Aqbeż għall-kontenut

Il-Ġustizzja u l-Ħniena Virtù Soċjali

Inħossni grat ħafna lejn dawk kollha li ħadmu biex tqiegħdu dawn il-ħames affreski matul it-triq li twassal fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu. Permezz ta’ din l-opra artistika, is-Santwarju qed ikompli t-tradizzjoni tiegħu li jżewweġ l-arti mat-twemmin. L-artist (Sergio Favoto) u t-teologu (Dun Gerard Buhagiar) flimkien ħolqu ħames xbihat li daqskemm huma sbieħ artistikament, daqshekk ieħor għandhom messaġġ spiritwali qawwi.

L-affreski jippreżentaw ħames ritratti tad-dramma umana mwieżna bil-preżenza ta’ Ġesù u l-ħarsa materna ta’ Marija ta’ Nazareth. Huma affreski li jgħinuna naraw lil dak li ma jidhirx – jgħinuna naqraw dak li mhux miktub! Il-preżenza ta’ dawn l-affreski ser tqassar it-triq tal-pellegrin li qalbu tmexxih lejn id-dar ta’ Marija – għax jekk meta jibda jmidd il-passi tiegħu lejn is-Santwarju Ta’ Pinu, ħafna drabi l-pellegrin ikun mgħobbi sewwa bit-toqol tat-tagħbija tal-ħajja personali u familjari, huwa u jieqaf quddiem dawn l-ikoni, il-faraġ u t-tama li jispiraw dawn ix-xbihat ser iserrħuh. Huwa minnu li quddiem kull affresk tqiegħed bank fejn il-pellegrin jista’ jieqaf jistrieħ fiżikament; imma sinċerament konvint li kull waħda minn dawn in-niċeċ toffri “bank” fejn, waqt li wieħed jikkontempla lil Alla u lil Marija bħala sieħba tiegħu fil-pellegrinaġġ tal-ħajja, huwa jistrieħ ukoll emozzjonalment u spiritwalment.

Imma personalment jien nemmen li dawn l-affreski għandhom ukoll messaġġ soċjali qawwi. Huma jippreżentaw diversi xeni mill-ħajja tagħna l-bnedmin: il-bniedem mifni bil-faqar, magħkus bil-mard, nieqes mill-ħelsien għax skjav, mifni għax qed jara l-aqwa teżor tiegħu (il-familja) tisfaxxalu! Dawn huma ritratti veri… huma stejjer li qed jirrakkonta l-bniedem kontemporanju! Ix-xewqa tiegħi hija li dawn l-affreski jistimulawna biex nittraduċu fil-prattika dak li Alla u Marija nemmnu li jagħmlu magħna: jekk Ġesù u Marija huma sieħba li jweżnuna fil-mixja u jintervienu biex itaffu l-piżijiet li qed jagħfsu fuq spallejna, għaliex ma għandniex aħna wkoll infittxu li nakkumpanjaw u ngħinu lil ħutna mifluġin? Għalhekk nawgura li dawn l-affreski jgħinuna nistinkaw aktar biex ikollna soċjetà ħanina. Il-kejl tal-ġustizzja waħdu mhux biżżejjed biex niżguraw li min hu fil-bżonn jingħata l-għajnuna. Flimkien mal-virtù tal-ġustizzja rridu nħaddmu l-imħabba (caritas), li hija l-virtù li tqanqalna biex nagħmlu l-ġid mingħajr ma nistennew xejn lura u biex naħfru anki d-djun (fis-sens wiesa’ tal-kelma). Is-soċjetà tieqaf fuq saqajha mhux biss meta jkun hemm ir-rispett lejn id-drittijiet u d-dmirijiet, imma wkoll meta ċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet huma kapaċi juru dik l-empatija, is-solidarjetà u l-kompassjoni li jwasslu biex wieħed juri tjubija u mogħdrija mal-oħrajn, partikularment mal-fqir. Il-kwistjonijiet li jtaqqlu l-moħħ u l-qalb tal-fqir ma nsolvuhomx biss bir-rigla tal-ġustizzja, imma bil-karità! Hija d-dispożizzjoni favur min hu maħqur li terfa’ l-qalb tan-nazzjon ’il fuq. Il-karità hija forma għolja ta’ ġustizzja. Naturalment, il-virtù tal-ħniena titlob li qabelxejn tkun saret ukoll ġustizzja, biex ma jiġrix li noffru bħala don dak li kellu jkun rikonoxxut ex iustitia.

Soċjetà ħanina hija balzmu għall-pellegrin li jterraq it-toroq ta’ beltna daqskemm il-ħniena u t-tjubija ta’ Alla jfarrġu lill-pellegrin li jasal fis-Santwarju Ta’ Pinu.

pdf · 58.29 KB Niżżel