Il-Mejda tal-Għotja Sħiħa ta’ Kristu
“Qam minn fuq il-mejda tal-ikel”, qalilna l-vanġelu li għadu kif ixxandrilna. Nixtieq nistedinkom biex bil-ħsieb tagħna mmorru f’dik il-kamra ta’ fuq u nosservaw ftit x’setgħet kienet din il-mejda li fuqha Ġesù għamel l-Aħħar Ikla tiegħu. Ċertament li kienet mejda differenti minn dik ta’ Mattew, li kien jiġbor it-taxxi. Dik ukoll kienet mejda li jsemmi l-Vanġelu, imma kienet mejda li fuqha jsir is-serq u l-qerq. Il-mejda taċ-Ċenaklu kienet mejda differenti minn dik ta’ Epuluni s-sinjur li jsemmi Kristu fil-Vanġelu; huwa kien jagħmel ikliet kbar imma mbagħad lil Lazzru kien iħallih mejjet bil-ġuħ, ilaqqat il-frak li kien jaqa’ minn fuq il-mejda. Allura l-mejda ta’ Epuluni kienet il-mejda li tissimbolizza għeluq il-qalb lejn il-ħtiġijiet tal-proxxmu. Ma kinitx din il-mejda li fuqha Ġesù għamel l-Aħħar Ċena.
Mejda tal-għotja sħiħa ta’ Kristu
Il-mejda li hemm fid-dar tagħna tixbah b’xi mod lil din il-mejda li minn fuqha qam Kristu biex jaħsel saqajn l-Appostli? Kif kienet din il-mejda? Kienet mejda li fuqha sar il-qsim tal-ikel, u allura kienet mejda li toħloq il-komunjoni, għaliex l-ikla hija waħda mill-espressjonijiet sbieħ ta’ fejn hemm l-għaqda u ta’ fejn hemm il-qsim.
Ġesù mhux biss ħa l-ħobż u l-inbid u tah lid-dixxipli, imma għall-kelma tiegħu dawk il-ħobż u l-inbid inbidlu u saru l-Ġisem u d-Demm tiegħu. Allura l-mejda tal-Aħħar Ċena hija l-mejda tal-imħabba, tal-ġenerożità u tal-għotja sħiħa li Kristu jagħmel tiegħu nnifsu lid-dixxipli. “M’hemmx imħabba akbar minn din li wieħed jagħti ħajtu u lilu nnifsu lil oħrajn”! Hija l-mejda tal-bidla, meta l-ħobż u l-inbid inbidlu f’sustanza u f’realtà ġdida li hija l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.
Il-mejda tal-qadi
Imma l-mejda li fuqha Kristu għamel l-Aħħar Ċena hija l-mejda tal-qadi. L-ikla flimkien, il-qsim u l-bidla jwasslu biex Kristu jagħmel dak il-ġest li bih jaqdi lid-dixxiplu u lill-bniedem bil-ħasil tar-riġlejn. Din il-mejda għadha teżisti u aħna llejla ninsabu miġburin u mdawrin magħha. Din il-mejda, li tirrappreżenta l-mejda tal-Aħħar Ċena, hija l-altar imqaddes. L-altar ilaqqagħna flimkien ħalli aħna wkoll naqsmu ma’ xulxin il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. “Il-kalċi li aħna nbierku m’hux il-kalċi tad-Demm tal-Mulej? Il-ħobż li aħna naqsmu m’hux il-Ġisem tal-Mulej?”.
Sfortunatament għandna Kristjani li jiltaqgħu madwar il-mejda imma ma japprezzawx li jirċievu lil Ġesù Ewkaristija fit-tqarbin imqaddes, u għalhekk inħeġġiġkom biex meta niltaqgħu madwar din il-mejda ma nonqsux li nersqu b’ħeġġa u b’devozzjoni biex nitmantnew b’dan il-Ħobż nieżel mis-Sema.
Il-mejda tal-bidla
Il-mejda tal-altar hija l-mejda tal-bidla, għaliex il-ħobż u l-inbid tal-offerta, li minn hawn u ftit ieħor sa rressqu fuq il-mejda, għall-kelmiet tas-saċerdot “Dan huwa Ġismi” u “Dan huwa Demmi” jinbidlu u jsiru sustanza u realtà ġdida. U ladarba sseħħ din il-bidla tal-ħobż u l-inbid għaliex m’għandhiex isseħħ ukoll il-bidla tal-Kristjan, il-bidla tal-komunità li titmantna minn din il-mejda?
