Aqbeż għall-kontenut

Il-Kelma tas-Salib

Normalment il-bniedem, meta jkun minn taħt, idur lejn Alla. Spiss jiġri li meta nkunu fit-tbatija, aħna nerfgħu ħarsitna lejn Alla. Meta l-affarijiet imorrulna żmerċ, anki l-bniedem li ma jemminx ġieli jissogra u jittanta jħares lejn is-Sema! Imma f’dan iż-żmien tar-Randan, il-Knisja tistedinna nerfgħu għajnejna lejn Alla li qed jgħum fit-tbatija: Kristu msallab. Fuq is-salib, aħna nduru lejn Alla meta Alla huwa minn taħt! Hija ftit kuntradittorja. Normalment meta jinqalgħalna l-bżonn, aħna nħabbtu fuq bieb ta’ xi ħadd li jista’ jaqlagħna u mhux fuq bieb ta’ wieħed fallut.

Xi kultant ngħid lili nnifsi li forsi jkun aħjar jekk naħbu l-Kurċifissi li għandna u noħorġuhom darba kultant. Dan għaliex, ngħid għalija, għajnejna draw jaraw din ix-xena daqshekk makabra fejn dan il-bniedem-Alla huwa msallab għall-mewt. Tant aħna familjari ma’ din ix-xbieha, li l-Kurċifiss ma għadux jagħmel effett fuqna… ma tantx għadu jissorprendina.

Imma filwaqt li Ġesù fuq is-salib huwa espressjoni tal-qilla, il-vjolenza, il-mibegħda, l-għira u l-ħażen li hemm fina, fl-istess waqt il-Kurċifiss huwa espressjoni mill-aqwa tat-tjubija, il-ħlewwa u l-imħabba ta’ Alla. Ġesù msallab huwa t-testment tal-imħabba ta’ Alla. Alla mhux tat-tpaċpiċ fieragħ. Alla jħobb tassew. Tant iħobb li Kristu aċċetta li jlaqqat il-konsegwenzi tal-imġiba mħawda u negattiva li hemm fil-bniedem – dak li fil-Katekiżmu jissejjaħ id-dnub. Il-Kurċifiss ma huwiex biss xbieha li tfakkarna f’dak li seħħ elfejn sena ilu fuq il-Kalvarju, imma hija xbieha ħajja, għax is-sagrifiċċju tal-Kalvarju – fejn Ġesù huwa s-saċerdot u vittma – huwa esperjenza kontemporanja, minħabba li din l-għotja hija waħda kontinwa. Hemm hu kiteb l-għanja tal-imħabba bl-alfabett tal-pjagi tiegħu.

Għaldaqstant, f’dan il-kuntest ma ngħidilkomx taħbu l-Kurċifiss jew tneħħuh minn fejn huwa mdendel, imma nissuġġerixxi li tkun ħaġa f’lokha jekk ikollna Kurċifiss żgħir qrib tagħna biex f’diversi mumenti ta’ ħajjitna, partikularment meta nkunu minn taħt, aħna nserrħu l-ħarsa tagħna fuq din l-ikona. Darba l-Papa Franġisku stqarr li kien “seraq” salib li llum iġorru dejjem fil-but. Kien għadu Isqof awżiljarju fi Buenos Aires, meta sema’ li miet is-saċerdot-konfessur, Josè Aristi. Mar fil-kripta u sab lill-qassis fit-tebut u żewġ nisa anzjani jitolbu f’kantuniera u fjuri xejn. Meta ra hekk, Bergoglio mar jixtri ftit ward, u xħin poġġiehom ħdejn il-mejjet, għamel ftit kuraġġ u qata’ s-salib tal-kuruna li kien hemm f’idejn is-saċerdot mejjet filwaqt li qallu: “Padre Josè, agħtini nofs it-tjubija tiegħek”. Il-Papa jgħid li dejjem iżomm dan is-salib ċkejken fuqu u meta jgħaddi minn moħħu xi ħsieb ħażin fuq xi persuna, jagħfas f’idejh dan is-salib.

