Aqbeż għall-kontenut

Il-Kelma tal-Addolorata

Żgur li waħda mill-kawżi tad-dulur tal-Madonna kienet il-Passjoni u l-Mewt attroċi ta’ Ġesù fuq is-salib. Mhux lakemm issabbar omm li titlef wild, aktar u aktar meta dan jinqatel! Il-qerda ta’ Ġesù ġabet tiċrita kbira u wiesgħa fil-qalb ta’ Marija. Imma dan kollu huwa parti mit-tbatija li ġarrbet l-Addolorata! Għaliex minbarra din il-passjoni li kedditha fiżikament, Marija għaddiet minn martirju spiritwali.

Fil-fatt, meta nikkontemplaha b’Ġesù mejjet fi ħdanha, kif hija rrappreżentata fil-Pietà, nistħajjel li Marija batiet ħafna meta f’Binha mejjet rat il-“Kelma ta’ Alla” imsikkta! Għaliex Ġesù huwa l-Kelma ta’ Alla (il-“Verb”) li fil-milja taż-żmien saret bniedem u għammret fostna biex tkellimna dwar il-Missier! Imma issa din il-“Kelma” ġiet immutata. Il-“Kelma” ġiet fid-dinja biex toħloqna mill-ġdid, imma d-dinja ma laqgħethiex u ħonqitha. Bil-kundanna ta’ Ġesù għall-mewt, il-“Kelma” intfiet! X’ma tinkeddx Marija, dik li kienet laqgħet il-“Kelma” fi ħdanha u għalhekk kellha esperjenza propja tal-qawwa u l-qdusija ta’ din il-“Kelma”, meta tara li bil-mewt ix-xofftejn tal-Imgħallem ma jistgħux jitbexxqu aktar! Id-dulur ta’ Marija joktor meta tħoss għall-ġens tal-bnedmin li, issa li sikktu lil Ġesù, ċaħħdu lilhom infushom minn dak il-leħen li kien jgħallimhom is-sewwa u jkellimhom fuq l-imħabba tal-Missier. Jekk Kristu qal li min jisma’ kliemu ma jmut qatt, issa li bewġu l-“Kelma” minn nofshom, ifisser li tilfu l-possibbiltà li jgħixu!

Marija ma ġġarrabx dan id-dulur dakinhar biss, meta niżżlu lil Ġesù minn fuq is-salib u qegħduh fuq riġlejha, imma hija ġġedded din it-tbatija anki llum meta tara li l-“Kelma” għadha mhix aċċettata. Tbati Marija kull meta din il-“Kelma” ma tingħatalhiex il-libertà li tixxandar u għalhekk tibqa’ marbuta bil-ktajjen jew limitata għas-sagristiji! Hija għafsa ta’ qalb għal Marija kull meta din il-“Kelma” tħabbat biex tidħol fil-ħajja tal-familji tagħna, imma ssib il-bieb magħluq f’wiċċha!

Għalhekk, bħala vera devoti tal-Addolorata li nixtiequ ntaffu d-duluri ta’ din l-Omm tal-Kelma, għandna nitħeġġu biex ngħinu lil Ġesù jerġa’ jibda jitkellem mal-bniedem ta’ żminijietna! Meta f’Ottubru li għadda l-Knisja ċċelebrat Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida għat-Trasmissjoni tal-Fidi Nisranija, ħareġ ċar ħafna l-bżonn li kull wieħed u waħda minna nitqanqlu aktar biex ilkoll inkunu eku ta’ din il-“Kelma”. Jekk aħna nibqgħu siekta, Ġesù jibqa’ sieket; imma jekk aħna nsibu l-kuraġġ li nitkellmu dwaru u l-messaġġ tiegħu, din il-Kelma ssalvana!

Sejf ieħor li nifed il-qalb ta’ Marija bejn il-Ġimgħa l-Kbira u sbiħ Ħadd il-Għid kien is-skiet ta’ Alla! Fil-Passjoni u l-Kruċifissjoni ta’ Ġesù, Alla bħal donnu waqa’ fil-muta, staħba, kien assenti! Kif minn fuq is-salib Ġesù għajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni!”, ma nistagħġibx li Marija wkoll għaddiet minn xi waqtiet fejn kienet ittentata taħseb li Alla kien abbandunaha! Għall-mistiċi din hija l-esperjenza tal-“lejl mudlam” – meta Alla bħal donnu jgħib u jħalli lill-bniedem waħdu! Qaddisin kbar bħala Santa Tereżina ta’ Ġesù, San Piju tal-Pjagi kif ukoll Teresa ta’ Calcutta kellhom esperjenza ta’ dan il-baħħ ta’ Alla! Huwa fatt li Luqa jirrakkonta li ftit qabel ma miet Ġesù, waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu (ara 23:44). Din id-dalma tas-sensi laħqet kemm lid-dixxipli ta’ Ġesù, tant li lkoll tfixklu u ħarbu, u kemm lil Marija; imma omm Ġesù baqgħet wieqfa ħdejn is-salib!

