Aqbeż għall-kontenut

Il-Familja u l-Iskola

L-esperjenza tgħallimna li student li jkun ġej minn ambjent ta’ familja tajba, fl-iskola jirnexxielu jipproduċi aktar minn dak li jkun nieqes minn dan is-sapport! L-għalliema jikkonfermaw li meta student jasal fil-klassi mgħobbi bil-problemi tal-ġenituri jew għajjien minħabba nuqqas ta’ relazzjonijiet familjari tajbin, dan ikun irid jagħmel sforz akbar biex ilaħħaq mal-impenji skolastiċi tiegħu. Għalhekk jekk tassew irridu li wliedna jiksbu riżultati tajbin fl-iskola, mhux biżżejjed l-investiment fl-iskola, imma rridu wkoll ninvestu fil-familji tagħna.

Wieħed japprezza l-impenn li jagħmlu ħafna mill-ġenituri biex fid-dar tagħhom ikun hemm it-trankwillità meħtieġa biex l-ulied ikunu kemm jista’ jkun sereni. Ħafna drabi l-għaqda fil-familja tiswa prezz mhux indifferenti, għaliex tkun ħrafa jekk wieħed jgħid li fil-ħajja taż-żwieġ u tal-familja kollox huwa ward u żahar! Huwa normali li biex fiż-żwieġ u fil-familja jkunu mħarsa ċerti valuri, bħalma huma l-fedeltà fiż-żwieġ, l-imħabba li tagħti mingħajr ma tistenna xejn lura, il-mogħdrija, it-tolleranza, u l-bqija, wieħed irid ikun lest jidħol għas-sagrifiċċju! Kif jgħid il-qawl, ma hemmx ward mingħajr xewk! Aktar ma nieħdu ħsieb is-saħħa tal-familji tagħna, aktar naqtgħu frott bnin mill-iskejjel!

Kontribut ieħor li tista’ u għandha tagħti l-familja għall-ġid tal-istudenti huwa fl-interess li kull familja turi fl-iskola ta’ wliedha! Espressjoni qawwija ta’ din il-parteċipazzjoni tal-ġenituri hija l-Għaqda tal-Ġenituri u l-Għalliema, li għandu jkun hemm f’kull skola. B’dan il-mod il-ġenituri jistgħu jwasslu l-fehmiet u s-suġġerimenti tagħhom dwar dak kollu li l-iskola tagħmel għal uliedhom. Din is-sinerġija bejn l-iskola u l-ġenituri tħalli effett mhux biss fuq it-tfassil aħjar tal-programmi ta’ studju u tal-attivitajiet varji tal-istituzzjoni, imma wkoll fuq l-istess studenti, li meta jaraw dan l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni u dedikazzjoni, huma stess japplikaw ruħhom aktar għall-istudju. Nistqarr li fejn jidħlu l-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex, nixtieq li din l-istruttura tal-Għaqda tal-Ġenituri u l-Għalliema titħaddem aktar!

Kif il-familja hija kollaboratriċi ewlenija tal-iskola, hekk ukoll tagħmel parti mill-missjoni tal-iskola li ssostni l-familja! Meta wieħed iqis li l-imħabba hija s-sies taż-żwieġ u l-familja, huwa importanti li l-iskola tara kif tħarreġ lill-istudenti f’din “il-lingwa tal-imħabba”. Hekk huma jkunu jistgħu jagħtu sehemhom fit-tisħiħ tar-rabtiet tal-familja tal-oriġni u fl-istess waqt ipoġġu pedament sod għall-ħajja futura tagħhom bħala miżżewġin. Billi wieħed ma jitgħallimx din “il-lingwa” b’mod awtomatiku, huma meħtieġa għalliema li jgħallmu xi tfisser tħobb u kif tħobb. Għalhekk nemmen li l-iskola għandha tinvesti biex fil-kurrikulu toffri korsijiet kemm biex l-istudenti jitgħallmu x’inhi l-imħabba vera, u kemm biex jiksbu ċerti skills dwar kif jistgħu jħobbu tassew!

B’dawn il-ftit ħsibijiet nawgura li kemm is-Seminarju Minuri tagħna u kemm il-ġenituri tal-istudenti jkomplu jirriflettu u jaħdmu flimkien biex isibu modi ġodda ta’ tisħib ħalli l-investiment tagħna fl-istudenti jħalli ħafna ġid.

16 ta’ Mejju 2013

✠ Mario Grech

Isqof ta’ Għawdex

pdf · 42.82 KB Niżżel