Aqbeż għall-kontenut

Il-Faqar u s-Solidarjetà

Il-Papa Pawlu VI, profeta ta’ żminijietna, f’waħda mill-enċikliċi sbieħ tiegħu biex ifakkar it-tmenin sena mill-enċiklika soċjali Rerum novarum, jiġifieri fl-Octagesima adveniens, jgħid li fi żminijietna għandna kawża ġdida ta’ tbatija li hija forma ġdida ta’ iżolament u ta’ solitudni, mhux tant għaliex il-bniedem għandu sfida quddiem in-natura ostili, imma għaliex il-bniedem qiegħed jgħix waħdu fl-anonimat fis-soċjetà ta’ madwaru. Il-bniedem, għalkemm qed jgħix fost l-oħrajn, qisu barrani u allura qed iġarrab it-tbatija tas-solitudni.

Għalkemm għaddew is-snin minn meta Pawlu VI għamel din l-affirmazzjoni jew din l-analiżi tas-soċjetà, jiena naħseb li nistgħu ngħidu li anki f’din il-ħaġa Pawlu VI kien profeta, għaliex ħadd ma jneħħili minn qalbi u minn moħħi li f’Għawdex ċkejken tagħna għandna min qiegħed ibati minħabba din il-forma ġdida ta’ solitudni u ta’ iżolament, minkejja li qed jgħix fil-massa u hu mdawwar mill-ħafna.

Hemm diversi forom jew raġunijiet għaliex il-bniedem – jiġifieri jien u int – jista’ jaqa’ f’dan l-iżolament u f’din is-solitudni; u jien insemmilkom tliet kawżi. Intom tafu li din is-sena hija s-Sena Ewropea fejn suppost hemm impenn biex niġġieldu l-faqar, u dan fis-sens wiesa’ tal-kelma. Jiena sa nsemmilkom tliet forom ta’ faqar li qed iwasslu biex kulma jmur il-bniedem jidħol fih innifsu, jinqata’ mill-oħrajn u l-oħrajn jinqatgħu minn miegħu.

L-ewwel ma jiġini f’moħħi huwa l-faqar materjali. Skond studju li sar tas-sena l-oħra miċ-Ċentru Nazzjonali tal-Istatistika, f’pajjiżna hawn 14% tal-popolazzjoni li huma f’riskju ta’ faqar, u dan mhux numru żgħir. Jikkalkulaw li dan ifisser kważi 58,000 ruħ. U meta qed nitkellem fuq il-faqar jiġuni f’moħħi kemm dawk li m’għandhomx mezzi ħalli jgħixu ħajja dinjituża u kemm dawk li jixtiequ li jkollhom, jew li għandhom imma dan mhux biżżejjed ħalli jkampaw fil-ħajja. Jiġuni f’moħħi wkoll dawk li għandhom imma ma jafux jamministraw dak li għandhom, u allura jista’ jkollhom ħafna imma dak il-ħafna jisparpaljawh. Imma l-effett u r-riżultat huwa wieħed: illi l-faqar materjali qed joktor minflok jonqos. Min huwa fqir mhux ser jiġi jittallab, imma jinqata’ mill-oħrajn u jinħeba, u s-soċjetà sfortunatament ukoll tagħlaq għajnejha quddiem dan il-fenomenu tal-faqar, għax donna nistħu nirrikonoxxu li fost tant progress aħna għandna fostna dan il-perċentwal ta’ foqra.

Imbagħad jiġini f’moħħi l-faqar effettiv. Kemm għandna fostna, f’perċentwali ogħla minn tal-faqar materjali, li qegħdin ibatu, forsi waħidhom, iżolati fis-solitudni, minn nuqqas ta’ mħabba! Naturalment dan huwa diskors wiesa’ ħafna, imma jien nixtieq niffoka ftit fuq il-ħajja tal-familja tagħna, li suppost hija l-esperjenza eċċellenti tal-imħabba fejn il-bniedem isib ruħu aċċettat u maħbub. Imma ma nistgħux indaħħlu rasna fir-ramel u ma nirrikonoxxux illi f’uħud mill-familji tagħna hemm dan in-nuqqas ta’ mħabba. L-imħabba mhux biss qed tiġi miċħuda imma wkoll użurpata, u ma naħsibx li hemm għalfejn noqgħod nagħtikom iktar dettalji.

