-maħbub li fih sibt l-għaxqa tiegħi”. Kien dan l-inkurunament ta’ dik il-ħeġġa u ta’ dak l-entużjażmu li kellu San Ġwann il-Battista għal Kristu. L-identità essenzjali tal-Battista hija propju li jkun il-qaddej ta’ Kristu.
U ma tarawhx bħala simbolu qawwi u effettiv ħafna meta Ġwanni jgħid: “Jien ma jistħoqqlix li nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu”? Min kien dak li jħoll il-qfieli tal-qorq jekk mhux l-ilsir? Hekk, mela, b’din l-espressjoni Ġwanni l-Battisa qiegħed juri li huwa l-qaddej ta’ Kristu, u dan kien frott dik l-umiltà li huwa għandu, li kienet ġejja mill-ammirazzjoni entużjasta li huwa kellu għal Kristu. Dan kollu nixtieqhulkom, għeżież ordinandi għad-djakonat, u nixtiequ lilkom ukoll, ħuti fis-saċerdozju, f’din is-sena ddedikata għas-saċerdozju.
Il-wegħda taċ-ċelibat: qalb mogħtija kollha kemm hi lil Alla
Intom tafu li llum sa tagħmlu l-wegħda taċ-ċelibat. Ma nafx jindunawx in-nies ta’ madwarna. M’hijiex wegħda taċ-ċajt fl-impenn u fit-tifsira tagħha. Jiena hawnhekk nara t-tifsira taċ-ċelibat saċerdotali: li aħna bl-għajnuna tal-grazzja naċċettaw li nħobbu lil Kristu b’qalb sħiħa u li din il-qalb ma naqsmuha ma’ ħadd iktar, imma hija dik il-ħarsa kontinwa fuq Kristu li tagħti sens liċ-ċelibat saċerdotali.
“Is-Saltna ta’ Alla qiegħda fostkom”
Ġwanni l-Battista huwa dak li ħabbar il-magħmudija għall-indiema. Mill-informazzjoni skarsa li għandna fuq Ġwanni l-Battista nistgħu naraw kif il-predikazzjoni tiegħu hija predikazzjoni skjetta, diretta u mibnija fuq il-Kelma ta’ Alla. U għaliex Ġwanni l-Battista jsib dik il-qawwa ħalli jkun vuċi tgħajjat fid-deżert ta’ żmienu? Għax kien konvint mhux biss mill-qawwa ta’ Alla imma li s-Saltna ta’ Alla kienet waslet u qiegħda fostna. Dan huwa kunċett li fid-dinja tal-lum ma tantx huwa ċar u ma tantx aħna konvinti fuqu. Infakkarkom fuq dak li kien tħabbar fuq Ġwanni l-Battista propju f’dak il-kantiku ta’ Żakkarija li fil-Liturġija tas-Sigħat aħna s-saċerdoti nitolbu kull filgħodu: “Inti, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-Għoli, għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu, biex tgħarraf il-poplu tiegħu bis-salvazzjoni… ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna”. U dan huwa l-mandat li intom sa tirċievu: li bil-Kelma ta’ Alla ddewqu l-ħniena u t-tjubija ta’ Alla l-Imbierek lill-bniedem tal-lum.
Il-wegħda tal-ubbidjenza
Intom illum sa tagħmlu wegħda oħra: il-wegħda tal-ubbidjenza tagħkom lejn l-isqof tagħkom u lejn il-Knisja. Din l-ubbidjenza għandha tifsira biss jekk tissarraf f’ubbidjenza għar-rieda ta’ Alla u f’li temmu li permezz tal-Knisja Alla jgħinna nagħmlu dixxerniment iktar korrett. L-ubbidjenza li intom sa twiegħdu hija ubbidjenza lejn il-Kelma ta’ Alla. San Luqa jgħid li l-Kelma wasslet lil Ġwanni fid-deżert. U dan huwa li jiena nirrakkomandalkom f’din il-ġurnata: li anki intom, f’dinja ta’ geġwiġija u fejn hawn ħafna storbju estern u intern, u f’dinja fejn l-attiviżmu pastorali wkoll qed joħnoq il-vuċi ta’ Alla, tmorru kontra l-kurrent u tfittxu dak il-mument tad-deżert fejn anki lilkom taslilkom il-Kelma ta’ Alla. Din hija Kelma dinamika li toħloq id-djalogu, għax hija Kelma li timbotta lilkom u lill-bniedem għall-konverżjoni. Hija Kelma li tixprunana ħalli nagħtu dik it-tweġiba kuraġġjuża li tgħinna nikkonvertu lejn Alla l-Imbierek.
“L-id ta’ Alla kienet miegħu”
Għeżież tiegħi, smajna fil-vanġelu li meta twieled il-Battista “l-id ta’ Alla kienet miegħu”. Il-profeta għandu missjoni importanti ħafna u ma jistax iwettaqha biss bil-ħiliet naturali tiegħu. Alla l-Imbierek lanqas m’huwa sa jħalli waħdu lill-profeta fil-ħalel ta’ żminijietna. Dak li Alla qal lil Ġeremija: “La tibżax għax jien sa nkun miegħek”, u li ntqal ukoll għal Ġwanni l-Battista li l-id ta’ Alla kienet miegħu, jgħidu llum lilkom u lilna s-saċerdoti, illi għandna missjoni x’inwettqu f’soċjetà u kultura li ħafna drabi għandhom rashom iebsa u jirrifjutaw lil Alla. Taqtgħux qalbkom, għax hemm din il-wegħda li qed jagħmlilkom Alla l-Imbierek. L-id ta’ Alla tkun dejjem magħkom.
Dawn huma l-ftit riflessjonijiet li f’din iċ-ċirkustanza nħoss li nista’ nagħtikom bħala għajnuna u bħala servizz, ħalli tkunu isħaħ milli intom u ma tibżgħux, ħalli dan id-don tad-djakonat li l-Mulej qiegħed jafdalkom intom tagħrfu tħaddmuh b’fedeltà kbira lejn Alla li għażilkom, lejn il-Knisja li qed taċċettakom u lejn il-poplu ta’ Alla li għandu bżonn is-servizz tagħkom.