Aqbeż għall-kontenut

Id-Don tad-Dmug)

Marbuta mal-Festa ta’ San Lawrenz teżisti tradizzjoni antika li tinterpreta ċertu xrar li jaqa’ mis-sema matul il-lejl bejn l-10 u l-11 ta’ Awwissu bħala “stilel” f’ġieħ il-Levita Martri Lorenzo. Imbagħad hemm oħrajn li f’dan ix-xrar jaraw “il-faħam” li jfakkarna fin-nar li fuqu tqiegħdet il-gradilja b’San Lawrenz marbuta magħha. Niftakar meta snin ilu, qabel ma ġejt fdat bil-ministeru ta’ Isqof tad-Djoċesi, f’jum il-Festa kont niġi f’din il-parroċċa u nisma’ lil Mons. Ġużepp Piscopo jgħidli li mas-sebħ tal-għada kien ser imur ifittex fl-għelieqi tal-madwar “il-faħam ta’ San Lawrenz”. Hemm oħrajn li jgħidu li dan ix-xrar huwa d-dmugħ ta’ San Lawrenz. Il-poeta Taljan Giovanni Pascoli għandu poeżija sabiħa fejn jitkellem dwar dan id-dmugħ ta’ San Lawrenz.

Naturalment hemm tifsira meteoroloġika għal dan il-fenomenu naturali. Dawn huma xrar magħruf bħala Perseid meteor shower, imma r-reliġjożità popolari tathom din it-tifsira marbuta ma’ San Lawrenz. Ħasra li minħabba t-tinġis tal-lejl minn dwal żejda llum sar diffiċli li wieħed japprezza dan l-aspett tan-natura!

F’messaġġ li għamel liż-żgħażagħ meta kien fuq Vjaġġ Appostoliku fil-Filippini, il-Papa Franġisku qal sentenza li għandha tħassibna: “Id-dinja tal-lum jonqosha d-dmugħ. Jibku l-inmigranti, jibku dawk li huma skartati, jibku dawk li ma humiex rispettati, imma dawk li ma jonqoshom xejn ma jafux jibku. Ċerti veritajiet tal-ħajja wieħed jista’ jarahom biss b’għajnejh imxarrba bid-dmugħ” (18 ta’ Jannar 2015). Fi kliem ieħor, bħal donnu għajnejna xxuttaw mid-dmugħ. Proprju f’dawn il-jiem iltqajt ma’ persuna li qaltli li ilha ħdax-il sena ma tibki! Tlifna d-don tad-dmugħ. Forsi għax nistħu nibku quddiem in-nies, għax naħsbu li l-biki huwa sinjal ta’ dgħufija. Imma drabi oħra ma nibkux għax fuq għajnejna hemm għamad li ma jħalliniex naraw la l-miżerja tal-umanità u lanqas il-ġmiel ta’ madwarna. Għax il-bniedem jibki mhux biss meta jkollu qalbu tqila bid-dwejjaq, imma wkoll meta qalbu tkun ser ittir bil-ferħ.

Fid-dawl ta’ dan, nixtieq nagħmel riflessjoni dwar id-dmugħ ta’ San Lawrenz. Għaliex naħsbu li San Lawrenz beka?

Huwa beka ma’ dawk li kienu jibku. Beka mal-morda – nafu li fejjaq diversi għomja; beka ma’ dawk li kienu fil-luttu għax tilfu lil xi ħadd għażiż tagħhom fil-persekuzzjoni; beka ma’ dawk li sabu ruħhom soċjalment diskriminati minħabba t-twemmin tagħhom; fuq kollox huwa beka mal-foqra abbandunati mill-istituzzjonijiet. Kif seta’ ma jinkisirx meta jara l-qalb insensittiva tal-kotra li kienu indifferenti quddiem it-tbatija ta’ dawk li ma kellhomx għaxja ta’ lejla?