Issa li Ġesù huwa fuq is-salib, is-sentimenti umani jibdew jgħidulna biex inħaffu ħalli nniżżluh minn fuq is-salib – kemm għaliex ma għandniex il-kuraġġ inħarsu lejh, kemm għax ma għandniex il-qalb inħalluh imdendel. Imma nistqarr magħkom li l-ħsieb tiegħi huwa differenti: jien nixtieq li Kristu qatt ma jinżel minn fuq l-għuda tas-salib. Mhux għaliex ma nħossx għalih, imma għax nixtieq li l-“kelma tas-salib” – kif San Pawl isejjaħ is-salib ta’ Kristu – tidwi fi qlubna. Għax kif jgħallem Missierna Pawlu, din “il-kelma tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu, imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hija l-qawwa ta’ Alla” (1 Kor 1:18). Għalhekk ma nixtieqx li din il-kelma tiġi msikkta. Għax jekk din il-kelma tas-salib tissikket, allura aħna ser nissallbu u nsallbu lill-oħrajn. Jekk aħna nneħħu l-Kurċifiss, ma għandniex nistagħġbu jekk imbagħad joktru l-kurċifissi ta’ żminijietna. Jekk il-katedra tal-Kalvarju ssir vakanti, lil min sejrin nagħtu widen?

Fuq is-salib Ġesù għandu żewġ messaġġi partikulari. Huwa jkellimna dwar il-ħniena li ħierġa mill-ġewwieni ta’ Alla. Kristu msallab qed jgħidilna kemm Alla huwa għani fil-ħniena. Għax fuq is-salib, imqanqal mill-ħniena, l-Iben ta’ Alla jilqa’ li jkun imsammar, fqajjar u għeri, biex imut. Minn fuq is-salib, Kristu qiegħed jifrex il-mogħdrija ta’ Alla għal kulħadd. Nistaqsi jekk hawnx xi ħadd illi jista’ jgħid li ma għandux bżonn iduq il-benna ta’ din il-mogħdrija divina! Kemm hawn min letteralment huwa msallab għaliex qata’ qalbu mill-ħniena ta’ Alla! Meta l-bniedem iħossu rrifjutat minn din il-ħniena, ikun jagħmel f’ġismu ġerħa li ma tagħlaqx. Kif jgħid il-Papa Franġisku, meta f’qalbna ma nġarrbux il-misericordia u l-ferħ tal-maħfra, ma nkunux f’għaqda ma’ Alla, anki jekk inkunu nosservaw il-liġijiet kollha – hija l-esperjenza tal-ħniena ta’ Alla li ssalva. Il-ferħ ta’ Alla huwa li jħobb u jaħfer.

Nixtieq li Ġesù jibqa’ fuq is-salib biex kultant nisimgħuh jgħid dak li qal fuq il-Kalvarju: “Missier, aħfirlu għax ma jafx x’inhu jagħmel”. Kemm tagħmilli kuraġġ din il-kelma! Imbagħad, meta nisimgħu jgħid lill-ħalliel it-tajjeb: “Illum stess tkun il-Ġenna miegħi”, ifisser li Ġesù ma għandux sabar sa ma jarana kuntenti – illum stess! Huwa mgħaġġel biex jagħtina t-tgħanniqa tal-paċi.

Għalhekk, lil dawk fostna li għal xi raġuni jew oħra jħossuhom imbegħdin minn Alla jew li ma jħossuhomx denji li joqogħdu fil-preżenza tiegħu, nagħmlilhom kuraġġ biex jinżlu għarkupptejhom quddiem il-Kurċifiss u hemmhekk, filwaqt li jħallu d-demm tal-fidwa jqattar fuqhom, jintebħu kemm hija profonda l-ħniena tiegħu. Ikun xi jkun l-imgħoddi tagħna, huma x’inhuma l-għażliet li għamilna sal-bieraħ, ma hemm xejn li jista’ jillimita u jxejjen il-ħniena u l-mogħdrija ta’ Alla li dehru fi Kristu.

