Il-Ministeru Saċerdotali
Iċ-ċirkustanza partikulari tal-lejla, meta aħna ltqajna biex, kif hu dover tagħna, nagħtu tislima u nitolbu għal wieħed minn ħutna, timbuttani biex anki fir-rakkont tal-Passjoni li għadna kemm qrajna nfittex ftit tad-dawl fuq min huwa s-saċerdot.
Min hu s-saċerdot?
Hemm ħafna indikazzjonijiet fir-rakkont li smajna, imma jien sa nsemmi tlieta. Nilmaħ lil Kristu li huwa s-saċerdot tal-Liġi l-ġdida, li minnu aħna nieħdu s-saċerdozju tagħna.
Il-ministeru tal-kult
Fir-rakkont li għadna kemm smajna Kristu huwa ppreżentat bħala l-ministru tal-kult, dak li jiċċelebra l-liturġija u dak li joffri s-sagrifiċċju. Anzi Kristu jżid xi ħaġa ġdida ma’ din il-ministerjalità tal-kult li kellu s-saċerdot tat-Testment il-Qadim, għaliex Kristu m’huwiex biss is-saċerdot li joffri s-sagrifiċċju imma li joffri lilu nnifsu bħala l-vittma li togħġob lil Alla, jiġifieri dak li smajna jseħħ fl-Aħħar Ċena x’ħin San Mark jirrakkonta kif Kristu ħa l-ħobż f’idejh u qal lill-Appostli: “Ħudu u kulu, dan huwa Ġismi”. Huwa għamel hekk ukoll meta ħa l-kalċi u qalilhom: “Ħudu u ixorbu, dan huwa l-kalċi ta’ Demmi”.
Aħna s-saċerdoti ġejna magħżulin biex noffru dan il-kult lil Alla, biex anki lilkom permezz tal-liturġija ngħinukom tagħmlu din l-offerta lil Alla. Il-Kristjan, bħal kull saċerdot, għandu joffri lilu nnifsu u jitwaħħad mal-vittma li huwa Kristu.
Il-ministeru profetiku ta’ Kristu
Meta wieħed jisma’ l-qari tar-rakkont tal-Passjoni ma jistax ma jintebaħx bil-ministeru profetiku li kellu Kristu. Ir-rakkont jibda bin-nasba li saret biex lil Kristu jaqbduh, jipproċessawh u jeħilsu minnu, u dan kien bħala konsegwenza tal-profezija tiegħu. Il-profeta huwa dak li mingħajr biża’ jitkellem f’isem Alla u li jipprova jgħix u jippriedka stil ta’ ħajja li forsi jkun f’kuntrast mal-istil tal-ħajja tan-nies. Bħala konsegwenza ta’ dan dak li jgħid il-profeta mhux dejjem jintgħoġob, ikun skomdu u allura jista’ jiġrilu li jieħu l-ħlas ta’ profeta, jiġifieri jsib ruħu minsub b’ingann ħalli mbagħad ikun hemm raġuni biex jiġi msikket u mwarrab.
Għeżież tiegħi, dan huwa wkoll ministeru tagħna. Irridu nkunu vuċi profetika fiż-żminijiet tal-lum. Dan nagħmluh billi niftħu widnejna bħalma kien jagħmel il-Qaddej Sofferenti ta’ Jaħweh li fuqu jitkellem l-ewwel qari, biex nisimgħu lil Alla jkellimna u jibgħatna biex inkunu vuċi profetika, anki jekk nafu li jista’ jiġrilna kif ġralu Kristu u jkun hemm min jaqla’ kontrina, jipprova jwarrabna jew isikkitna.
Il-ministeru ta’ gwida
It-tielet ministeru li jnebbaħni bih il-vanġelu tal-lum huwa l-ministeru ta’ gwida. Dan deher meta Pilatu lil Kristu staqsieh: “Inti s-sultan tal-Lhud?”, u mbagħad fuq is-salib ġiet imwaħħla l-kitba: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”. Ġesù kien is-Sultan fis-sens li kien il-mexxej il-ġdid li jgħin lill-poplu ta’ Alla joħroġ mill-iskjavitù u jagħmel l-Għid biex jidħol fl-Art Imwiegħda, fis-Saltna ta’ Alla.
Dan huwa wkoll il-ministeru tas-saċerdoti tagħna, li minkejja d-dgħufija tagħna aħna nippruvaw inkunu għalikom gwida u ngħinukom timxu fid-direzzjoni t-tajba, kemm meta ngħinu biex indawlu l-kuxjenza individwali tagħkom u kemm meta ngħinu biex tiddawwal il-kuxjenza kollettiva bħala soċjetà.
Dun Pawl u t-twettiq ta’ dan il-ministeru
Dawn huma t-tliet aspetti li kellu Kristu u li għandu kull saċerdot. Jien persważ li l-ministeru pastorali li Dun Pawl ħaddem għal tnejn u ħamsin sena kien imwettaq b’kuxjenza ta’ dawn it-tliet ministeri. Huwa kien ministru tal-kult, u l-kult iċċelebrah mhux biss f’din il-parroċċa nativa tiegħu imma wkoll f’postijiet oħra. Huwa wettaq il-ministeru profetiku permezz tal-Kelma, anki jekk dan swielu prezz. Huwa ma qatax qalbu u, animat mill-eżempju tal-patruni tagħkom San Pietru u San Pawl, ipprova jkun għalikom gwida. Min jaf kemm minnkom li tafuh tħossukom grati għal dak li qalilkom f’widnejkom biex għenkom issawru u tiffurmaw kuxjenza.
Għeżież tiegħi, illum niċċelebraw id-daħla ta’ Kristu fil-belt ta’ Ġerusalemm, u filwaqt li nħeġġeġ lil dawn ħuti saċerdoti biex ma jibżgħux jidħlu fil-belt tal-lum, anki jekk nafu li f’mument ser jgħidulek “Hosanna” u f’mument ieħor “Sallbu”, nappella lilkom ilkoll biex tweżnuna bit-talb tagħkom. Din hija għajnuna siewja ħafna li intom tagħtuna biex ngħixu bil-fedeltà l-vokazzjoni tagħna u biex ngħinukom b’dawn it-tliet modi ta’ ministerjalità li semmejtilkom. Nitolbu għal dan ħuna biex il-Mulej jagħtih il-glorja tal-Ġenna u għal ħutna s-saċerdoti kollha.