Imbagħad jiġini f’moħħi l-faqar tal-karattru, għaliex jekk il-karattru huwa dgħajjef u mhux imsawwar sewwa, mhux biss tbati dik il-persuna imma jbatu r-relazzjonijiet li fihom tidħol, u tbati l-komunità jew is-soċjetà. Meta qed ngħid faqar ta’ karattru għandi f’moħħi l-formazzjoni skolastika ta’ wliedna, jiġifieri jekk aħniex nibnu karattru jew jekk aħniex niġru biss biex fil-formazzjoni tagħna nfittxu li nakkwistaw riżultati akkademiċi. F’dawn il-ġranet li għaddew aħna, bħala Knisja f’Għawdex, organizzajna seminar għall-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja, u kien hemm mument fejn ipparteċipaw ukoll il-ġenituri. Ġibna apposta persuna minn barra biex titkellem dwar l-edukazzjoni fis-sens wiesa’ tal-kelma, u wieħed mill-punti li nnotaw u qaluli bih kien kemm l-għalliema tagħna jsibuha diffiċli biex ikunu edukaturi, għaliex kemm l-insistenza tas-sillabu u kemm dik tal-ġenituri hija biex ngħallmu s-suġġetti lit-tfal u mhux biex nedukawhom; u allura għandhom din it-tensjoni bejn jekk ikunux għalliema li jgħallmu biss is-suġġett jew jekk ikunux edukaturi veri. Jiena naħseb li dak li hemm fl-iskejjel tal-Knisja jirrifletti wkoll is-sistema edukattiva tagħna, u allura ma nistagħġibx li qed nipproduċu nies mingħajr fibra ta’ karattru.

Naturalment barra l-formazzjoni umana u ċivika hemm ukoll il-formazzjoni spiritwali, u jekk hemm x’wieħed jirranġa f’dik li hija edukazzjoni ċivika u akkademika, kemm hija aktar preokkupazzjoni tagħna r-rgħajja spiritwali meta nitkellmu fuq il-formazzjoni Nisranija u spiritwali!

Dan kollu qiegħed joħloq tbatija, għaliex kulma jmur fis-soċjetà, speċjalment fis-soċjetà tal-Punent fejn kellna s-sistema Kapitalista, qiegħed jissaħħaħ l-individwaliżmu, jiġifieri li kulħadd iqis b’xibru u kulħadd huwa attent għad-dinja tiegħu u m’għandux ħin għal ħaddieħor; dak li huwa tiegħu huwa tiegħu, u dak li huwa ta’ ħaddieħor huwa tiegħu wkoll. Dan l-individwaliżmu joħloq dak l-iżolament li semmielna l-Papa Pawlu VI. L-individwaliżmu mhux biss qiegħed fuq livell ta’ individwi, imma qiegħed ukoll fuq livell ta’ gruppi li jaraw l-interessi tagħhom biss. L-individwaliżmu qiegħed ukoll fuq livell ta’ nazzjonijiet, u min jiflaħ, iħawwel anki f’dak li huwa livell ta’ relazzjonijiet internazzjonali.

Forsi dalgħodu tistaqsuni għaliex qiegħed nitkellem dwar dan is-suġġett. Dan qed nagħmlu għaliex meta nikkontempla lil Marija fix-xena li għadu kif iddeskrivielna l-evanġelista San Ġwann fil-vanġelu, jiena nilmaħ soċjetà żgħira fuq il-Kalvarju, u żgur li kif jgħid il-Papa Pawlu VI hija soċjetà iżolata u li qed tbati mis-solitudni. L-espressjoni li jgħid Kristu fil-preżenza ta’ Ommu Marija fuq il-Kalvarju, “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”, hija indikattiva ta’ kemm kienet qawwija s-solitudni f’dak il-mument. Mhux biss Kristu kien waħdu, imma kien waħdu Ġwanni, kienet waħidha Marija Maddalena u kien waħdu l-grupp li kien hemm madwar is-salib. Ma tarawx li għandna grupp ta’ nies madwar Kristu li qed jiġu misruqa mill-ħajja, u allura dak il-faqar li semmejtilkom jien? Ma tarawx fihom komunità żgħira li qed tiġi misruqa mill-imħabba, u allura l-faqar effettiv? U fejn huma l-Appostli l-oħra? Huma ħarbu u tbiegħdu minn dik ix-xena, u dan għaliex kien hemm dak il-faqar tal-karattru li semmejtilkom.

