Aqbeż għall-kontenut

Il-Kappillan li Jisqi l-Imħabba ta’ Alla

X’inhi l-ħidma tal-kappillan, jiġifieri tar-ragħaj spiritwali? Din mhix domanda retorika, imma naħseb li għandna bżonn nagħmluha. Għandu bżonn jirrifletti fuqha Dun Daniel, aħna l-presbiteri, kif ukoll il-poplu ta’ Alla. Għax xi drabi nistennew mingħand ir-ragħajja spiritwali tagħna li jagħmlu jew jagħtuna dak li mhux speċifiku tagħhom.

Ftit tas-snin ilu kien hemm kappillan u kien qed jagħmel kappella tal-adorazzjoni fil-komunità tiegħu. X’ma qalulux dawk ta’ madwaru! Kienu warajh biex jagħmel opra bla bżonn, imbagħad ma fehmux li kellu jagħmel Kappella tal-Ewkaristija.

Il-Vanġelu tal-lum (Ġw 21:15-17) jgħin lilna r-ragħajja niffukaw aħjar fuq il-missjoni tagħna. Imma biex insibu r-risposta, irridu naqraw il-kuntest tal-ġrajja tal-kapitlu 21.

Id-dixxipli kienu ħdejn il-Baħar ta’ Tiberija u hemmhekk għat-tielet darba Kristu Rxuxtat jagħmel lilu nnifsu preżenti fosthom. Huma ma jagħrfuhx! Imma kien hemm id-dixxiplu l-maħbub li jgħid lil Pietru u lil sħabu: “Dan il-Mulej!”. Jien din nixtieqha tkun il-missjoni tiegħek u tagħna.

Jien nemmen illi Kristu llum, fl-2015, għadu jagħmel lilu nnifsu preżenti fil-ħajja ta’ dawn in-nies. Mhux fit-tempju, mhux fil-bażiliċi u fil-katidrali tagħna. Kristu ma għamilx lilu nnifsu preżenti fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, imma fejn dak il-grupp tal-irġiel kienu qegħdin jaħdmu, kienu qegħdin jagħġnu l-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Illum ukoll Kristu Rxuxtat huwa preżenti fil-ħajja ordinarja tagħna, fejn l-inqas illi nimmaġinaw li se jkun preżenti. Għalhekk nistaqsi għaliex il-bniedem illum għandu jgħid li Alla huwa assenti mill-ħajja tagħna, illi Kristu mhux preżenti fil-ħajja tagħna. Kristu hu preżenti! Imma hemm bżonn ta’ ragħajja spiritwali kapaċi u lesti li jgħinu lin-nies jaraw lil Kristu l-Mulej.

Forsi xi ħadd jista’ jgħid li llum id-dinja ħżienet tant li Alla tbiegħed minnha. Żomm daqsxejn. Din il-komunità tal-bidu li jsemmi l-Vanġelu ma tantx kienet mill-aħjar. Fiha nsibu Appostli li għamlu fallimenti kbar, tant illi meta Kristu miet u difnuh, dawn ħallew kollox u reġgħu marru jistadu. Din il-komunità li Ġesù jżur hija komposta minn nies li kienu qatgħu qalbhom minnu – nies li abbandunawh. Huma nies li mhux biss għamlu falliment spiritwali, imma anki uman, tant li kienu għaddew il-lejl jistadu u ma qabdu xejn. Fi kliem ieħor, lanqas kienu rnexxew fix-xogħol jew fil-professjoni tagħhom. Imma minkejja kollox, Ġesù jagħżel lilhom u jerġa’ jagħmel lilu nnifsu preżenti fosthom. Ġesù jagħżilhom lilhom bħala ħbiebu. Hu jagħmel lilu nnifsu preżenti fil-qalba ta’ dawn in-nies. Kemm għandu kriterji differenti minn tagħna!

Ġesù jieħu l-inizjattiva biex jibda d-djalogu magħhom. Interessanti li l-ewwel interess tiegħu fihom ma kienx jekk kinux jafu jgħidu t-talba tal-Missierna, lanqas jistaqsihom jekk kinux jiftakru xi parti minn parabbola li kien għallimhom; imma jistaqsihom jekk kellhomx x’jieklu! Ġesù jagħmel lilu nnifsu preżenti fosthom u jinteressa ruħu mill-ħajja ta’ kuljum. U meta sab li ma kellhomx il-meħtieġ għall-ħajja, talabhom jitilgħu mill-ġdid fuq id-dgħajsa u jagħtihom direzzjoni kif jaqbdu l-ħut. Ġesù jmur quddiemhom u ma jgħidilhomx biex jinżlu għarkupptejhom quddiemu, imma Hu stess jinżel għarkupptejh fil-preżenza tagħhom u jonfoħ fuq in-nar, mhux biss biex isajjar l-ikel imma biex isaħħanhom.

