Aqbeż għall-kontenut

Il-Gradwati Huma Forza li Ddewwaq il-Ħelsien

Filemon kien raġel sinjur jgħix fil-belt ta’ Kolossi fi żmien San Pawl. Fuq rakkomandazzjoni ta’ Pawlu, Filemon jagħti l-libertà lil Oneżimu li kien ilsir tiegħu. Bħalma l-qalb ta’ Pawlu tfur bil-ferħ meta jilmaħ id-disponibbiltà ta’ Filemon li jaqta’ l-ktejjen biex Oneżimu jkun ħieles (ara Film 7:20), hekk tifraħ qalbi meta nilmaħ ġemgħa hekk kbira ta’ gradwati, għax nemmen u nittama li intom, issa li temmejtu l-istudji tagħkom, tistgħu ssiru forza li ddewwaq il-ħelsien lil ħafna!

Huwa fatt li llum il-bniedem suġġett għal diversi forom ta’ skjavitù. L-injoranza, il-faqar, l-inġustizzji, il-benessri, id-diskriminazzjoni, il-preġudizzju huma biss ftit eżempji tal-madmad li hemm jagħfas fuq spallejn il-bniedem. F’din ir-realtà soċjali intom tistgħu tagħmlu differenza! Bit-taħriġ akkademiku li għamiltu matul is-snin tal-università, intom ġemmajtu tagħrif ġdid, kbirtu fl-għerf, trawwamtu fil-karattru u kattartu l-ħiliet tagħkom biex issa tkunu preżenza ġdida li tagħmel differenza fis-soċjetà tagħna. Intom m’intomx ġejjin minn fakultajiet differenti, imma intom mogħnija b’fakultajiet personali li, jekk tagħrfu tħaddmuhom bil-għaqal u bil-galbu, il-professjoni tagħkom għandha potenzjal li kapaċi jqaċċat il-ktajjen ta’ ħafna “ilsiera” moderni.

Fir-rakkont tal-fejqan tal-għaxar irġiel morda bil-lebbra (ara Lq 17:11-19), napprezzaw l-azzjoni ta’ Kristu li jagħti l-ħelsien lil din il-komunità! Ġesù jiltaqa’ magħhom barra mir-raħal – “kif kien dieħel ir-raħal” – għaliex żgur li dawn, minħabba l-kundizzjoni tagħhom, kienu mkeċċija mir-raħal! Fil-fatt l-akbar piż li kellhom il-lebbrużi ma kienx il-marda fiha nfisha, imma l-fatt li kienu separati mill-bqija u għalhekk emarġinati u esklużi mis-soċjetà. Bl-azzjoni tiegħu, Ġesù mhux biss fejjaqhom, imma reġa’ integrahom fis-soċjetà!

Ma nistgħux ngħidu li llum ma għandniex fostna persuni li minħabba l-kundizzjoni psikoloġika, politika, soċjali, etnika jew reliġjuża mhumiex, b’mod dirett jew indirett, maqtugħa mill-komunità l-kbira! Sfortunatament huwa fatt li għandna min huwa miżmum milli joqgħod fil-pjazza minħabba motivi soċjali, jew fuq iz-zuntier minħabba raġunijiet spiritwali u reliġjużi! Bħalma fi żmien Kristu kienu jagħżlu bejn dawk b’saħħithom u dawk morda bil-lebbra, illum il-bniedem għadu jiddelitta bil-“klassi” u jissepara l-għorrief mill-injoranti, dawk b’saħħithom minn dawk dgħajfa, dawk f’pożizzjoni għolja minn dawk f’pożizzjoni baxxa, dawk li għandhom minn dawk li ma għandhomx, bejn il-qaddisin u l-midinbin! Forsi mingħajr ma nintebħu, il-bniedem illum qed jokrob biex taqa’ din il-kultura tal-ħitan li jifirdu. Minn qalbi nawguralkom, għeżież żgħażagħ li llum qed tiċċelebraw il-gradwazzjoni tagħkom, biex bl-eżerċizzju tal-professjoni tagħkom, li hu qawwa ħelliesa, tgħinu lil dawn il-komunitajiet – dik ċivili u dik reliġjuża – ikunu inklużivi kif kien l-Imgħallem tagħna Ġesù.

Imma biex niżguraw ruħna li nkunu preżenza pożittiva fid-dinja u nevitaw ir-riskju li aħna stess, forsi wkoll bit-tħaddim tal-fakultà tagħna, inkattru l-forom tal-jasar, hu meħtieġ li nagħmlu esperjenza personali ta’ Kristu Feddej, kif għamlu l-għaxar irġiel lebbrużi. L-esperjenza turini li mhumiex ftit dawk li spiritwalment jaqtgħu qalbhom u jaħsbu li l-Vanġelu mhux ħobż għal snienhom. Ir-rakkont tal-fejqan tal-għaxar irġiel lebbrużi jurina li kulma għandu bżonn il-bniedem biex jagħmel esperjenza tal-qawwa li teħles li għandu Kristu, huwa li jkollu fiduċja fil-Kelma tiegħu! Lil dawn il-lebbrużi Ġesù qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. Ma kienx parir faċli, għax Ġesu kien qed jibgħathom fit-Tempju ta’ Ġerusalemm – post sagru li kellu l-bibien imbarrati sew għal din il-kategorija ta’ persuni! Imma minkejja kollox, huma qagħdu għall-kelma tiegħu u telqu. Ma stennewx li jneħħilhom il-lebbra, imbagħad jagħmlu dak li qalilhom; imma emmnu fil-kelma tiegħu u fiequ matul it-triq! Ħafna drabi aħna ma naħdmux hekk: qabel naċċettaw il-proposta, anki dik li jagħmlilna Ġesù fil-Vanġelu, aħna nitolbu garanzija li dik il-kelma ser taħdem. Aħna nfittxu l-verifika, imbagħad nemmnu; imma din nistgħu nsejħulha kollox barra fidi!

Kemm hija differenti l-loġika ta’ Kristu minn dik tagħna! Meta nitkellmu ma’ dawk li huma “differenti” jew “mifruda” mill-bqija tal-komunità, nippretendu li biex wieħed jiġi milqugħ fil-komunità, l-ewwel jeħtieġlu jeħles mill-lebbra – irid jinfatam minn dik il-kawża li minħabba fiha qed jgħidulu biex jibqa’ fil-periferija! Kristu jaġixxi b’mod differenti: huwa jaċċetta lil-lebbrużi, joffrilhom il-kelma fejjieda, jitlobhom il-fiduċja, iqabbadhom it-triq lejn it-Tempju, u jistenna li matul il-pellegrinaġġ tal-fidi huma jiksbu l-ħelsien sħiħ!

Illum ukoll Ġesù qed joffrilna dan il-proċess ta’ riabilitazzjoni spiritwali u umana. Filwaqt li nħeġġiġkom biex tkunu ħbieb ta’ Ġesù Kristu, minn qalbi nawguralkom li, imwettqin bil-verità ta’ Kristu, intom tkunu bnedmin ħielsa li toffru l-ħelsien veru lill-oħrajn.

pdf · 57.90 KB Niżżel