Nistħajjel lil San Lawrenz jibki meta kien jara lil dawk l-Insara jħallu l-Knisja, jiċħdu lil Kristu biex iqimu lill-idoli. Kien żmien il-persekuzzjoni ta’ Valerjanu, u biex l-Insara jsalvaw ġildhom kienu jirrinunzjaw it-twemmin tagħhom (apostasija); biex jiksbu vantaġġ fis-soċjetà, kienu jinsew lil Kristu! Min jista’ jfisser id-diżappunt tal-Levita meta sar jaf li Nsara li huwa kien jorbot fuqhom, kienu saru bħal qasba tixxejjer mar-riħ. Ma nistax nimmaġina lil Lorenzo ma jinkeddx meta ntebaħ lil kienu għosfru dawk li kienu tgħammdu, tqarbnu u ħadu l-Griżma; jinkedd quddiem dawk li għamlu mill-fidi tagħhom libsa fil-kexxun li tintlibes biss f’xi solennità jew festa patronali. In-nuqqas ta’ konvinzjoni, il-laxkezza morali, il-kompromessi mad-dinja, żgur li qabbżu d-demgħat lil San Lawrenz.

Nistħajjel lid-Djaknu Lawrenz jibki meta ra lill-Papa Sistu jittieħed għall-martirju. Kien hemm rabta qawwija bejnu u bejn il-Papa. Huwa beka mhux biss għax ra t-tmiem ta’ dak li kien sejjaħlu minn Spanja biex ikun l-Arċidjaknu tiegħu, imma wkoll għax ra li l-qawwa evanġelizzatriċi tal-Knisja kienet qed titnaqqa. L-għedewwa tal-Knisja kienu qed jeliminaw lill-ministri tal-Knisja u hekk bil-mod il-mod joħonqu l-vuċi tal-Vanġelu. Fi kliem ieħor, San Lawrenz beka għax ra l-Knisja tinħatt.

Aħna, devoti ta’ San Lawrenz, għandna din il-ħila li nibku quddiem fenomeni bħal dawn li semmejt? Nibku meta naraw lis-soċjetà tagħti daharha lil dawk li huma fil-bżonn? Nibku quddiem il-fatt li l-komunità Nisranija f’Għawdex qiegħda dejjem tiċkien? Taqbżilna demgħa meta naraw dejjem jonqos in-numru ta’ dawk li huma lesti li jagħtu ħajjithom biex jipprietkaw il-Vanġelu? Għall-grazzja ta’ Alla, il-komunità parrokkjali ta’ San Lawrenz qed trodd ħajr lil Alla għad-djaknu Andrew u sentejn ilu kellha saċerdot ġdid, Dun Michael. Imma n-nuqqas ta’ vokazzjonijiet, anki missjunarji, huwa motiv ta’ tħassib għalina lkoll? Qed nirreferi wkoll għall-ħajja kkonsagrata reliġjuża (hawn Patri Gabrijel) u lajkali. Bħal donnu l-ħajja reliġjuża saret oġġett tal-arkeoloġija jew tal-mużew. F’dawn il-ħmistax-il sena għamilna passi żgħar biex noħolqu aktar spazju għall-ministeri lajkali, imma fadal ħafna xi jsir f’dan ir-rigward.

Billi, kif għedna, il-bniedem jibki wkoll bil-ferħ, nixtieq nikkontempla lil San Lawrenz jibki bil-ferħ.

Żgur li Lawrenz feraħ meta waqt li kien qed il-ħabs, il-Prefett Ipollitu, Luċillu, u Ruman, it-tlieta pagani, l-ewwel talbuh biex ikellemhom dwar Ġesù Kristu, imbagħad talbuh il-Magħmudija. Dan huwa l-ferħ veru tal-komunità Nisranija – meta jirnexxilna nxennqu lil ħaddieħor jistaqsi dwar Ġesù, meta jirnexxilna nbejtu fil-qalb ix-xewqa għal Alla. Nistħajjel li dan huwa s-sodisfazzjon spiritwali li jġarrbu l-katekisti meta jakkumpanjaw liż-żgħar fil-mixja lejn is-sagramenti. F’Għawdex mhux daqshekk komuni li niltaqgħu ma’ min jitlobna l-Magħmudija, imma żgur niġi wiċċ imb wiċċ ma’ diversi li, għalkemm tgħammdu meta kienu żgħar, illum għandhom bżonn jiskopru mill-ġdid xi tfisser il-Magħmudija. Huwa fatt li għalkemm il-kotra f’din il-gżira huma mgħammda, diversi nsew xi tfisser il-Magħmudija.