Dan hu Kristu tagħna. Hu preżenti fostna, minkejja li aħna tlaqnieh, minkejja li nibagħtuh jixxejjer, minkejja li niġu naqgħu u nqumu mill-kelma tiegħu. Imma Hu ma jibgħatniex nixxejru. Hu jibqa’ jiġri warajna u jagħmel lilu nnifsu preżenti fostna. U r-ragħaj spiritwali jrid jgħin lil dawk ta’ madwaru jemmnu dak li ma jitwemminx.

Ħbieb tiegħi, f’din l-istorja hemm l-istorja tal-komunità ekkleżjali. Hija l-komunità li llum ma għadhiex tagħraf lil Kristu Rxuxtat; tant hu hekk li naqtgħu qalbna minn kollox. Din il-komunità Nisranija mhux biex tilfet il-kapaċità li tagħraf lil Kristu preżenti, imma lanqas tista’ taqbad ħut. Kemm sar diffiċli li naqbdu l-ħut, anzi l-ħut li hemm maqbud joħorġilna mix-xibka. Din hi l-Knisja tal-lum: Knisja illi temmem li hi kapaċi ssalva bil-ħiliet tagħha biss. Imma mhux hekk. Hemm bżonn niskopru l-preżenza dejjem ġdida ta’ Kristu fostna fejn hemm l-iktar tkissir, taħsir u diżordni. Tkunx sorpriż li Kristu jagħmel lilu nnifsu preżenti fil-ħajja tiegħek minkejja dan kollu. Hawnhekk nisimgħuh jagħmel id-domanda li hu għamel lil Pietru: Issa tħobbni? Aħna nħobbuH jekk nagħrfu li minkejja kollox, Hu jħobbna u jiġi jżurna. Aħna nħobbuh jekk nintebħu kemm hija kbira mħabbtu lejna, għax mhux aħna ħabbejna l-ewwel lil Alla imma kien Alla li ħabbna l-ewwel, u għax ħabbna hu, nistgħu nħobbuh.

Għalhekk, għażiż Dun Daniel, inti ma tistax iddur fuq il-poplu tax-Xewkija u tistaqsih jekk iħobbx lil Ġesù! L-ewwel dan il-poplu jrid ikun konvint mill-imħabba li għandu Ġesù lejh, imbagħad ir-risposta tiġi waħidha; imbagħad qalbhom tingħafas xħin int għal darba, tnejn, tlieta terġa’ tistaqsihom jekk iħobbux lil Ġesù. In-nies tħobb lil Ġesù jekk ikollha togħma tajba tiegħU. Imbagħad tagħmel sens id-domanda li għamel Ġesù lil Pietru: Pietru, inti tħobbni iktar minn dawn? Meta jgħidlu “iktar minn dawn” Ġesù ma riedx idaħħal lil Pietru f’kompetizzjoni ma’ sħabu u jara jekk iħobbux iktar minnhom. Ġesù kien qed jistaqsih jekk kienx iħobbu aktar mid-dgħajsa, mix-xbieki, mill-proġetti tiegħu, minn dak kollu li hu kien jgħożż.

Għalhekk il-kappillan huwa dak li jrid idaħħalna fil-qalba tal-misteru tal-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu; imbagħad joktor in-numru ta’ dawk li bħal Pietru jistqarru mħabbithom lejH. Din hija l-missjoni tagħna s-saċerdoti: li qabel ma nitolbu lil xi ħadd jekk iħobbx lil Alla, ngħinuh jiskopri l-immensità tal-imħabba u tal-ħniena ta’ Alla l-Imbierek.

B’dawn il-ftit riflessjonijiet, għażiż Dun Daniel, nafdalek il-missjoni bħala ragħaj spiritwali ta’ din il-komunità li qed tiret mingħand il-predeċessur tiegħek, Monsinjur Carmelo Mercieca, li rrid għal darb’oħra ngħidlu grazzi għal dak kollu li għamel matul parrokkat twil f’din il-komunità.

pdf · 59.11 KB Niżżel