Id-Dritt Naturali tal-Libertà Reliġjuża
Hu providenzjali għall-Knisja f’pajjiżna li l-lum għandna magħna lill-Beatitudni Tiegħu l-Patrijarka, li huwa responsabbli mill-Knisja fis-Sirja, li l-ġurisdizzjoni tiegħu tinfirex mal-Lvant Nofsani. Huwa fatt magħruf li fil-Lvant Nofsani, partikularment fis-Sirja, dik li tissejjaħ Kristjanofobija – jiġifieri l-biża’ minn dak kollu li huwa Kristjan – huwa terminu li qiegħed janima l-persekuzzjoni ta’ l-Insara, biex ikun hemm tindif etniku u reliġjuż. Kif semma wisq tajjeb Mons. Arċipriet fil-bidu ta’ din il-Quddiesa, hemm diversi inċidenti, biex ma ngħidx inċidenti makabri, fejn naraw li min hu Nisrani, sew jekk hu Isqof, sew jekk hu monaku, anki l-Insara lajċi, qed isibu konfront qawwi biex kemm jista’ jkun jiġu sradikati minn ċerti ambjenti.
Veru li l-lum qegħdin nagħmlu din il-festa solenni lill-Kbir Martri San Ġorġ, imma jiena nħossni responsabbli quddiem Alla u quddiemkom li f’dawn iċ-ċirkustanzi aħna nirriflettu b’impenn dwar il-ħajja ta’ l-Insara l-lum, imdawlin, kif inhu xieraq, mill-eżempji erojċi tal-qaddisin tagħna, tal-qaddis martri San Ġorġ.
Mhux biss fil-Lvant Nofsani għaddejja din il-persekuzzjoni kontra dak li hu Kristjan. Il-Kristjanofobija hi preżenti wkoll fil-Punent, partikularment fl-Ewropa. Ftit ilu, propju f’Mejju li għadda, is-Segretarju tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, l-Isqof Mario Toso, ippreżenta rapport, mhux lill-Papa, imma dik li tissejjaħ l-OSCE – Organizzazzjoni għas-Sigurtà fl-Ewropa – fejn is-Santa Sede hija preżenti. Dan l-Isqof, f’isem is-Santa Sede, propju ftit tax-xhur ilu, ħass il-bżonn li jissottolinja li fl-Ewropa, li twieldet fil-benniena tal-Kristjanità, il-każi ta’ dawk li qegħdin isofru minħabba t-twemmin tagħhom, qegħdin isofru d-diskriminazzjoni, jekk mhux ukoll ostilità, huma każi li kuljum qegħdin jiżdiedu. U jidhirli li jsemmi madwar mija u tletin każ li hemm fil-Qrati tal-pajjiżi Ewropej ta’ Nsara li ħassewhom iddiskrimanti minħabba t-twemmin tagħhom, u allura qegħdin ifittxu d-dritt tagħhom, kif hu ġust, fil-qrati ċivili.
Dan l-Isqof ikompli jgħid li hemm żewġ kategoriji partikulari li qegħdin ifixklu lill-komunità Nisranija, lill-Insara individwalment, milli jgħixu ċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom. L-ewwel nett minħabba dak li jsejħulu d-dritt ta’ l-espressjoni, id-dritt tal-kelma. Suppost huwa dritt akkwiżit, li aħna, sakemm ma nagħmlux ħsara, sakemm nibqgħu fil-limiti tal-ġust, nistgħu nesprimu l-fehmiet filosofiċi tagħna, imma anki l-fehmiet teoloġiċi tagħna. Imma hemm min kliem bħal dan idarrsu. Allura hemm akkuża li tissejjaħ hate speech: qed tgħid xi ħaġa li ħa tnissel il-mibegħda, ħa taqla’ l-inkwiet. Tajba din! U allura l-Isqof, Segretarju tal-Kunsill Pontifiċju, jgħid: “F’isem it-tolleranza, il-lum qed nipprattikaw l-intolleranza!”. F’isem it-tolleranza, li dan ukoll suppost hu dritt akkwiżit, il-lum hemm min jipprattika, jesiġi l-intolleranza, speċjalment fejn jidħol il-kamp reliġjuż.
