Aqbeż għall-kontenut

Il-Missjoni tal-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex

IL-MISSJONI TAL-ISKEJJEL TAL-KNISJA F’GĦAWDEX

L-iskejjel tal-Knisja huma investiment inestimabbli għas-soċjetà tagħna, imma daqstant ieħor u iktar huma riżorsa validissma għall-Knisja. Filwaqt li l-kotra jirrikonoxxu l-ewwel aspett, it-tieni dimensjoni mhix apprezzata biżżejjed, b’xorti ħażina lanqas minn xi wħud li jiffurmaw parti mill-korp akkademiku u amministrattiv tal-istess skejjel. Għalija din hija ħaġa serja, u kien għalhekk li lqajt bil-ferħ l-istedina tagħkom biex naqsam magħkom ftit riflessjonijiet dwar il-viżjoni ekkleżjali li għandu jkollha l-iskola Kattolika. Fl-aħħar mill-aħħar huwa dmir tiegħi bħala Isqof tad-Djoċesi li ngħinkom fil-missjoni tagħkom, għax kif tgħid il-Liġi tal-Knisja, “l-Isqof djoċesan għandu d-dritt li jieħu ħsieb u jżur l-iskejjel Kattoliċi li jinsabu fit-territorju tiegħu” u “jagħti dispożizzjonijiet dwar it-tmexxija ġenerali tagħhom” (CIC, kan. 806§1).

Il-Knisja tagħraf is-siwi tal-iskejjel Kattoliċi għax meta dawn “ifittxu li jqabblu flimkien il-missjoni edukattiva max-xandir espliċitu tal-Vanġelu, qed jagħtu kontribut validu tassew għall-evanġelizzazzjoni tal-kultura, anki fil-pajjiżi u l-bliet fejn is-sitwazzjoni ostili tqanqalna biex inħaddmu l-kreattività tagħna ħalli nsibu toroq xierqa” (Evangelii gaudium,134). Fil-fatt, il-Knisja “tinvesti” fl-iskejjel tagħha mhux biex toffri servizz sostituttiv jew kumplimentari għal dak li joffri l-Istat, imma għaliex temmen li l-iskola Kattolika hija espressjoni partikulari ta’ sussidjarjetà għall-komunitajiet ekkleżjali l-oħra, partikularment għall-komunità parrokkjali. Issa jekk “il-parroċċa hija l-ewwel post fejn tinsab il-Knisja, anzi b’xi mod, il-Knisja li tgħammar f’nofs id-djar ta’ wliedha” (Christifideles laici, 26), allura l-iskola Kattolika wkoll hija “post fejn tinsab il-Knisja, anzi b’xi mod, il-Knisja li tgħammar f’nofs uliedha l-istudenti”.

Bir-raġun qalbi faret bil-ferħ meta fl-okkażjoni tal-festi tal-Milied kelli żjara mill-istudenti tar-raba’ sena f’waħda mill-iskejjel primarji tagħna u wieħed minnhom qalli: “Aħna ma aħniex skola tal-Knisja imma Skola Knisja”. Mingħajr ma kien jaf, dak it-tfajjel għamel eku ta’ konvinzjoni profonda li nġorr fija bħala Isqof.

Meta niddefenixxu l-iskola Kattolika bħala “Knisja” jfisser li qegħdin nistabbilixxu d-DNA ta’ dan l-organu. Illum saru ħafna riformi fil-qasam skolastiku nazzjonali, imma b’xorti ħażina bħal donnu l-impenn huwa aktar fuq il-modalitajiet organizzattivi tas-sistema milli fuq in-natura u l-għanijiet edukattivi. Minħabba dan in-nuqqas ta’ ċarezza dwar dawn il-prijoritajiet tas-sistema edukattiva qed ikollna naffrontaw sfidi ġodda, bħalma huma dawk li l-Papa Benedittu XVI sejjaħ l-“emerġenza edukattiva” u “l-qasma bejn il-ġenerazzjonijiet”. F’ittra li kien bagħat fil-21 ta’ Jannar 2008 lid-Djoċesi ta’ Ruma dwar il-missjoni tal-iskejjel Kattoliċi, il-Papa Benedittu kien qal li dawn l-isfidi ma humiex l-effett imma l-kawża, u proprju għaliex l-iskola ma baqgħetx tittrażmetti ċertezzi u valuri. Għax meta jiġu nieqsa l-pedamenti u l-veritajiet essenzjali, allura terġa’ titla’ fil-wiċċ u ssir aktar qawwija l-ħtieġa ta’ dawk il-valuri. Għaldaqstant, il-bniedem jerġa’ jibda jfittex edukazzjoni fil-veru sens tal-kelma. Il-mistoqsija ssir mill-ġenituri li llum huma mħassba dwar il-ġejjieni ta’ wliedhom; jagħmluha l-għalliema li qegħdin jaraw li kulma jmur il-livell tal-iskola dejjem nieżel; jistaqsu wkoll l-istudenti li ma jridux li jitħallew waħedhom meta jiġu biex jaffaċċjaw l-isfidi.