Din l-ikona, fejn hemm preżenti Marija, tgħinni nagħmel din ir-riflessjoni attwali ta’ żminijietna u tagħna nfusna fis-soċjetà. Imma mhux hekk biss… Meta jiena nisma’ lil Kristu f’dawn iċ-ċirkustanzi jgħid lil Ġwanni: “Hawn hi ommok”, jiena nieħu r-ruħ, għaliex f’din l-għotja li Kristu qed jagħmel ta’ Ommu lil Ġwanni – u fi Ġwanni hemm l-umanità kollha – jiena nara r-risposta mhux biss li Kristu jagħti lil din il-komunità ċkejkna, imma r-risposta li neħtieġu llum. X’risposta hi? Meta Kristu lil Ġwanni qed jgħidlu: “Din hija ommok”, huwa qed jgħidlu: “Hawn din il-mara li hija s-sokkors tiegħek u tagħkom minkejja dan il-faqar kollu”. Qiegħed jgħidlu Ġesù lil Ġwanni li dan is-sokkors għandu isem ieħor. Qiegħed jgħidlu: “Qiegħed nagħtikom lil Marija li hija solidali magħkom”, u Marija tispira fil-Knisja tal-bidu dan is-sens ta’ solidarjetà. Dan huwa li għandha bżonn l-umanità, imma b’mod partikulari s-soċjetà Maltija u Għawdxija: li jkun hawn iktar spirtu ta’ solidarjetà bejnietna. Ħafna drabi meta nitkellmu fuq spirtu ta’ solidarjetà nagħtu interpretazzjoni simpliċista tagħha. B’solidarjetà xi wħud jifhmu xi ħaġa emottiva jew sentimentali: hemm bżonn ta’ wheelchair u nagħti xi ħaġa għall-persuni b’diżabbiltà. Dik mhix is-solidarjetà vera; dik hija solidarjetà fframmentata.

Is-solidarjeta bħal abitus mentali

Il-Papa Benedittu fl-aħħar enċiklika li tana, Caritas in veritate, jistedinna biex nirbħu din l-interpretazzjoni parzjali tas-solidarjetà, għaliex is-solidarjetà vera tirrispekja s-sens ta’ ġustizzja, u iktar milli għandha tifsira individwali għandha tifsira soċjali u politika, jgħid il-Papa Benedettu XVI. Is-solidarjetà mhix xi ħaġa li nista’ jew ma nistax ngħixha, imma għandha tkun il-libsa soċjali u politika ta’ dawk li jgħammru flimkien. Imma jien nistaqsi: Hemm biżżejjed dan l-ispirtu ta’ solidarjetà?

Għal ħafna s-solidarjetà tfisser li tagħti l-elemożina, li fiha nfisha hija xi ħaġa tajba, imma mhix biżżejjed. Is-solidarjetà tfisser abitus mentali: li dak li naħseb u li nagħmel ikun imbuttat minn dan l-ispirtu li nkun solidali ma’ ħaddieħor. U allura mhix kwistjoni ta’ azzjoni solidali li llum nagħmel u li nerġa’ nagħmilha l-ġimgħa d-dieħla, imma l-mentalità tagħna trid tirrifletti din il-virtù tas-solidarjetà. Filfatt is-solidarjetà hija dispożizzjoni li għandu jkollna għall-proxxmu tagħna kollu, mhux biex nagħmlu karità imma ħalli ngħinu biex ikun hemm soċjetà iktar ġusta. Hekk tfisser is-solidarjetà. Mhux qisni qed nagħmel xi ħaġa li nista’ ma nagħmilhiex, imma, kif jgħid il-Papa Benedittu, is-solidarjetà hija dmir li għandu l-individwu u li għandha s-soċjetà kollha kemm hi.

