Aqbeż għall-kontenut

Il-Bidla u l-Konverżjoni li Għandna Bżonn Illum

Ħa nagħmlilkom mistoqsija: Hawn xi ħadd minnkom li għadu juża l-Lira Maltija u ma biddilx il-flus? Ma naħsibx. Dan kollu għamilnieh għaliex wasal messaġġ u lkoll fhimnieh. Il-valuta u l-munita li kellna ma kinux għadhom jiswew. Irriżultalna illi mingħalina għandna l-but mimli u kieku ma bdilniex konna nsibu ruħna bil-but vojt.

Għeżież tiegħi, meta nitkellmu fuq il-flus ma rridux ħafna diskors għax niftiehmu mill-ewwel, imma jien nixtieq li llum naħsbu ftit fuq il-ħajja tagħna, fuq l-orjentament li aħna qegħdin nagħtu lil ħajjitna, fuq stili ta’ ħajja li aċċettajna u fuq ċerti mġiba u atteġġjamenti ta’ bejnietna. Eżempju għalina huwa dak tal-familji tagħna. Veru li l-ħajja tal-familja fiha t-tlajja’ tagħha, imma qed ngħixu fi żmien meta sfortunatament il-pjagi tal-familja qegħdin joktru, u dan għaliex dehrilna li għandna nadottaw u naċċettaw stili u mudelli ta’ ħajja u ta’ familja illi fi żmien qasir qed jagħtuna prova li ftit jiswew, biex ma ngħidx ma jiswew xejn. L-imġiba ta’ bejnietna sfortunatament qed toħloq il-ġrieħi. Hawn nies li ma jitkellmux ma’ oħrajn, partikularment aħwa ma jkellmux lil aħwa, ulied miġġieldin mal-ġenituri, u ġirien imqabbdin ma’ xulxin. Forsi dak li jgħiduli huwa żbaljat, imma nisma’ li l-qrati f’Għawdex huma magħrufa għal ċerti kawżi bejn nies li jafu lil xulxin. Intom ma jidhrilkomx li anki f’din il-ħaġa hemm bżonn nibdlu? Il-Lira bdilnieha, u allaħares ma kienx hekk għax, nerġa’ ngħid, mingħalik li għandek mazz liri u ssib li m’inti tħaddan xejn. Semmejtilkom il-familja, il-ġlied ta’ bejnietna u l-firdiet li jinkwetawni bħala ragħaj spiritwali tagħkom. Hemm bżonn li nieħdu deċiżjoni b’urġenza u nibdlu; u nagħmlu hekk mhux għax qed ngħid jien jew ħaddieħor, imma għax l-esperjenza qed turina li l-ħajja hija qarsa.

X’bidla sa nagħmlu? Illum qed nagħmlu l-festa ta’ konverżjoni li kellu esperjenza tagħha San Pawl. Attenti: m’inix ngħid il-konverżjoni ta’ San Pawl, imma konverżjoni li kellu esperjenza tagħha San Pawl. U nixtieq illi f’din l-okkażjoni nirrifletti ftit magħkom u ngħinkom taħsbu fuq x’tip ta’ konverżjoni u bidla hemm bżonn u jista’ jkollna fil-ħajja tagħna, imnebbħin mill-esperjenzi li kellu Pawlu. Hemm erba’ tipi ta’ esperjenzi; kelma żgħira fuq kull waħda.

Il-konverżjoni tal-bniedem

Pawlu nbidel. Smajna mill-Atti tal-Appostli u r-rakkont mill-ittra lill-Galatin, fejn Pawlu jgħid: “Jien kont hekk u sirt hekk. Jien kelli ċerti konvinzjonijiet u dawk warrabthom. Sirt bniedem ġdid”. Jien m’hux tant x’ġara f’Pawlu jinteressani, imma għaliex seħħet din il-bidla f’Pawlu. Din il-bidla seħħet għaliex kellu dik l-esperjenza li bdiet fit-triq ta’ Damasku, meta Alla rrivelalu u wrieh lil Ibnu, Sidna Ġesù Kristu. Jien nistaqsi: Imma dan Ġesù Kristu kemm huwa tal-ġenn biex ġieb dik iċ-ċaqliqa, dak it-terremot u dik il-bidla f’Pawlu? Fl-ittra lill-Filippin jerġa’ jirrakkonta dak li fl-Atti jirrakkonta tliet darbiet fuq dak li ġara fit-triq ta’ Damasku. Imma fl-ittra lill-Filippin jirrakkonta mhux daqstant dak li ġara fit-triq ta’ Damasku imma dak li ġara f’qalbu. Huwa jagħtina ħjiel ta’ dak li għadda minn moħħu u minn qalbu meta ltaqa’ ma’ Kristu u kellu l-esperjenza ta’ Kristu. Huwa jgħid: “Jien inqis kollox knis, narmi kollox wara spallejja, ħsiebi biss biex naħtaf lil Kristu u nħalli lil Kristu jaħtaf lili”. Din hija l-bidla li seħħet f’Pawlu u din hija r-raġuni għal din il-bidla.