Nammettu li, jekk mhux ilkoll kemm aħna, imma żgur li huma ħafna minna li jafu x’inhu dan id-dulur, jew b’esperjenza propja jew għax nafu lil min għadda minn waqtiet iebsin bħal dawn. Il-ħajja tgħallimna li s-skiet ta’ Alla jtarrax il-widnejn! Biex nagħmlilkom kuraġġ, nistqarr magħkom li jien stess ġieli jkolli mumenti minn dan id-dlam, meta ċerti ġrajjiet li ngħaddi minnhom iġagħluni nissuspetta li Alla jkun ħallieni naqdef waħdi! Meta nitfa’ ħarsti fuqkom, jiġuni f’moħħi dawk li għandhom xi dubji dwar il-fidi u minkejja li jsejħu lil Alla biex idawwalhom, jibqgħu mwaħħlin fid-dlam! Niftakar f’dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom, l-aktar dawk il-każi ta’ mwiet f’età żgħira; min jaf kemm persuni bħal dawn iduru lejn Alla u jistaqsuh fejn kien dakinhar li l-mewt ħasdet lil xi ħadd qrib tagħhom! Għandi f’moħħi dawk il-miżżewġin li llum infirdu u l-familja tagħhom qed issofri; min jaf kemm il-parti innoċenti tirrabja għax Alla baqa’ fil-muta u ma għenhomx! Hemm imbagħad id-drama tal-mard, partikularment il-mard li ma għandniex fejqan għalih! Mhux normali li l-istess marid jew il-familjari tiegħu jkunu ttentati jaħsbu li Alla jkun telaqhom għal riħhom? Ma nistax ma niftakarx f’dawk li huma bla xogħol jew dawk li għandhom xogħolhom mhedded; min ser ilumu lil xi ħadd minn dawn jekk isib diffikultà biex jifhem it-tjubija ta’ Alla? Għandi f’qalbi dawk il-ġenituri li minkejja li jkunu taw trobbija tajba, uliedhom sabu ruħhom vittmi tad-droga jew tal-alkoħol; dawn ukoll fir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla jista’ jkollhom mistoqsijiet mhux imwieġba! Dawn u esperjenzi oħra bħalhom jistgħu jdaħħluna fil-“lejl mudlam” tal-ispirtu!

Imma jekk l-Addolorata tappella għalina għaliex naraw fiha l-mara li għaddiet mid-duluri li ngħaddu minnhom aħna wkoll, Marija hija wkoll għalina għajn ta’ faraġ! Għaliex għalkemm qalbha kienet magħkusa b’kull xorta ta’ dulur, Marija qatt ma qatgħet qalbha minn Alla! Propju għaliex Marija hija l-mara li emmnet dak kollu li qalilha l-Mulej, tfakkarna li anki jekk il-fidi tagħna tkun żgħira daqs iż-żerriegħa tas-senapa, irid ikollna l-qawwa li ngħidu lill-muntanja tinqala’ minn postha! Propju għaliex hija l-mara li baqgħet tittama kontra kull tama, lilna tfakkarna li jekk nibqgħu nżommu sħaħ sal-aħħar, insalvaw! Marija hija dik li tibqa’ tħobb lil Alla anki meta jidher li huwa assenti! Frott ta’ din il-fidi, it-tama u l-imħabba, l-Addolorata tippersevera sakemm mas-sebħ tal-ewwel jum tal-ġimgħa hija tkun l-ewwel xhud ta’ Kristu Rxoxt. Id-dija ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt tkeċċi minnha l-lejl mudlam.

Dan kollu huwa għajn ta’ faraġ għalina li ngħaddu minn mumenti dulurużi! Tkun kemm tkun iebsa t-tbatija fil-ħajja, ma għandniex naqtgħu qalbna, imma nitolbu lil Alla jqawwi fina l-virtujiet tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba, biex fuq l-eżempju ta’ Marija aħna negħlbu l-lejl mudlam bid-dawl ta’ Kristu Rxoxt.

pdf · 54.71 KB Niżżel