Il-Verġni Marija u l-virtù tas-solidarjetà

Meta aħna nħarsu lejn il-Verġni Marija, mill-ftit tagħrif li aħna għandna dwar il-ħajja tagħha fil-Vanġelu, mhux dan li joħroġ, jiġifieri li hija kellha dan l-abitus mentali, din il-virtù tas-solidarjetà? Ilkoll nafu l-esperjenza tat-Tieġ ta’ Kana, kif hija interveniet biex tgħinhom jirbħu l-faqar li kien ser jaħkimhom. Ilkoll nafu l-istorja ta’ meta Marija marret għand qaribtha Eliżabetta u damet magħha tliet xhur, u dan dejjem biex turi dan l-ispirtu solidali tagħha. Fl-ikona tal-vanġelu tal-lum, ta’ Kristu Msallab b’dak in-nukleu tal-Knisja madwaru, Marija hija solidali magħhom u tibqa’ magħhom, tant li mbagħad nerġgħu nsibuha magħhom meta l-Appostli mbeżżgħin nqatgħu għalihom u daħlu f’dik is-solitudni. Imma Marija tagħmlilhom il-kuraġġ u turihom li hija solidali magħhom, sakemm irċivew l-Ispirtu s-Santu.

Is-sobrjetà hija t-triq ipprivileġġjata tas-solidarjetà

Meta qed nitkellmu dwar is-solidarjetà rridu nitkellmu wkoll dwar dik li jsejħulha s-sobrjetà fil-ħajja. Xi tfisser is-sobrjetà? Is-sobrjetà tfisser li ma jkunx hemm ħela, li jkun hemm il-qies, li jkun hemm razzjonalizzazzjoni, jiġifieri li nkejlu u niżnu qabel ma nberbqu l-partrimonju li għandna. Jiena ma nafx issegwux l-aħbarijiet kollha. Qiegħed nitkellem dwar il-komunità internazzjonali. Ftit ilu kien hemm il-laqgħa tal-G2O, jiġifieri tal-pajjiżi l-iktar industrijalizzati, u tkellmu dwar il-kriżi ekonomika li bħal tnalja għadha taħkem lid-dinja. Hemmhekk kien hemm żewġ kurrenti: il-kurrent Ewropew u l-kurrent Amerikan. Il-kurrent Ewropew kien li hemm bżonn ta’ iktar sobrjetà fl-infiq, għaliex sal-lum ħaddanna stil ta’ ħajja li qed imur lil hinn mill-mezzi li aħna għandna. Il-kurrent Amerikan naturalment kien wieħed differenti, għax qal li jekk aħna nimbuttaw is-sobrjetà u jkun hemm kontroll fl-infiq allura ser inwaqqfu l-progress u nerġgħu nidħlu fi kriżi. Il-pajjiżi Ewropej fuq dan qegħdin jaħdmu.

Madwar sena u nofs ilu din il-ħaġa għidthielkom. Niftakar li kien l-1 ta’ Mejju, festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, u kont il-Qala, u dan hu l-appell li jien kont għamilt: li nkunu sobrji, jiġifieri li nqisu sewwa l-mezzi li għandna, għaliex is-sobrjetà hija t-triq ipprivileġġjata tas-solidarjetà. Is-sobrjetà hija espressjoni tal-ġustizzja, għaliex tfisser li inti tuża miżuri ġusti f’dak li għandek ħalli tiftakar ukoll f’min m’għandux biżżejjed.

Il-Papa Benedittu fl-enċiklika Caritas in veritate jitkellem ukoll fuq il-ħtieġa li nkunu iktar sobrji, jiġifieri li noqogħdu iktar attenti kif nużaw il-mezzi li għandna u ma noħorġux saqajna barra mill-friex. Jien ma rridx inkun profeta tad-dlam, imma nibża’ li jekk ma nkunux attenti l-gwaj jista’ jkun ikbar, u jkun iktar evidenti l-gwaj li semmejtilkom.

Din is-sobrjetà ma tridx tkun biss fuq livell personali, imma anki fuq livell istituzzjonali, jiġifieri fil-mod kif jintefqu l-fondi pubbliċi. Dan kollu joħroġ mis-sens ta’ solidarjetà li tispirana bih Ommna Marija tas-Sokkors.