Wara dan iż-żmien kollu issa Pawlu huwa figura tal-istorja. Din is-sena qegħdin infakkru l-elfejn sena mit-twelid tiegħu. Li Pawlu twieled, għex u miet frott il-martirju huwa fatt tal-istorja li għadda, imma li niċċelebraw l-esperjenza ta’ konverżjoni li kellu Pawlu hija xi ħaġa li qed ngħixuha llum, għax dak Kristu li huwa wasslilna għadu fostna. Jew nemmnuh jew ma nemmnuhx! Għax jien xi darba nagħmel ċerti affirmazzjonijiet li forsi mhux kulħadd jaċċettahom. Jien nemmen, u aħna suppost li ltqajna hawn għax nemmnu li Kristu huwa ħaj. Dak Kristu li ġab dik il-bidla, dak it-terremot u dik l-iskossatura f’Pawlu qiegħed hawn, u allura jiena rrid nistaqsi lili nnifsi, u dan nagħmlu wkoll f’isimkom: Għaliex illum il-preżenza ta’ Kristu qed tirrendi ruħha ineffettiva? Għaliex il-preżenza ta’ Kristu m’hix iġġib din il-bidla li tant għandna bżonn? Pawlu mhux biss inbidel hu, imma tant kien mimli bi Kristu li tħeġġeġ biex jibdel lill-oħrajn. Pawlu huwa Missierna li nissilna fil-fidi, għax fost l-attività missjunarja tiegħu huwa ġie fostna u lilna għenna ninbidlu u bħala nazzjon qabbadna l-proċess tal-bidla u tal-konverżjoni. Anzi nistgħu bir-raġun ngħidu li Pawlu mhux biss biddel l-individwi imma ħoloq moviment li jissejjaħ Knisja. Forsi Knisja differenti minn tagħna! Huwa ħoloq Knisja li hija forza fis-soċjetà, li ġġib il-bidla, u għalhekk jiena dan l-aħħar għidt li ma jistax ikollna Knisja b’idejha marbuta, Knisja bilqiegħda, Knisja muta, għax inkella ma ġġibx il-bidla jekk inhi l-Knisja ta’ Kristu u ta’ Pawlu.

Konverżjoni tal-istrutturi u tas-soċjetà

Ma tinftehimx jekk aħna nagħmlu parti minn struttura, hi x’inhi, u l-preżenza tagħna tkun preżenza mejta u ma ġġibx il-bidla.

Konverżjoni fil-Knisja

Pawlu jagħmel esperjenza oħra ta’ konverżjoni. Lill-Galatin jiktbilhom b’ton ta’ dispjaċir u jgħidilhom: “Imma kif, ja Galatin bla moħħ, issaħħartu wara vanġelu ieħor? Imma kif ikkonvertejtu lejn vanġelu ieħor u kif inbdiltu u ma għadkomx dixxipli ta’ Kristu?”. Għeżież tiegħi, tista’ sseħħ fina wkoll din il-konverżjoni, għax jekk l-ewwel konna qegħdin nitkellmu fuq konverżjoni għall-aħjar irridu wkoll nifhmu li l-bidla tista’ tkun ukoll għall-agħar. Kif jien nista’ nimxi ’l quddiem daqshekk ieħor jien nista’ nimxi lura. Pawlu josservaha din il-ħaġa fil-Kristjani Galatin u jgħidilhom: “Galatin bla moħħ, x’hemm isaħħarkom biex ħallejtu lil Kristu u mortu wara ħaddieħor?”. Jien naħseb li b’responsabbiltà din il-kelma għandi ngħidha wkoll lill-Knisja tagħna. Anki jekk għal numru żgħir jien naħseb li ma nistax ma nużax il-kliem ta’ Pawlu u ngħid: “Ja Għawdxin bla moħħ, x’hemm isaħħarkom biex il-wirt Kristjan tfajtuh wara spallejkom? X’hemm isaħħarkom biex qed titilfu l-interess fi Kristu u li tkunu dixxipli tiegħu?”. Iva, għeżież tiegħi, fostna hemm kurrent, kbir jew żgħir, ta’ min irid jinfatam hu u joftom lill-oħrajn minn Alla, anki jekk nafu li ma nistgħux ngħixu mingħajr Alla, għax f’Alla biss hemm it-tifsira tal-eżistenza tal-bniedem u tas-soċjetà. Jaqblilna nindunaw qabel ma jkun tard wisq. Din hija r-realtà. Pawlu raha u ġab bidla fil-Knisja.