Ikompli jagħti eżempju ieħor. Jgħid illi ħafna mill-każijiet li wħud minnhom tressqu quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, huma għaliex il-lum m’għadux jiġi rrispettat dak l-istitut imsejjaħ oġġezzjoni tal-kuxjenza. Mingħalina għamilna passi ta’ ġgant ’il quddiem meta l-pajjiżi suppost ċivilizzati jirrikonoxxu d-dritt liċ-ċittadin li jagħmel l-oġġezzjoni tal-kuxjenza. Biżżejjed insemmilkom l-esperjenza ta’ l-Amerika bħalissa, fejn l-amministrazzjoni ta’ Obama qed timponi fuq l-isptarijiet tal-Knisja biex isiru prattiċi li jikkuntrastaw, li ma jaqblux mal-morali tagħna. L-Amerika... il-pajjiż li jxejjer il-bandiera tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem!
U m’hemmx għalfejn insemmi l-Amerika! Nafu b’każijiet fejn fil-ħajja professjonali m’għandekx dritt issemmi l-kuxjenza, ma tistax taġixxi skond il-kuxjenza. Trid tiġbed il-linja! Il-linja tal-partit, il-linja tal-poplu! Bħallikieku l-partit jew il-poplu jagħmel dak li huwa sewwa! Tant hu hekk li l-lum nafu b’każijiet – u dan jgħidu anki l-Isqof Toso – ta’ persuni li jitilfu l-impjieg tagħhom għaliex jagħmlu din l-oġġezzjoni tal-kuxjenza. Dawn, imma, ma jagħmlux aħbar! Aħna nafu li fl-istituzzjonijiet pubbliċi tagħna, bħalma huwa l-Parlament tagħna, jidħku bik, jitkażaw bik, jekk inti taġixxi skond il-kuxjenza tiegħek, imdawla bl-għarfien u l-konvinzjoni anki reliġjuża.
Id-differenza bejn dak li qed jiġri s-Sirja u dak li qed jiġri l-Ewropa, forsi m’hix imdemmija, imma serja wkoll, tant illi l-President tal-Konferenza Episkopali Taljana, il-Kardinal Angelo Bagnasco, jgħid illi l-ħażen li qed jifni l-Ewropa huwa propju l-moviment li hawn biex tiġi anniħilata l-libertà reliġjuża. Hemm moviment sottili, imma qiegħed hemm, li kull ma jmur qed jipprova jsikket il-vuċi li ssemma’ leħinha favur dan id-dritt fundamentali, primordjali – issa nfissrilkom għaliex – tal-libertà reliġjuża. Mhux qed jgħidu l-Patrijarka għal-Lvant Nofsani; qed insemmilkom uffiċċju ieħor importanti: il-President tal-Konferenza Episkopali Taljana fid-diskors tal-bidu li għamel din is-sena fil-Laqgħa taċ-CEI.
Dan ma jgħidilna xejn? Hawnhekk jiena nara r-rilevanza tal-festa li qed nagħmlu l-lum, tal-Patrun tagħna, il-Prinċep tal-Martri, San Ġorġ tagħna. Għax San Ġorġ hu dak li hu, huwa martri magħruf mal-Knisja kollha, propju għaliex għex fi żmien meta kien qed jiġi definit dan id-dritt tal-libertà reliġjuża, li tant hemm bżonn, fil-kuntest li semmejtilkom, nirriflettu u naġixxu dwaru l-lum il-ġurnata. Għaliex il-ġrajja ta’ Ġorġi tagħna sseħħ f’kuntest meta l-bniedem ħaseb li qed jinkarna d-divinità – Djoklezjanu – u allura ried jissoprimi kull twemmin ieħor, u ried inaddaf lil dawk li kienu mexjin bħal San Ġorġ wara Ġesù n-Nazzarenu.