L-ispirtu ta’ solidarjetà tal-poplu tagħna

Jiena ma nistax ma nirrikonoxxix sinjali ċari ta’ dan l-ispirtu ta’ solidarjetà li hemm fostna. Ngħidu aħna, il-ġenerożità tal-poplu tagħna kull meta tinħoloq xi kalamità u jsir appell għall-għajnuna, bħalma ntwera dan l-aħħar fir-rispons ġeneruż tagħkom għall-appell li jiena għamiltilkom biex tgħinu lil dawk milquta mill-għargħar fil-Brażil. Ma nistax ma nsemmix il-Fondazzjoni Oasi u l-Fondazzjoni Arka. Dawn, minn barra li għandhom għajnuna sostanzjali min-naħa tal-Istat – u dan jien irrid nirrikonoxxih – ma nistax ma ngħidx ukoll li jgħixu bil-providenza u bl-ispirtu solidali li hemm fostna.

Is-solidarjetà bħala spirtu li bih aħna ngħixu

U jien dalgħodu qed nagħmel din ir-riflessjoni biex kemm jista’ jkun dan is-sens ta’ solidarjetà mhux jonqos imma jissaħħaħ u jagħmel qabża fil-kwalità, biex kif għidt ma tkunx solidarjetà tal-elemożina, imma tkun l-ispirtu li bih aħna ngħixu, dik l-attenzjoni għal xulxin f’kollox, li nfittxu dak li jgħaqqadna u mhux dak li jifridna, biex inkunu solidali.

Solidarjetà mat-tfal tagħna

Fejn nixtieq iżjed li nara sens ta’ solidarjetà? Fejn nixtieq nara rifless tas-Sokkors ta’ Marija, li mhux biss tgħin lilna, imma tgħin lilna biex inkunu ta’ għajnuna għal ħaddieħor? Mat-tfal tagħna. Diġà semmejtilkom dwar kemm hemm bżonn ta’ riflessjoni bil-għaqal dwar l-edukazzjoni ta’ wliedna, u ħadd minna, speċjalment intom il-ġenituri, ma tistgħu tfarfru minn fuq spallejkom quddiem din il-ħtieġa li aħna nuru solidarjetà maċ-ċkejkin tagħna billi aħna nagħtuhom mhux biss l-edukazzjoni akkademika, li hija tajba, imma wkoll l-edukazzjoni kulturali, l-edukazzjoni ċivika u l-formazzjoni tal-karattru; u allura tidħol ukoll il-formazzjoni spiritwali u, fil-każ tagħna, il-formazzjoni Nisranija. Ma nħossx li aħna solidali biżżejjed. Araw kemm għandkom interess fl-istituzzjonijiet edukattivi u l-iskejjel tagħna. Araw x’sens ta’ rabta hemm bejn is-soċjetà jew il-komunità u dawn l-istituzzjonijiet li qed nafdawlhom il-formazzjoni ta’ wliedna.

Solidarjetà maż-żgħażagħ tagħna

Jien nixtieq nara solidarjetà maż-żgħażagħ tagħna, li għandhom il-futur quddiemhom u ma nistgħux inħalluhom fil-għama imma għandna d-dmir li, wara li jkunu ħadu l-formazzjoni tagħhom, aħna ngħinuhom isibu l-impieg tagħhom, speċjalment iż-żgħażagħ f’Għawdex. Kull fejn immur jgħiduli illi aħna kulma jmur qegħdin nitilfu ż-żgħażagħ tagħna. Ħarsu lejn iż-żgħażagħ tagħna. Tarahom matul il-weekend imma matul il-ġimgħa ma tarahomx, u forsi għad jasal iż-żmien li lanqas nibqgħu narawhom matul il-weekend. Allura jien nagħmel appell, kemm lis-settur pubbliku u kemm lis-settur privat, biex ikunu solidali ma’ din il-ġenerazzjoni ġdida, u minkejja d-diffikultajiet li hemm fix-xefaq aħna ma nibżgħux noffru opportunità ta’ ħajja u ta’ impieg dinjituż liż-żgħażagħ tagħna.