Qegħdin ngħixu fi klima kulturali li toffri sfidi mhux żgħar lill-edukaturi li jridu jgħinu lill-ġenerazzjonijiet li telgħin jikbru. L-istudenti, anki jekk għadhom f’età żgħira, huma mimsusa mill-effett ta’ ċerti fenomeni li qed jinbtu fis-soċjetà tagħna, bħalma huma l-eklissi tas-sens ta’ Alla, ħajja interjuri lluppjata, dubji dwar l-istess identità personali f’kuntest pluralista u frammentat, id-diffikultà ta’ djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet, il-firda bejn l-intelliġenza u l-affettività, l-awtonomija tal-bniedem, ir-relattiviżmu quddiem il-verità… F’kelma waħda, illum il-bniedem bħal donnu “mitluf” prinċipalment għax jinsab “konfuż” dwar l-istess identità tiegħu. Għalhekk, din hija s-sejħa tal-edukaturi, li mill-professjoni tagħhom huma mistennija li jgħinu mhux biss biex ikun hemm żvilupp tal-intelliġenza imma biex ikun hemm formazzjoni sħiħa tal-aspetti kollha tal-personalità, li jakkumpanjaw lill-istudenti biex jiskopru min hu l-bniedem, x’inhu d-destin tiegħu, x’inhu l-fundament tat-tamiet tagħna, u l-bqija. Huwa minnu li dawn it-temi f’ċertu sens ma humiex fil-kurrikulu, imma kif jgħid il-qawl, biex tgħallem il-Latin lil Ġanni, trid tkun taf lil Ġanni… u Ġanni jrid ikun jaf lilu nnifsu! Peress li l-kriżi kulturali li qed naffaċċjaw illum hija dwar min hu l-bniedem, ma nistgħux noħorġu minn din l-emerġenza edukattiva jekk l-iskola ma twassalx mill-kanali ordinarji tas-sistema kontenut kulturali u antropoloġiku.

Għall-għalliema Kattoliċi, speċifikament għall-iskejjel tal-Knisja, il-programm huwa miktub fuq il-ħajt: il-bniedem fid-dawl tal-Vanġelu. Għall-antropoloġija Kristjana, Kristu bit-tagħlim tiegħu huwa l-prototip tal-bniedem: il-bniedem li jgħix f’relazzjoni mal-oħrajn, miftuħ għat-traxxendent, imżejjen bil-libertà li jrid iħaddimha b’responsabbiltà. Fid-dawl tal-Vanġelu l-proposata edukattiva fi skola Kattolika tipproponi l-valuri umani marbuta mal-verità, mal-ġustizzja, mal-imħabba universali, mal-maħfra u mal-ispirtu ta’ fraternità – u dan f’kuntrast ma’ kultura li ma tirrispettax id-dinjità tal-bniedem, li tedha fil-gideb, qed tegħreq fl-inġustizzji, egoista, ma tafx x’inhi maħfra, u tant hi fis-sakra tal-kompetizzjoni li, biex tirbaħ, tissagrifika lill-bniedem!

Għalhekk inħoss li l-karatteristiċi li jiffurmaw l-identità tal-iskola Kattolika huma dawn:

Il-proġett edukattiv irid jispeċifika b’mod ċar x’inhi l-ispirazzjoni kulturali bażika u x’inhi l-viżjoni li għandu tal-ħajja, tal-persuna u tal-edukazzjoni. L-ispeċifiku tal-iskola tal-Knisja huwa li din il-proposta kulturali, li sserraħ fuq il-viżjoni Nisranija ta’ persuna, tfittex li tgħaqqad il-fidi mal-kultura, il-fidi u l-ħajja.