Nimmaġina lil San Lawrenz jibki bil-ferħ meta ra lill-Papa Sistu u lill-Insara l-oħrajn sejrin għall-maritrju b’rashom mgħollija. Ix-xhieda kuraġġjuża tagħhom imlietu bil-ferħ. Jekk, kif għidna, Lorenzo beka meta ra Nsara jwarrbu lil Kristu, ċertament li qalbu mtliet bil-ferħ quddiem l-imħabba qawwija li wrew il-martri. Jien konvint li hawn ħafna fostna li jafu x’inhu dan il-ferħ – li jifirħu meta jaraw persuni jagħtu xhieda tal-valuri tal-Vanġelu li xandrilna Ġesù. Ħafna drabi fil-moħbi, anki ta’ djarna, hemm Insara li proprju għax iħobbu lil Ġesù litteralment jissagrifikaw ħajjithom għall-oħrajn. Min jista’ jżommilna d-dmugħ milli jaqbeż meta niltaqgħu ma’ persuni li, għax huma “boloh għall-Bambin”, jagħmlu affarijiet tal-blieh, fis-sens li ma jirraġunawx skont il-loġika tad-dinja imma skont il-Vanġelu – bħal meta wieħed jaħfer lil min ikun weġġgħu!

Nistħajjel li San Lawrenz beka bil-ferħ meta ltaqa’ ma’ dik l-armla li tat kenn f’darha lil xi Nsara mfittxija mill-persekuturi. Minkejja li kienet armla u għalhekk b’mezzi limitati, u waħidha mingħajr sapport ta’ ħadd, hija tipprova ssalva l-ħajjiet anki jekk dan kien ifisser li jekk tinqabad, tlaqqatha magħhom. Kellha l-kuraġġ li tiftaħ il-bieb ta’ darha biex tilqa’ lill-barrani. Din hija sfida tagħna llum. Ħafna drabi qed insibu l-barranin fl-ibħra ta’ madwarna. It-tentazzjoni hija li ma nagħtux kas tagħhom bir-riskju li jitilfu ħajjithom. Hemm ħafna propaganda qarrieqa għaddejja dwar id-dramma tal-immigranti. Huwa fatt li aħna għandna d-diffikultajiet u l-limiti tagħna u aħna fid-dmir li nieħdu l-prekawzjonijiet kollha; huwa minnu li l-pajjiżi l-kbar ma jistgħux iħalluna waħidna f’din is-sitwazzjoni; imma ma nistgħux nonfħu fuq il-ġamar tar-razziżmu.

Jien konvint li l-wasla tal-istatwa rrestawrata ta’ San Lawrenz imlitilkom għajnejkom bid-dmugħ bħalma bkew l-antenati tagħkom meta laqgħuh għall-ewwel darba 125 sena ilu. Bir-raġun, għax San Lawrenz huwa l-ġojjell u l-għożża tal-Lawrenzjani. Minn qalbi nawguralkom li bħala komunità ma titilfux il-ħila li tibku – li jkollkom id-dmugħ li jinżel fil-lejl ta’ San Lawrenz – dmugħ ta’ dulur imma wkoll ta’ ferħ. Jalla dan tal-aħħar jgħaddi bil-bosta lil tal-ewwel. Niftakru f’dak li jgħid wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja, Xmun it-Teologu (949-1022): “Ma hemmx triq oħra barra dik tad-dmugħ biex tkun tista’ tara l-misteru” (Inni 15, 259-260).

pdf · 105.57 KB Niżżel