Din hija s-solidarjetà li trid tissarraf fi stil ta’ ħajja. U hawnhekk jiena rrid ngħid kelma ta’ apprezzament lil dawk l-imprendituri, jiġifieri dawk li jħaddmu, li minkejja d-diffikultajiet li kellna u għandna fl-ekonomija, ma għażlux it-triq il-ħafifa li jkeċċu l-ħaddiema, imma b’sagrifiċċju personali u b’riskju għall-patrimonju tagħhom żammew lil dawk il-ħaddiema biex jipprovdulhom sosteniment għalihom u għall-familji tagħhom. Jien ma nistax ma ngħidx kelma ta’ apprezzament għal dan is-sens ta’ solidarjetà u għal dan is-sokkors li huma wrew, forsi anki fil-moħbi. Dan jien ukoll ngħidu għall-Istat, għaliex anki l-Istat għamel interventi bħal dan biex isalva x-xogħlijiet u l-impiegi.

Solidarjetà mal-familji tagħna

Imbagħad jien nixtieq li nara sens ta’ solidarjetà mal-familji tagħna, speċjalment ma’ dawk il-familji li għaddejjin minn xi diffikultà, anki diffikultajiet serji ħafna. Ma nistgħux aħna quddiem dan il-fenomenu nieħdu l-atteġġjament tal-kundanna jew li nitkażaw, imma jrid ikollna sens ta’ solidarjetà ma’ dawn il-koppji li għal xi raġuni jew oħra ma rnexxilhomx ikomplu t-triq sal-aħħar.

Fid-djoċesi għandna l-Kummissjoni tal-Familja li qed taħdem sewwa f’dan ir-rigward, u jien għandi xewqa li xi darba d-djoċesi tagħti anki kontribut f’dan il-qasam billi jkollna dak li nsejħulu “konsultorju tal-familja”, li jkun qisha klinika tal-familja. Meta int ma tkunx tiflaħ fiżikament inti tmur mhux biss għand it-tabib imma wkoll għand l-ispeċjalista biex jagħtik il-mediċina, forsi qabel ikun tard wisq; u hekk ukoll fil-ħajja ta-żwieġ u tal-familja, għandna bżonn ta’ dan il-konsultorju. Jiena nifhem li dan mhux proġett ħafif, għaliex irridu ninvestu f’kapaċità umana imma wkoll f’potenzjal finanzjarju. Jiena nawgura li din il-ħolma timmaterjalizza ruħha u tkun ir-risposta vera li s-soċjetà trid tagħti quddiem dawn il-familji u ż-żwiġijiet bi problema. Jiena nawgura li tkun din is-soluzzjoni, u mhux soluzzjonijiet oħra li qed jiġu proposti. Jien nittama li hemmhekk ukoll aħna nuru sens ta’ solidarjetà u nikkontribwixxu flimkien – privat u pubbliku – ħalli jekk Alla jrid ikollna dan il-kontribut għat-tisħiħ tal-familja, biex jonqos il-faqar effettiv.

Nista’ ngħid iktar fejn nixtieq nara s-sens ta’ solidarjetà u ta’ sokkors. Jekk tonqos is-solidarjetà għandna pjaga soċjali, imma jekk tonqos il-karità Nisranija, li mhix karità kif soltu nifhmu imma l-imħabba, allura għandna pjaga ekkleżjali u Nisranija, u dak huwa gravi ħafna.

Għalhekk jiena, f’din il-ġurnata li fiha qed nagħtu ġieħ lill-Omm tagħna tas-Sokkors, nitlobha ħalli tkompli tifrex fuqna l-għajnuna u s-sokkors tagħha, billi tgħinna ħalli fostna jissaħħaħ iktar is-sens ta’ solidarjetà, imma f’dan is-sens wiesa’ tal-kelma, biex il-komunitajiet tagħna jinbnew tassew bħala komunitajiet, u biex is-soċjetà tagħna tkun tassew soċjetà umana li tagħti servizz u attenzjoni lil kulħadd, imma partikularment lil dawk li huma l-iktar fil-bżonn. Din hija d-devozzjoni vera u awtentika lejn il-Verġni tas-Sokkors. Jiena nawgura li din il-festa sabiħa illi qegħdin nagħmlu f’ġieħ din il-Patruna tagħna, l-Omm tagħna tas-Sokkors, toħroġ iktar dan is-sens ta’ solidarjetà ħalli ngħixuh fostna u nwassluh lill-oħrajn.

pdf · 140.75 KB Niżżel