Il-Faxex ta’ Betlehem
F’dan il-Milied nixtieq inwasslilkom l-istess messaġġ li l-anġlu għadda lir-ragħajja meta twieled Ġesù Bambin: “Inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li ser ikun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David twildilkom Salvatur li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:10-12).
Bir-raġun jista’ jitħawwad il-bniedem meta jisma’ li Alla jinsab fil-fisqija mimdud f’maxtura; imma dan hu l-iskandlu ta’ Alla tagħna: huwa sar tarbija ċkejkna biex iġarrab dak kollu li nġarrbu aħna l-bnedmin.
Imma t-tarbija mfisqija fil-maxtura tixħet dawl sabiħ fuq Marija, Omm Ġesù, għax kienet hi li meta wildet lil Ġesù, “fisqietu u medditu f’maxtura” (Lq 2:7). Min qatt jista’ jimmaġina b’liema għożża u kura Marija tfisqi lit-tarbija biex tħarisha mir-reżħa u l-ksieħ u żżommha fis-sħana! Hija tfisqih biex ma jbatix it-tingiż tat-tiben. L-istint matern iwassalha biex lil din it-tarbija tat-twelid, dgħajfa għax għadha trid trabbi l-muskoli, tħarisha billi tinfaxxaha bil-faxex.
Sa mill-ewwel sekli l-Missirijiet tal-Knisja raw fil-faxex tal-fisqija dawk l-għemejjel kollha mħabba li Marija tagħmel ma’ Binha. Rupert minn Deutz (†1130) ipoġġi fuq fomm Ġesù dan il-kliem huwa u jindirizza lil Ommu: “Dawn il-faxex kienu l-ewwel bewsiet tiegħek… Għalkemm kont ċkejken, int ħadt ħsiebi b’mod li jixraq lil Alla, għalhekk riħet l-ilbiesi tiegħek bħal dik tal-Libanu (Għan 4:11)”.
Dawk il-faxex illum f’Betlehem Marija tużahom biex tfisqi lit-tarbija, imma ’l quddiem terġa’ tfittixhom biex lil Ġesù tinfaxxalu l-feriti.
Huma l-faxex li Marija għad terġa’ toħroġhom biex tnewwilhom lil Ġesù ħalli jinfaxxa l-ġerħat tal-bniedem mifluġ.
Huma l-faxex li dakinhar li jniżżlu lil Ġesù minn fuq is-salib, Marija tnewwilhom lil Ġużeppi minn Arimatija biex jinfaxxa l-ġisem mejjet ta’ Binha.
Huma l-faxex li Marija ġabret u refgħet b’għożża wara li Ġesù qam mill-mewt u ħareġ mill-qabar.
Dawn il-faxex ta’ Betlehem, faxex li jarmu l-fwieħa bħal dik tal-Libanu, għadhom f’idejn Marija biex illum ukoll hija tużahom għalina, id-dixxipli ta’ Binha.
Kif Marija fisqiet lil Ġesù, issa li hija l-Omm tagħna, hija tfisqi anki lilna tant kemm tħobbna u tixtieq tħaddanna b’dik l-istess għożża li biha fil-lejl ta’ Betlehem għafset magħha lit-tarbija Ġesù.
Marija għandha l-faxex lesti biex lilna li għadna dgħajfin fil-fidi, tfisqina biex nissaħħu spiritwalment.
Marija dejjem lesta li tinfaxxa kull għamla ta’ ferita li aħna għandna, anki dawk il-feriti li aħna nkunu qtajna qalbna u anki ħaddieħor ikun qata’ qalbu li ser jagħlqu u jfiqu.
Nixtieq inserraħlek rasek li l-faxex li Marija għandha fil-grotta ta’ Betlehem għadhom għandha mitnija u lesti biex, jekk ikollok ħtieġa, hija tużahom biex tinfaxxalek il-ġrieħi u biex iniżżluk minn fuq is-salib tiegħek illum.
Ftit ġimgħat ilu fid-Djoċesi tagħna bdejna ngħixu s-Sena Marjana biex infakkru l-400 sena minn meta l-kwadru mirakuluż tal-Madonna Ta’ Pinu tpoġġa fis-Santwarju. Hija Sena li matulha nixtiequ nduqu t-tjubija materna ta’ Marija Omm Ġesù. Nixtieq li f’din is-Sena ddedikata lill-Madonna aħna nagħmlu l-esperjenza li Ġesù tarbija għamel f’Betlehem: inħossu lil Marija tfisqina u tinfaxxana. Għalhekk fl-okkażjoni ta’ dan il-Milied “inħabbrilkom ferħ kbir… Illum fil-belt ta’ David tweldilkom Salvatur li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:10-12).
Il-Milied it-tajjeb!