Il-Pjaga Moħbija ta’ Ġesù
Sala tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu
Is-Sibt 7 ta’ Frar 2026
IL-PJAGA MOĦBIJA TA’ ĠESÙ
Meta nsemmu jew nitkellmu dwar il-Pjaga Moħbija, mill-ewwel titla’ fil-moħħ u l-qalb tagħna l-mistoqsija: ‘X’inhi l-pjaga moħbija tiegħi, tiegħek u ta’ kull wieħed u waħda minna?’.
Naħseb li lkoll kemm aħna għandna xi kantuniera fil-qalb tagħna, li forsi nafu aħna biss jew jafuha tassew ftit nies, forsi minn wieħed sa tnejn… dik il-ferita, dik il-ġrajja, dik l-istorja illi għalina hija pjaga, li ħafna drabi hi miftuħa u tkun għadha tnixxi d-demm.
Imma aħna nemmnu li l-pjagi tagħna, kif jgħid San Pietru fl-Ewwel Ittra tiegħu waqt li jikkwota lill-Profeta Iżaija, huma għajn mhux biss ta’ uġigħ, imma fuq kollox ta’ fejqan. San Pietru jgħidilna b’mod ċar: “Bil-pjagi tiegħu intom fiqtu” (2:24).
Aħna nfiqu mhux biss bil-pjagi tiegħu, imma bil-pjagi tagħna magħqudin ma’ tiegħu.
Kieku jkollna ngħidu kelma dwar il-Pjaga l-Moħbija ta’ Ġesù, li hija l-pjaga tal-ispalla tiegħu, inkunu qed nitkellmu mhux biss dwar il-pjaga fiżika, dak li refa’ fuq spallejh, li huwa s-salib, imma dwar dik li refa’ fil-persuna tiegħu, f’qalbu, f’moħħu. Imbagħad simbolu ta’ dan it-toqol narawh fil-ferita ta’ fuq spallejh.
X’refa’ Ġesù f’qalbu u fil-persuna tiegħu? Huwa refa’ l-imħabba ta’ Alla mweġġgħa, l-imħabba ta’ Alla li mhix korrisposta, l-imħabba ta’ Alla li bħala risposta min-naħa tagħna ssib id-dnub.
Din hija forsi l-qofol, il-verità, l-intimità, l-intensità ta’ din il-Pjaga Moħbija, jiġifieri t-toqol li Ġesù jerfa’ fis-salib, li fl-aħħar mill-aħħar hija l-laqgħa tal-imħabba infinita, kbira, mingħajr kundizzjoni ta’ Alla mal-limitu, mad-dnub, mal-egoiżmu, mal-interess li aħna kultant infittxu.
Għalhekk inħoss li din ir-riflessjoni li ser nagħmlu fis-Seminar mhux se tkun biss dwar Franġisk Portelli li qegħdin nikkommemoraw il-100 sena mill-mewt tiegħu, imma fuq kollox dwar il-persuna ta’ Ġesù: mhux biss Ġesù inkarnat ta’ elfejn sena ilu f’Nazaret jew fuq il-Kalvarju, imma Ġesù preżenti llum fil-Ġisem mistiku tiegħu, li San Pawl iħobb jgħidilna li aħna bit-tbatija tagħna, bil-ferita tagħna, bil-pjagi tagħna nkomplu mat-tbatija ta’ Ġesù, mas-salvazzjoni tad-dinja.