Il-Papa Benedittu XVI
Il-Vanġelu li għadu kif tħabbrilna jgħidilna li kienu ħafna dawk il-morda li kienu jiġru wara Ġesù biex ifejjaqhom. Għeżież tiegħi, il-bniedem tal-lum ukoll huwa dgħajjef u marid fis-sens wiesa’ tal-kelma, u jixtieq isib min jagħtih il-mediċina għall-fejqan. U jekk aħna llejla ltqajna biex nitolbu lil Alla għall-ħtiġijiet tal-Papa Benedittu, jien illejla narah bħala t-tabib providenzjali li Alla ta lill-Knisja u lid-dinja. Mhux ta’ b’xejn li kull fejn kien ikun preżenti, folol kbar ta’ nies jinġemgħu madwaru, jixtiequ li jkollhom dak il-kuntatt dirett miegħu, għax għandhom fiduċja li huwa t-tabib li jfejjaq!
Lill-Missier tagħna l-Papa f’dawn it-tmien snin rajnieh jeżerċita l-Ministeru Petrin tiegħu biex iwarrab ċertu mard mill-bniedem u mis-soċjetà, imma rajnieh ukoll ipoġġi l-balzmu fuq il-ġrieħi tal-bniedem miġruħ, biex jgħinu jerġa’ jikseb is-saħħa tiegħu. Jekk nieqfu nirriflettu, aħna wkoll gawdejna, ibbenefikajna minn din il-qawwa li tfejjaq li Kristu l-Mulej, it-Tabib ewlieni, mar jafda f’idejn Pietru tal-lum.
X’tip ta’ fejqan offrielna l-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu? Jien ngħid li l-Papa kien vuċi li għenet biex il-bniedem jegħleb il-faqar materjali. Fit-tagħlim tiegħu hemm paġni sbieħ dwar dik li hija l-ġustizzja soċjali, li hija r-riga biex kemm jista’ jkun mhux biss ma jiżdiedx il-faqar, imma jkun hemm tqassim ġust tal-ġid materjali. Il-Papa Benedittu għen lill-bniedem ifiq meta kien mirfus fid-drittijiet fundamentali tiegħu. Għandna għalfejn inkunu kburin aħna għaliex il-Kap tal-Knisja tagħna huwa vuċi magħrufa minn ħafna ambjenti, anki li mhumiex Insara; vuċi illi tħares u tiddefendi l-jeddijiet fundamentali tal-bniedem anki meta l-bniedem għadu ma twelidx, għax ikun għadu fil-ġuf.
Il-Qdusija Tiegħu l-Papa fejjaq lis-soċjetà meta saħaq li għandu jkollna soċjetà iktar umana, u r-riċetta tiegħu ma kinitx xi filosofija jew xi ideoloġija politika, imma kienet il-Vanġelu ta’ Kristu. Il-Papa Benedittu, f’ħinu u barra minn ħinu, xandar lil Kristu bħala l-Feddej tal-bniedem, bħala l-mudell li fuqu għandha titfassal mhux il-ħajja tan-Nisrani, imma l-ħajja ta’ kull bniedem.
Kieku għamel daqshekk biss, diġà ta kontribut biex jgħib il-mard u biex jgħibu l-kawżi li joħolqu l-mard; imma għamel iktar minn hekk! Il-Papa Benedittu fit-tagħlim tiegħu wera biċ-ċar kemm jemmen fir-raġuni, jiġifieri fil-fakultà li għandu l-bniedem biex jirraġuna, u kemm-il darba pprova joħloq pont bejn ir-raġuni u l-fidi. F’ċertu sens nistgħu ngħidu li l-Papa, li huwa bniedem reliġjuż, aktar jemmen fil-qawwa tar-raġuni mill-istess lajċisti, minn dawk li jiftaħru li r-raġuni hija kollox; u dan għaliex Benedittu kemm-il darba pprova jgħin lill-bniedem naturali jħaddem b’mod korrett il-fakultà tar-raġuni biex biha jinfetaħ għal Alla. Kemm-il darba huwa wriena li l-bniedem bil-ħila anki naturali ma jistax jingħalaq fih innifsu, imma huwa miftuħ għal Alla. B’dan il-mod jien ngħid li huwa pprova jfejjaq din il-fakultà tar-raġuni tagħna l-bnedmin, li mhux fejqan taċ-ċajt!
Imma l-Papa fejjaqna wkoll spiritwalment, kemm meta għenna biex nagħrfu x’inhu l-mard spiritwali, u kemm fl-għajnuniet u s-sustanza li huwa tana bit-tagħlim tiegħu u bil-maġisteru tiegħu, ħalli aħna nixxenqu biex il-bniedem jikber fl-intimità tiegħu u l-għarfien tiegħu ta’ Ġesù Kristu.
U jekk il-Papa Benedittu huwa bniedem ta’ kultura u li kapaċi jirrelata fuq livell ta’ intelliġenza, aħna għandna wkoll Papa mimli bl-ispirtu ta’ Alla, li kemm lill-Knisja u kemm lid-dinja għaraf idewwaqna l-ħlewwa tal-Ispirtu.