Il-lum ukoll għandna esperjenzi ta’ bnedmin li jaħsbu li jinkarnaw id-divinità u huma riżorsa ewlenija ta’ x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin. Allura jidhrilhom, bħalma deherlu Djoklezjanu, li m’hemmx post għal min isemmi l-libertà reliġjuża, għax hemm reliġjon waħda. Kien għalhekk li San Ġorġ ħa l-martirju tiegħu. Fil-fatt, nafuha l-istorja meta Djoklezjanu, flimkien ma’ Galerju, ħarġu dawk il-famużi editti u pprojbew il-kult Nisrani, u riedu jniżżlu dawk il-binjiet li fihom kienu jiltaqgħu l-Insara. Riedu jaħarqu l-kotba tat-tagħlim li minnhom l-Insara setgħu jdawlu l-kuxjenza tagħhom. Riedu jeħdulhom il-ġid tagħhom biex ma jmorrux jużawh għat-tisħiħ tar-reliġjon tagħhom. Fuq kollox, lil min ma kienx joqgħod għall-amar ta’ Djoklezjanu u jadura l-idoli, allura għal dawn kien hemm it-tkeċċija mill-uffiċċji ċivili li huma kellhom, m’hix eskluża l-mewt. Dan kollu ġarrbu l-Patrun tagħna San Ġorġ. Allura nifhem għaliex aħna nistgħu ngħidu li San Ġorġ għenna biex niddistingwu bejn il-lajċità ta’ l-Istat u tas-soċjetà ċivili u l-libertà reliġjuża. Huma żewġ dimensjonijiet kardinali li fuqhom isserraħ il-komunità tal-bnedmin: il-lajċità ta’ l-Istat u l-libertà reliġjuża.
Imma hawn sewwa ngħid kelma dwar x’nifhmu b’lajċità ta’ l-Istat. Għax jekk fi żmien il-Martri tal-Kappadoċja, Ġorġi tagħna, kien hemm il-paganiżmu, il-lum xejn inqas għandna l-lajċiżmu, li huwa differenti mil-lajċità. Forsi tgħiduli li dan kliem tqil. Imma sewwa li tkunu tafuh. Omogħduh li qed ngħid. X’inhu l-lajċiżmu? Il-lajċiżmu mhux biss huwa allerġiku għal dak kollu li huwa sagru, u allura jiskansa, iwarrab, jelimina lil Alla u kull diskors dwar Alla; imma l-lajċiżmu ateista jonfor x’ħin ixomm riħa tas-sagru. Allura, bħalma Djoklezjanu ma riedx jifhem x’inhi l-libertà reliġjuża, u għalhekk San Ġorġ kellu jgħaddi minn dik is-sensiela ta’ martirju u persekuzzjoni, daqstant ieħor il-lajċiżmu ta’ żminijietna hu perikoluż, għaliex ma jridx jaf b’dak li huwa sagru u allura bl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tal-bniedem li huwa l-libertà reliġjuża.
Ma nafx jgħaddilkomx minn moħħkom li propju din is-sena qegħdin niċċelebraw l-1700 sena ta’ l-Editt ta’ Milan. Jgħidilkom xi ħaġa l-Editt ta’ Milan, iċċelebrat fl-Ewropa kollha! Jekk Alla jrid, f’Ottubru li ġej aħna l-Isqfijiet għandna sejħa biex niltaqgħu fil-Konfederazzjoni tal-Konferenzi Episkopali Ewropej, u sejrin propju nirriflettu dwar kif issarraf dan l-Editt ta’ Milan. Se naraw jekk hemmx post ta’ Alla fis-seklu, fis-soċjetà. Sejrin naraw, bħala Isqfijiet u allura bħala Knejjes partikulari, x’inhu postna f’soċjetà sekularista.
X’kien jgħid l-Editt ta’ Milan, li l-isem tiegħhu huwa misnomer? L-Editt ta’ Milan ġie konkluż bejn żewġ imperaturi: l-Imperatur tal-Punent, Kostantinu, li hemm fil-Pjazza jidhirli li hemm statwa tiegħu, u l-Imperatur tal-Lvant, Liċinju. Dawn iltaqgħu f’Milan minħabba xi żwieġ fil-familja, u ftiehmu li jagħtu l-libertà reliġjuża fis-sena 313. Mhux fis-sena 2013! Dawn iż-żewġ imperaturi ftiehmu li, biex ikun hemm il-paċi u l-prosperità – naħseb li huma żewġ għanijiet li nixtequhom aħna l-lum – jeħtieġ li jkun hemm il-libertà reliġjuża garantita bl-istatut ċivili.
