Il-Ministeru Petrin, Rigal għall-Knisja u għad-Dinja
Ir-raġuni li għaliha nġbarna hawn flimkien hija l-okkażjoni ta’ l-ewwel anniversarju tal-pontifikat tal-papa Benedittu XVI. Nixtieq insellem lilkom il-kappillani li taqsmu miegħi fil-missjoni li l-papa Benedittu għoġbu jafdali bħala ragħaj tad-djoċesi.
Insellem lilkom, sindki. Ftit ilu lqajtuni fi djarkom fiż-żjara fraterna li għamilt fil-lokalitajiet tagħkom. Intom ilqajtuni mhux bħala Dun Mario imma bħala isqof tagħkom u hekk saħħaħna r-rabtiet li hemm bejn is-soċjetà, l-amministrazzjoni ċivili u l-Knisja.
Il-laqgħa tagħna tal-lum hija wkoll manifestazzjoni tar-rabta u l-lealtà tagħna lejn il-papa Benedittu XVI. F’dik li hija fidi ħadd ma jitlaq għal rasu, għax il-fidi twassalna biex noħorġu mill-fosdqa privata tagħna u tgħinna għal rasna, imma f’komunità Kristjana mmexxija mill-Papa li jiggwidana u jagħtina linja żgura ta’ kif għandna nimxu. U dan kemm għalina li nemmnu u kemm għal dawk li ma jemmnux. Ngħid dan għaliex f’moħħi għadu ħaj ir-rikonoxximent mid-dinja kollha li ngħata lill-mibki papa Ġwanni Pawlu II. Dan ifisser li d-dinja tagħraf il-valur tal-ministeru Petrin. Il-Papa bil-kelma tiegħu, bit-tagħlim tiegħu u bix-xhieda tiegħu jgħinna nifhmu u napprezzaw id-dinjità tal-persuna umana.
Jien nitlob lil Alla jgħinna nħarsu din il-komunjoni. Fil-każ tiegħi jien ma nkunx isqof tal-Knisja jekk mhux marbut mal-Papa u l-kulleġġ ta’ l-isqfijiet. Ir-rispett tagħna lejn il-Papa nsarrfuh fil-komunjoni tagħna miegħu u ma’ xulxin. U għalhekk dan il-jum għandu jpoġġina f’mument ta’ riflessjoni li nsarrfuh f’komunjoni fil-familji, fil-parroċċi, fil-lokalitajiet u fil-pajjiż.
Inħeġġiġkom sabiex titolbu għall-Papa u nibgħatkom b’messaġġ biex twassluh fil-komunitajiet tagħkom. Għidulhom li l-Isqof għamel stedina biex nitolbu għall-Papa.
Grazzi talli lqajtu l-istedina tagħna. In-Nunzju Appostoliku, li ma setax ikun preżenti, jibgħat it-tislijiet tiegħu.