Nixtieq li Kristu jibqa’ fuq is-salib biex itennilna kelma oħra dehbiena: il-gratuwità – Alla joffri kollox b’xejn mingħajr ma jistenna xejn lura. Kristu fdiena mhux għall-merti tagħna, fis-sens li għax kien jistħoqqilna, imma għax ried hu gratuwitament. Hu stess kien qal li ħajtu ma jeħodhielu ħadd, imma hu jagħtiha minn rajh. Hekk għamel fuq is-salib. Bil-ġenerożità tiegħu, Ġesù jħallas il-prezz tal-fidwa għalina. Intenni li Ġesù jħobbna daqshekk mhux għax aħna tajbin jew qaddisin, imma proprju għax aħna midinbin. Kien hu li ħabbna l-ewwel, u mhux ħabbna għax aħna nħobbuh. Meta jħobbna, hu ma jistenna xejn lura mingħandna. Ma nistagħġibx li nistgħu nitfixklu quddiem din il-gratuwità ta’ Alla, imma hekk għoġob lir-rieda ta’ Alla – dan huwa l-Kurċifiss: minn fuq is-salib Ġesù qed joffrilna l-ħajja mingħajr ma jistenna xejn lura. Huwa qiegħed jerfa’ fuqu d-dnubiet tagħna. Ma jeħtieġ li nagħmel ebda sforz minn qabel biex induq din l-imħabba ħanina li hija don ta’ Alla lilna.

Kif nistgħu quddiem din il-gratuwità divina aħna nibqgħu daqshekk rasna iebsa li ma niddeċidux li ninfatmu minn dak kollu li jikkuntrasta mar-Rieda ta’ Alla (id-dnub)? Ma ninsewx li qabel ma jien u int nersqu biex nitolbu maħfra fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni (il-Qrar), tkun diġà messitna l-grazzja ta’ Alla. Dan ifisser li anki meta jien inkun għadni fl-istat tad-dnub, l-id ta’ Alla tkun messitni biex jien inqum u mmur f’dar Missieri. Dan kollu mhux għaliex għandna xi mertu jew aħna bravi, imma kollox huwa offrut gratuwitament minn Alla – kollox ħiereġ igelgel mill-qalb minfuda ta’ Kristu fuq is-salib.

Jekk inħarsu lejn il-Kurċifiss u nisimgħuh ilissen dawn iż-żewġ kelmiet – ħniena u gratuwità, kif ma aħniex kapaċi naslu biex nuru ħniena ma’ ħaddieħor? Kif aħna daqshekk tqal biex ngħixu l-gratuwità mal-proxxmu tagħna? Bħala soċjetà aħna għandna għal qalbna l-ġustizzja. Barra li l-ġustizzja mħaddma mill-bnedmin taf tiżbalja, tant li Ġesù, il-ġust, sab ruħu msallab riżultat tas-sistema tal-ġustizzja, huwa fatt li hemm triq li tgħaddi l-ġustizzja – il-loġika tal-gratuwità u tad-don. Din il-loġika tal-gratuwità u d-don fil-prattika tissarraf billi wieħed jitgħallem jagħti, iħobb, jaħfer, iħenn… mingħajr ma jistenna xejn lura mingħand dak li jkun. Min iħobb lil min iħobbu, min jaħfer lil min jaħfirlu, min iħenn ma’ min hu ħanin miegħu, ma jkunx fetaħ qalbu għall-kliem ta’ Ġesù msallab – ħniena u gratuwità.

Għalhekk, f’dan iż-żmien tar-Randan nieqfu ftit inħarsu lejn Ġesù Kristu fuq is-salib biex jibqa’ jfakkarna fil-ħniena u gratuwità ta’ Alla. Hekk il-Kurċifiss iqanqalna biex inkunu aktar ħfief ħalli bejnietna nuru ħniena u nħaddmu l-loġika tal-gratuwità u tad-don.

pdf · 51.74 KB Niżżel