Ħaġa oħra iktar interessanti hi li dan l-Editt magħruf ta’ Milan ħareġ mill-Imperatur Luċinju f’Nikomedja. Issa Nikomedja ddoqqilkom xi ħaġa! Hi l-belt li fiha għex Ġorġi tagħna. Nikomedja, dik il-belt li fiha San Ġorġ, biex jiddefendi l-libertà reliġjuża, ċarċar demmu. Il-Professur tad-Dritt Ruman, ċertu Lombardi, meta jikkummenta dwar dan l-Editt ta’ Milan, li mbagħad ħarġu Luċinju f’Nikomedja, jgħid li hawnhekk għandna “initium libertatis” tal-bniedem modern. Mela f’dan id-dokument, f’dan l-editt ta’ l-imperaturi, dak li jistudjaw id-Dritt Ruman jgħidu li għandna l-bidu tal-proċess li jwassal għal-libertajiet tal-bniedem modern. U jekk l-Editt ta’ Milan hu mfisser bħala “initium libertatis”, jiena nħossni fil-libertà li dal-għodu ngħid li l-attività u l-martirju ta’ Ġorġi tagħna kienu ż-żerriegħa li taw bidu għal dak il-proċess li fi żmien għaxar snin imbagħad ħareġ dak l-Editt ta’ Milan. Mela hemm rabta b’diversi modi bejn il-Patrun tagħna u dan l-Editt li din is-sena d-dinja ċivilizzata qed tfakkar: is-sbatax-il ċentinarju ta’ l-Editt ta’ Milan.
Għaddew is-snin, ġie l-Konċilju Vatikan II, u tana dikjarazzjoni fil-fehma tiegħi importanti ħafna. U kien hemm u forsi għad hawn minn ma jifhimx il-portata tad-Dikjarazzjoni Dignitatis Humanæ, fuq id-dinjità tal-bniedem, li hija l-pedament għad-dritt tal-libertà reliġjuża. X’jgħid il-Konċilju fuq il-libertà reliġjuża? Jgħid li dan huwa dritt li m’hu mogħti minn ebda Stat, imma huwa dritt imnaqqax fin-natura umana, fil-persuna umana, li min-natura tagħha hija traxxendentali, miftuħa għal Alla. Allura xejn ma jista’ jxekkel il-ħeġġa u l-impenn tal-bniedem biex jissodisfa dan il-bżonn naturali tiegħu li jinfetaħ għal Alla.
Imma d-Dikjarazzjoni Dignitatis Humanæ tkompli tgħid li d-dritt għal-libertà reliġjuża jfisser li ħadd m’għandu jkun imxekkel fl-eżerċizzju tat-twemmin tiegħu, u ħadd m’għandu b’xi mod ifixkel jew jhedded lil min irid jeżerċita d-dritt tal-libertà reliġjuża. Dan id-dritt tal-libertà reliġjuża jinkludi wkoll il-possibbiltà tal-konverżjoni. Nagħtikom eżempju: jekk wieħed huwa Nisrani minn twelidu, għandu d-dritt tal-libertà reliġjuża, li timplika wkoll li jekk jikber u jsib xi dawl ieħor – irrid nara fejn ħa jsibu! – dan għandu dritt jikkonverti għal twemmin ieħor. Anzi, il-Konċilju jgħid li għandu dritt anki ma jemmen f’xejn. Dan huwa t-tagħlim tal-Knisja Kattolika!
Id-dritt tal-libertà reliġjuża m’hu mogħti minn ebda awtorità umana, m’hu garantit minn ebda Kostituzzjoni, għax huwa dritt kostituttiv tal-bniedem: li jkollu l-libertà li jfittex dak li jagħtih sens fil-ħajja, dak li jagħtih tifsira għal ħajtu; mhux biss ifittex, imma wkoll li jesprimi pubblikament – għaliex hawn it-tendenza ta’ min jipprova jipprivatizza t-twemmin, anki t-twemmin Nisrani: “F’darek agħmel li trid, imma fil-pubbliku, fil-pjazza, ara ssemmi t-twemmin tiegħek!”. Dik hi s-soċjetà ta’ żmienna li tiftaħar bid-drittijiet li kisbet!