Il-mejda tas-servizz
Il-mejda tal-altar ukoll twassalna għas-sagrifiċċju u għas-servizz. M’hemmx Ewkaristija vera jekk aħna ma niftħux qalbna għall-ħtiġijiet tal-proxxmu. M’hemmx Ewkaristija jekk ma tkunx imsieħba wkoll mill-offerta tal-karità u tal-imħabba li aħna nagħmlu. Imma jien tiġini f’moħħi mejda oħra, li hija l-mejda tal-Kelma ta’ Alla li hija preżenti fil-knejjes tagħna. Il-Kelma ta’ Alla tiġborna biex aħna naqsmuha flimkien, biex din il-Kelma tiftħilna qalbna u moħħna u tħeġġiġna biex inħobbu u naqdu lill-proxxmu tagħna. Tiġini f’moħħi mhux biss il-ġemgħa liturġika, bħalma hija tagħna llejla, imma dawk il-gruppi kollha li għandna fil-Knisja u li jiltaqgħu regolarment madwar il-mejda; fuq din il-mejda jkun hemm l-Iskrittura.
Inħeġġiġkom ħalli, issa li deħlin fir-raba’ fażi tal-Missjoni Djoċesana, il-fażi li fiha sa ssir il-proposta lill-komunità parrokkjali biex niltaqgħu iżjed fis-sala tal-Kelma fejn hemm il-mejda li fuqha tgħammar il-Kelma, tħallu l-Kelma toħloqkom mill-ġdid.
Il-mejda tal-familja
Jiena tiġini f’moħħi wkoll il-mejda li hemm fid-djar tagħna. Anki dik il-mejda tal-familja tagħna għandha tkun mejda Ewkaristika bħalma kienet dik ta’ Kristu fl-Aħħar Ċena. Għandha tkun mejda li tiġbor il-familja flimkien, u mhux qisna kulħadd bil-mejda tiegħu, kulħadd b’orarju differenti. Suppost li l-ħin tal-ikel jiġborna flimkien ħalli naqsmu mhux biss dak li hemm fil-borma imma s-sentimenti u t-tħassib tagħna, u hekk insiru nafu lil xulxin. Diżgrazzjatament għandna familji li ma jiltaqgħux, lanqas biex jieklu flimkien, aħseb u ara kemm sa jiltaqgħu biex jgħidu l-barka flimkien, li hija l-barka li qal Kristu fl-Aħħar Ċena, u kemm sa jiltaqgħu biex jitolbu flimkien. Il-mejda tal-familja trid tkun mejda li fuqha ninbidlu, u ninbidlu għall-aħjar.
Fuq il-mejda tal-familja wkoll jista’ jkun hemm dak il-miraklu li seħħ fl-Aħħar Ċena u sseħħ dik il-bidla tal-qalb, bit-tama li jiġu megħluba l-kunflitti u d-differenzi li flok jaqdu lill-familja jifirduha. Tistgħux timmaġinaw ħaġa aktar straordinarja milli jkollok żewġ imwejjed fil-familja, għax fuq waħda jiekol ir-raġel u fuq waħda tiekol il-mara?
Għajnuna lill-vittmi tat-terremot fl-Italja
Għeżież tiegħi, meta llejla qed niċċelebraw il-festa solenni tal-Ikla li Kristu għamel u li joffrilna fuq l-altar, ejjew immorru lura lejn djarna u nittrasformaw il-mejda tad-dar tagħna f’altar li fuqu ssir l-offerta kollha mħabba. Hija din il-mejda li mbagħad tiftaħ il-qalb tal-familja mhux biss għal xulxin imma wkoll għall-barrani u għall-ħtiġijiet tal-proxxmu tagħna. Intom taraw bħali l-aħbarijiet li qed jaslulna mill-Italja: xhieda li taqsamlek qalbek. Kif nistgħu aħna ma nħossux għal dawn ħutna? Propju għalhekk jiena tlabt li l-ġbir kollu li jsir fid-djoċesi tagħna fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira jmur bħala għotja ta’ karità lejn dawn ħutna.
Dawn huma l-ftit ħsibijiet li xtaqt naqsam magħkom illejla. L-esperjenza li sseħħ fuq il-mejda tal-Aħħar Ċena hija profondament umana u profondament divina. X’hemm iżommna milli fuq l-imwejjed l-oħra kollha li madwarhom niltaqgħu, bħalma huma dawk fil-ħwienet tagħna, fl-uffiċċji legali, fil-kliniċi u f’tant postijiet oħra, aħna nagħmlu differenza? Fil-Kristjani li jiltaqgħu madwar mejda għandu jkun hemm differenza, u din id-differenza sseħħ verament meta aħna nagħmlu ħilitna biex nagħtu s-sehem tagħna ħalli l-imwejjed tagħna jkunu jixbhu lill-mejda tal-Aħħar Ċena.