Il-mira tal-edukazzjoni għandha tkun l-edukazzjoni morali. Mhux fis-sens li lill-istudenti ngħallmuhom il-liġijiet u li jekk dawn ma jiġux imħarsa hemm il-kastig, imma fis-sens li l-istudent, anki minn età żgħira, jitgħallem jagħmel għażliet ħielsa u responsabbli tat-tajjeb. “L-edukazzjoni ġġib magħha d-dmir li nipproponu libertajiet responsabbli, li meta l-ulied isibu ruħhom f’salib it-toroq jafu jagħżlu b’sens komun u intelliġenza; persuni li jifhmu sewwa li ħajjithom u l-ħajja tal-komunità tagħhom tinsab f’idejhom u li din il-libertà hija don tal-għaġeb” (Amoris lætitia, 262), u li “dak li jiswa fuq kollox hu li nnisslu fl-ulied, b’ħafna mħabba, proċess ta’ maturazzjoni tal-libertà tagħhom, li jħejjihom, jgħinhom jikbru b’mod sħiħ, ixettel fihom awtonomija awtentika. Hekk biss dak l-iben iħossu armat bl-elementi li jeħtieġ biex jagħraf jiddefendi lilu nnifsu b’intelliġenza u għaqal f’ċirkustanzi ibsin. Għalhekk il-mistoqsija l-kbira mhijiex fejn jinsab fiżikament ibnek… imma fejn jinsab f’sens eżistenzjali, fejn qiegħed f’dawk li huma konvinzjonijiet, għanijiet, xewqat, il-pjan ta’ ħajtu. Għalhekk il-mistoqsijiet li nagħmel lill-ġenituri huma: ‘Qed infittxu li nifhmu “fejn” waslu tabilħaqq uliedna fil-mixja tagħhom? Fejn qiegħda tassew qalbhom, nafu xejn? U fuq kollox: dan irridu nafuh?’” (AL, 261)

Dan il-proġett irid ikun owned mill-istaff tal-iskola u l-familji. Huwa ta’ importanza fundamentali li l-għalliem jagħti xhieda ta’ dan kollu u l-ħidma tiegħu ma tkunx biss waħda didattika imma ta’ akkumpanjament personalizzat u kollu mħabba ma’ kull student. L-għalliem ma jistax ma jurix lill-istudent li hu/hi wkoll hu mħeġġeġ biex jikber fl-għarfien tal-verità, isir jaf aktar lil Alla u li din it-tfittxija qed jagħmilha flimkien mal-istudent. F’dan il-kuntenst il-mudell pedagoġiku huwa Ġesù Kristu, dak li meta sar bniedem “ingħaqad ma’ kull bniedem”. Dan kollu jgħin biex fil-konfront tal-istudenti l-għalliem juri li huwa mhux “is-superjur” imma “ħuhom il-kbir” li miexi magħhom fit-tfittxija għas-sewwa. Hekk tinbet relazzjoni personali bejn l-għalliem u l-istudent, element distintiv u mhux sekondarju tal-prassi tal-iskola Kattolika.

Semmejt aktar ’il fuq li “l-ekkleżjalità tal-iskola Kattolika hija miktuba fil-qalb stess tal-identità tal-istituzzjoni skolastika” u li “d-dimensjoni ekkleżjali tal-iskola mhix xi nota miżjuda imma kwalità proprja u speċifika, karattru distintiv li jidħol u jifforma kull mument tal-azzjoni edukattiva tagħha, hija parti fundanti tal-identità tagħha stess u punt importanti tal-missjoni tagħha” (Ittra tal-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika dwar l-iskola fuq l-għatba tat-tielet millennju, 28 ta’ Diċembru 1997, 11).

Għalhekk, billi l-iskola Kattolika hija “Knisja”, hija twettaq il-missjoni edukattiva tagħha wkoll billi l-istess skola tkun komunità ta’ fidi li ddakkar lil dawk li jkunu fiha bis-sens ta’ Alla. Għaldaqstant l-iskola Kattolika tant hija parti min-nervatura tal-ġisem tal-Knisja lokali, illi djoċesi tkun fqira jekk ma jkollhiex skola Kattolika u l-azzjoni evanġelizzatriċi tagħha tkun nieqsa minn element essenzjali. L-iskola Kattolika ma tistax ma tħosshiex li hija ħolqa fid-Djoċesi u għalhekk ma tistax ma timxix il-mixja tal-Knisja djoċesana. Il-programm tal-iskola għandu jagħti kas tal-proposta tad-Djoċesi. Min-naħa l-oħra, id-Djoċesi (il-poplu ta’ Alla) ma tistax ma tħossx u ma tittrattax l-iskola Kattolika bħala parti importanti mill-istruttura. Għalhekk l-iskola Kattolika hija “skola tal-komunità Nisranija”.

Kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II, l-iskola Kattolika “għandha bħala skop li toħloq fil-komunità tal-iskola atmosfera animata mill-ispirtu tal-Vanġelu ta’ libertà u ta’ karità” (Gravissimum educationis, 8). Il-komunjoni hija element importanti fl-iskola Kattolika. Qabel ma hija għażla pedagoġika, l-għaqda fl-iskola Kattolika hija espressjoni tan-natura stess tal-Knisja li hemm fiha stess. Fi spirtu ta’ komunjoni, wieħed mhux biss huwa tollerat imma għandu jitqies bħala riżorsa u rigal.

F’kuntest bħal tagħna fejn qed jikber il-fenomenu ta’ studenti barranin li jaslu b’bagalji ta’ kulturi, drawwiet u fehmiet differenti, l-isfida tal-komunjoni ssir aktar qawwija. Quddiem atteġġjamenti razzisti u ksenofobiċi, l-iskola Kattolika għandha sservi ta’ pjattaforma ta’ konfront u djalogu interkulturali.

Din il-komunjoni għandha tidher ukoll fir-relazzjoni u l-kollaborazzjoni li jkun hemm bejn l-istess skejjel Kattoliċi u skejjel oħrajn.

Għalkemm l-iskola Kattolika hija faith school, tibqa’ miftuħa għal studenti Nsara mhux Kattoliċi u studenti mhux Insara. Jekk, kif għidna, l-iskola hija għodda ta’ evanġelizzazzjoni, bil-proġett edukattiv tagħha taf tkun proposta ta’ fidi għall-istudenti (familji) li għandhom twemmin differenti minn tagħna. Dan l-iskola tagħmlu b’rispett sħiħ tal-libertà reliġjuża.

L-iskola Kattolika toffri opportunità lil kulħadd, b’mod partikulari lil dawk li jinsabu f’qagħda żvantaġġjata. Fl-iskola tagħna ma għandu jkun hemm ebda preferenza, ħlief l-għażla preferenzjali tal-foqra u d-dgħajfin (ninkludi l-istudenti b’diżabbiltà) li ma jistgħux jiġu mċaħħda li jieħdu sehem fi proġett edukattiv, anki jekk dan jiswielna l-flus! “Meta San Pawl mar qagħad mal-Appostli f’Ġerusalemm biex jiddixxerni tajjeb jekk kienx qed jiġri żżejjed jew kienx ġera għalxejn, il-kriterju muftieħ ta’ awtentiċità li wrewh kien li ma jinsiex il-foqra” (EG, 195). Barra minn hekk, l-imħabba lejn il-foqra nixtieqha tkun waħda mill-miri privileġġjati tal-iskola, billi fl-istudenti nrawmu attenzjoni għall-foqra – għax “din l-attenzjoni ta’ mħabba hi l-bidu ta’ tħassib veru għall-persuna (tal-ieħor) u rridu nitilqu minnha biex nistgħu nfittxu b’mod effettiv il-ġid tiegħu… Mill-imħabba li biha nsibu gost fil-persuna l-oħra jiġi li noffrulha xi ħaġa b’xejn. Il-fqir, meta hu maħbub, hu meqjus ta’ valur għoli, u dan li jagħmel differenti l-għażla vera favur il-foqra minn ideoloġija oħra… minn kull tentattiv li jintużaw il-foqra għas-servizz ta’ interessi personali u politiċi” (EG, 199).

L-iskejjel tal-Knisja dejjem kienu għodda pastorali valida, imma fiċ-ċirkustanzi tal-lum jien inqishom bħala ħtieġa, għaliex joffrulna opportunità tad-deheb. L-iskejjel huma spazji ta’ kultura u l-evanġelizzazzjoni tiswa biex il-kultura verament tgħin lill-bniedem ikun bniedem. Inħeġġeġ għalhekk lill-edukaturi kollha kollaboraturi fil-ministeru tiegħi biex jgħinu ħalli jitwettaq dan il-proġett.

pdf · 74.43 KB Niżżel