Għal dan miet San Ġorġ tagħna, meta ried jiddifendi lill-Insara ħalli jibqgħu jgħixu fl-Imperu imma fl-istess ħin ikollhom id-dritt għal twemmin differenti minn ta’ l-Imperatur. Għal dan miet Ġorġi tagħna: għaliex ried li l-Insara li kellhom uffiċċju fl-armata, bħalma hu kien it-tribun ta’ l-armata, uffiċċji fil-qasam amministrattiv, dawn m’għandhomx ikunu diskriminati għax jistqarru t-twemmin reliġjuż f’Ġesù Nazzarenu. Dan qed ngħidu mhux biex naħli l-ħin, imma biex ngħinkom tiffurmaw anki intom kuxjenza u tagħrfu tiddifendu dan id-dritt għal-libertà reliġjuża, għaliex mhux dejjem huwa rispettat. Hemm min jipprova jnaqqar, ixellef dan id-dritt sagrosant.
Ftit ilu, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku tana l-ewwel enċiklika tiegħu, li minn qalbi nirrikkmandalkom biex taqrawha. Dalwaqt ikollna f’idejna t-traduzzjoni bil-Malti. Lumen Fidei – id-Dawl tal-Fidi. Propju fir-raba’ kapitlu ta’ din l-enċiklika, il-Papa ħass il-bżonn li għandu jagħmel nota dwar id-dimensjoni soċjali, pubblika u politika tal-Fidi Nisranija. Il-Papa jgħid li l-Fidi Nisranija mhux biss tgħin lill-bniedem biex ikun b’saħħtu interjorment, imma tgħinu jibni ċiviltà b’saħħitha. Għax jekk aħna neskludu d-dritt tal-libertà reliġjuża, allura nkunu qed noħolqu theddida għal dak li huwa ġust, għal dak li huwa dritt – il-liġi, u għall-paċi.
Il-Papa Franġisku jazzarda jgħid li l-Fidi Kristjana tappartieni għall-ġid komuni. Meta smajnieha din? Nitkellmu ħafna fuq il-ġid komuni, imma qatt forsi ma kellna dokument pontifiċju li jpoġġi l-Fidi fil-qafas tal-ġid komuni. Il-Papa jrid jgħid li min għandu l-Fidi, naturalment għax jeżerċita d-dritt tal-libertà reliġjuża, għandu ħafna x’jagħti lis-soċjetà, biex tinbena b’mod li jkun jirrispetta d-dinjità tal-bniedem mill-mument tat-tnissil sal-mument tal-mewt naturali tiegħu jew tagħha. Il-Papa jgħid li l-Fidi m’għandhiex tkun element li jbewwiġna mill-pjazza; il-Fidi m’għandhiex tkun dik li ddoqq l-irtirata mis-soċjetà. Imma l-Fidi għandha tkun il-molla li tpoġġina fit-tokk tal-ħajja, ħalli aħna ngħinu, nikkontribwixxu, nipproponu dak li jista’ jgħin lill-bniedem jgħix ħajja li tixraqlu.
Ċiċerun, ħafna żmien qabel Kristu, darba qal: “Biex ikollna garanzija tal-ġustizzja fis-soċjetà, m’humiex biżżejjed il-liġijiet pożittivi, li jagħmel il-bniedem, imma jrid ikun hemm liġijiet li jirriflettu, jirrispettaw lill-bniedem”. U jekk aħna rridu nirrispettaw lill-bniedem, ma nistgħux noħonqulu jew niċħdulu d-dritt li jesprimi l-fidi tiegħu. U jekk hu jesprimi l-fidi tiegħu, għandu ħafna x’jagħti fl-arkitettura soċjali tagħna. Il-Papa fl-enċiklika jsemmi lil Samwel u lil David, u jgħid li t-tnejn kienu mexxejja kbar, mgħallma tal-ġustizzja, imma għax kienu bnedmin ta’ fidi, u l-fidi tagħhom ittraduċewha f’azzjoni soċjali li organizzat aħjar il-ħajja tal-bnedmin.
