Aqbeż għall-kontenut

Il-Moralità Pubblika

Fl-omelija li għamel fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġwann Battista li saret fix-Xewkija nhar il-Ħadd 24 ta’ Ġunju 2012, l-Isqof Mario Grech tkellem dwar il-moralità pubblika.

“L-għarfien u t-tisħiħ tal-moralità pubblika għandu jkun wieħed mill-programmi politiċi ewlenin tas-soċjetà tagħna! Frott tal-kurrent tal-ħsieb li jsostni li l-ħajja pubblika ma għandhiex x’taqsam mal-morali, qed tikber il-qasma bejn morali privata u dik pubblika. Dan l-orjentament huwa riskjuż ħafna: ma nixtgħux nibnu fis-sod il-qafas soċjali mingħajr pedament etiku.

Il-ħajja pubblika hija nisġa ta’ relazzjonijiet umani u għaldaqstant għandna dimensjoni morali. Billi l-etika pubblika tolqot l-aspetti pubbliċi tal-ħajja umana, aktar ma t-temi pubbliċi jkunu kbar, aktar jitolbu valutazzjoni morali serja!

Meta l-moralità pubblika hija marida aktar hemm lok għal malpractice, inġustizzji u korruzzjoni mill-amministrazzjoni pubblika. Il-moralità pubblika ma torbotx biss li min hu fl-awtorità pubblika imma wkoll liċ-ċittadin. Huwa fatt li xi drabi huwa ċ-ċittadin li jinbex biex ikun hemm imġiba pubblika korrotta! Sfortunatament il-klijenteliżmu fil-ħajja pubblika kien u għadu jeżisti! Hemm każi fejn tinduna li dak li jgħodd mhux x’taf imma lil min taf! Sfortunatament kemm fis-saff ta’ fuq kif ukoll fil-livell ta’ isfel, hemm min huwa kuntent f’din is-sistema.

Prinċipju bażiku tal-moralità pubblika huwa r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Meta fis-soċjetà tagħna dawn id-drittijiet huma mħarsa, ikollna inqas qrati, ġlied u mibegħda bejnietna! Fost dawn id-drittijiet insemmi d-dritt għax xogħol. Peress li hawn min jaħseb li x-xogħol huwa karità, mhux biss għad għandna “tallaba” tax-xogħol iżda hemm ukoll min, minħabba l-prekarjetà tax-xogħol, anke meta d-drittijiet tiegħu mhumiex rikonoxxuti, jibqa’ b’fommu mitbuq għax jibża’ li jitkeċċa.

Il-ġustizzja soċjali tagħmel parti mill-moralità pubblika. It-tqassim tal-ġid għandu jsir b’mod ġust bejn kulħadd. Ma tkunx sistema soċjali tajba jekk min għandu jitkattarlu u min ma għandux jibqa’ b’idejh vojta! Soċjetà b’sinsla morali soda tara li l-fqir u ż-żgħir ikunu diskriminati b’mod pożittiv. Imma mbagħad mhux sew li jkun hemm min jabbuża mis-servizzi soċjali, bħal fil-każ ta’ min jirtira mix-xogħol qabel iż-żmien (boarded out) b’ċertifikati foloz!

Il-moralità pubblika hija boxxla tajba għall-ġbir tat-taxxi. Hija sistema ġusta jekk it-taxxa tkun proporzjonata għad-dħul li jkollu ċ-ċittadin – aktar ma jkun kbir il-qliegħ, aktar tkun il-kontribuzzjoni. F’dan ir-rigward, anke ċ-ċittadin għandu d-dmir morali li joqgħod għal-liġi tat-taxxa u għalhekk kull xorta ta’ evażjoni tat-taxxa hija moralment ħazina. Mhux moralment korrett li wieħed jikkollabora biex ma titħallax il-VAT.

Kieku l-moralità pubblika hija b’saħħitha, kieku la jkollna daqshekk serq u lanqas nittollerawh! Ħasra li l-kunċett tagħna ta’ serq huwa dejjaq ħafna. Min jassenti ruħu minn fuq ix-xogħol ikun qiegħed jisraq. Okkupazzjoni ta’ art pubblika mill-privat hija serq.

Il-moralità pubblika tirrigwarda mhux biss lill-uffiċċjali pubbliċi imma wkoll lill-istess istituzzjonijiet. Interessanti li wieħed jistaqsi x’tip ta’ moralità hija segwita fl-istituzzjonijiet bankarji, fil-media, fl-isptarijiet u fl-għaqdiet sportivi.”

_____________________

pdf · 63.18 KB Niżżel