Imma l-Vanġelu jgħidilna xi ħaġa oħra: li l-dixxipli kienu fuq id-dgħajsa. Propju fil-passaġġ ta’ qabel dak li qrajna llum, San Mark jgħidilna li meta d-dixxipli kienu fuq id-dgħajsa, beda jqum ir-riħ u bdew jibżgħu, imma xħin ġie l-Mulej Ġesù u qagħad fuq it-tmun td-dgħajsa, hemmhekk serrħu rashom. Għeżież tiegħi, aħna wkoll rekbin fuq id-dgħajsa ta’ Pietru, aħna wkoll ninsabu f’baħar miftuħ, mewġ għoli u xi drabi baħar selvaġġ, u naħbtu nibdew naqtgħu qalbna għaliex nibżgħu li mhemm ħadd fuq it-tmun. Imma aħna għal dawn it-tmien snin kellna tmunier tajjeb ħafna: kellna lil Benedittu, li għaraf jinnaviga u jmexxi d-dgħajsa minn imwieġ u maltempati mhux żgħar. Aħna konna fiż-żgur li b’Benedittu fuq it-tmun, id-dgħajsa ħa tofroq l-imwieġ.
Imma issa b’dak li qalilna dalgħodu, meta tana l-aħbar li wasal iż-żmien ħalli jgħaddi t-tmun f’idejn ħaddieħor, jiena nifhem li anki fikom, bħalma seħħ fija, kien hemm waqtiet ta’ biża’, ċerta diqa u ċertu niket, għax konna drajna b’Benedittu fuq it-tmun! Imma intom taħsbu li Sid id-dgħajsa ħa jħalliha mingħajr tmunier tajjeb? Ma tafux illi kif ipprovdielna lil Ġwanni Pawlu II u lil Benedittu, fi ftit ġimgħat oħra wkoll jaf jagħtina xi ħadd biex ikun fuq it-tmun tad-Dgħajsa ta’ Pietru, jiġifieri Kap tal-Knisja, ħalli jkompli jmexxina fil-baħar tal-ħajja!
Jiena nista’ nifhem li hemm min forsi ma jifhimx din id-deċiżjoni – li jien ngħid hija deċiżjoni sofferta – li għamel il-Papa, ħaġa li mhux soltu ssir imma li hu għamilha. Jista’ jkun hemm min jiġih xi dubju u jgħid: “Imma kif ħalliena l-Papa! Kif telaqna?”. Għalija, il-Papa Benedittu huwa għajn ta’ ispirazzjoni kbira f’ħafna virtujiet: fl-umiltà tiegħu, fit-tjubija tiegħu, fil-fermezza tiegħu, fiċ-ċarezza tal-ħsieb tiegħu… Imma anki f’din id-deċiżjoni li għamel, jien inkompli nispira lili nnifsi minnu, għaliex jien konvint li għamilha frott l-imħabba kbira li għandu għal Kristu u għall-Knisja. Tant kemm iħobbna, ħass li issa li għandu l-età tiegħu u d-diffikultajiet naturali tiegħu, biex jista’ jkompli jkun ta’ servizz lill-Knisja fil-qadi tal-ministeru li għandu bħala Pietru, Vigarju ta’ Kristu fuq l-art, huwa ma jibqax marbut mas-siġġu – espressjoni li nisimgħu kuljum! – imma nfatam, iddistakka ruħu anki mill-awtorità tiegħu bħala Kap tal-Knisja universali. Dan għamlu mhux biex isalva ġildu, mhux għax marid serjament, imma għaliex ta’ bniedem ta’ Alla li hu, ta’ bniedem għaref li hu, ħass li wasal il-mument li, biex jista’ jwettaq aħjar il-ministeru tiegħu ta’ Pietru, jgħid: “Wasal il-mument li l-Mulej jibgħat lil xi ħadd ieħor ħalli jagħti servizz kif jixraq lill-Knisja”.
Nagħtikom eżempju… Xħin tkellimt ma’ Mons. Alfred Xuereb, qalli li t-tabib qal lill-Papa li ma jistax jagħmel vjaġġi twal. Imma huwa jaf li l-ministeru tiegħu ta’ Papa jitlob li hu ma jibqax magħluq fil-Vatikan, imma marbut ma’ dan il-ministeru hemm id-dimensjoni missjunarja. Issa hemm ippjanat il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li ser isir fil-Brażil, u biex il-Papa ma jċaħħadx lil dawk il-miljuni ta’ żgħażagħ li ser jinġabru biex jiċċelebraw lil Kristu fil-Jum Dinji tagħhom, huwa qal: “Jien niċċaħħad minn dan il-ministeru biex il-poplu ta’ Alla jkun moqdi aħjar”. Altru li huwa għerf u qdusija li għandna nammiraw f’Benedittu!
Dan kollu qed ngħidu biex aħna nżidu l-apprezzament u l-imħabba tagħna lejn il-Qdusija Tiegħu l-Papa, u filwaqt li nkomplu nwieżnuh bit-talb tagħna, nitolbu wkoll lill-Ispirtu ta’ Alla biex fil-ġimgħat li ġejjin jibgħatilna tabib bħalma kien Benedittu, tmunier bħalma huwa Benedittu, biex aħna nibqgħu f’saħħitna u d-Dgħajsa ta’ Pietru tasal fil-port tas-salvazzjoni.