Nista’ ngħid b’konvinzjoni li dawn il-fehmiet kienu fil-qalb u l-moħħ ta’ San Ġorġ tagħna, meta hu quddiem Djoklezjanu u l-qorti tiegħu, b’wiċċu minn quddiem jiddefendi d-dritt tal-libertà reliġjuża. Għax Ġorġi kien jaf, mill-esperjenza propja tiegħu bħala tribun fl-eżerċtu Ruman, li l-fidi Kristjana ma kinitx xkiel imma għajnuna, aġġunt, biex hu seta’ jwettaq id-dmirijiet ċivili tiegħu b’lealtà lejn l-Imperatur imma fuq kollox lejn is-sewwa.
Il-Papa fl-enċiklika jgħid li d-dinja għandha bżonn ta’ Alla! Id-dinja għandha bżonn ta’ valuri etiċi u spiritwali, u allura huwa urġenti li aħna noħolqu spazju iktar wiesa’ għal Alla. Imma biex noħolqu dan l-ispazju, għandna bżonn li jkollna garantit id-dritt tal-libertà reliġjuża, kemm lill-individwu u kemm lill-kollettività. U meta qed nitkellem fuq il-kollettività, qed nifhem libertà reliġjuża għall-Knisja. Il-Knisja, qalilna l-Papa, m’hix NGO bħall-oħrajn; il-Knisja ma nistgħux nittrattawha bħal organizzazzjoni oħra ċivili jew soċjali. Il-Knisja għandha natura għal kollox partikulari, għandha missjoni strettament spiritwali, għandha d-dmir li twassal it-tagħlim ta’ Kristu lil uliedha; imma mhux lil uliedha biss, lil kulħadd. Għandha d-dmir li permezz tas-sagramenti ssaħħaħ lil uliedha, u permezz tat-talb liturġiku tgħin lill-komunità Nisranija ħa tissaħħaħ fil-fidi. Imma gwaj ikun jekk dan id-dritt tal-libertà reliġjuża ma jkunx rikonoxxut lill-Knisja, u dan ifisser ir-rispett lejn il-libertà u l-awtonomija tal-Knisja.
Għalhekk, f’din il-ġurnata ddedikata lill-Kbir Martri tal-Kappadoċja, Ġorġi tagħna, fiċ-ċirkustanzi li aħna qegħdin ngħixu, nitlob lil Alla l-Imbierek biex, bl-interċessjoni ta’ dan il-Martri li fi żmien primordjali kien diġà fehem l-importanza tad-dritt tal-libertà reliġjuża, is-separazzjoni bejn l-Istat lajk u dak li huwa sagru, nitolbu ħalli jgħinna biex, kif hu kien strumentali ħalli bil-martirju u x-xhieda tiegħu ftit tas-snin wara ħareġ l-Editt ta’ Milan – li, kif għidna, huwa msejjaħ “initium libertatis” tal-bniedem modern –, jgħinna lilna wkoll, aħna bħala Knisja imma anki lid-dinja ċivili, ħalli nifhmu dan il-valur sanċit b’dikjarazzjonijiet internazzjonali imma mhux dejjem osservat fil-prattika, ħalli kulħadd ikollu dan id-dritt tal-libertà reliġjuża, fiduċjużi li kif jgħid Kristu, “il-verità tagħmilkom ħielsa”. U kif jgħid Sant’Ambroġ, “ubi fides, ibi libertas” – fejn hemm il-fidi, hemm il-libertà.
Għalhekk, agħrfu użaw tajjeb – għax xi darba nistgħu nkunu aħna x-xkiel, speċjalment minħabba l-fundamentaliżmu reliġjuż – dan id-dritt tal-libertà reliġjuża, biex bit-twemmin tagħna, kif għamel il-martri Patrun tagħna San Ġorġ, aħna nagħtu sehemna biex tikber il-libertà tal-bniedem tal-lum.