Pawlu ried li tinbidel anki l-Knisja, li dak iż-żmien kienet immexxija minn Pietru u minn Ġakbu, kif smajna fit-tieni qari. Anki fl-ewwel żminijiet il-Knisja kellha tinbidel u tibdel il-metodi pastorali tagħha. Pietru ried li l-Vanġelu jibqa’ limitat biss għal-Lhud, u l-pagani u l-Griegi jibqgħu barra. Pawlu qal le, u kien hemm tensjoni fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm biex il-Knisja ċarrtet u bidlet l-attitudni u l-metodi pastorali tagħha. Immaġinaw intom x’kien jiġri kieku ma interveniex Pawlu. Kieku aħna ma konniex nirċievu dan id-don u l-Vanġelu kien jibqa’ biss għall-poplu Lhudi. Jien nara li anki llum, jekk irridu ngħixu llum u mhux fil-passat, il-Knisja tagħna għandha bżonn tinbidel, filwaqt li tikkonsolida l-ħafna tajjeb li għandha. Għax inkella nkunu qegħdin nagħmlu mhux biss żball evanġeliku u ekkleżjali, imma fuq kollox inkunu nagħmlu żball storiku, u għad jiġu ħamsin sena oħra u jgħidu: “Ara dawk!”. Dan jiġri jekk aħna ma nosservawx x’inhu jiġri madwarna u x’inhuma l-ħtiġijiet tal-poplu ta’ Alla u tas-soċjetà tal-lum, u ma narawx x’qed tindikalna Ommna l-Knisja u nadottaw metodi u approwċ pastorali li japplikaw għal-lum.

Waħda mill-bidliet li kellu jagħmel Pawlu kienet li jpoġġi warajh it-tradizzjonijiet ta’ missirijietu: “Jien kont imkisser fit-tradizzjonijiet ta’ missirijieti, jien ġejt imħarreġ fl-iskola ta’ Gamaljel, imma wara l-esperjenza li kelli ta’ Kristu bdilt kollox”. Jien ma ngħidx li għandna nibdlu kollox, imma jien inħossni responsabbli biex intom tħeġġu lil xulxin u lilna ħalli anki aħna nagħmlu din il-konverżjoni u l-bidla.

Dawn huma l-ftit ħsibijiet li għaddew minn moħħi u minn qalbi fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Pawl. Jien nitlob lil Alla biex din is-Sena Pawlina ma tkunx sena tal-kalendarju imma tkun waħda li tħalli l-frott. Diġà bl-għajnuna ta’ Alla kellna l-Missjoni Djoċesana, u għalkemm għadu kmieni biex nagħtikom rendikont nista’ ngħidilkom li sar il-ġid, biex ma ngħidilkomx li sar ħafna ġid. Din hija attività li għamilnieha fis-Sena Pawlina, imnebbħin mill-ispirtu ta’ Pawlu. Fid-djoċesi tagħna hawn ħafna tajjeb u hawn ħafna familji tajbin. Dak irridu nieħdu ħsiebu, nikkurawh u nappoġġjawh. Għeżież tiegħi, dan ma jfissirx li għandna nagħlqu għajnejna u ma nidħlux f’dan il-proċess ta’ bidla. X’ħin indunajna li l-munita mhux sa jibqgħalha valur ħadd ma qal li ried iżommha. Hemm ċerti affarijiet fil-ħajja tagħna – persunali, soċjali u bħala komunità Kristjana – li, jekk ma tilfux il-valur kollu, imma hemm ħwejjeġ oħra li għandhom valur ikbar minnhom, u allura rridu nistinkaw għalihom.

pdf · 109.02 KB Niżżel