Il-Politika Riżorsa Għolja tal-Pajjiż
Iċ-ċittadini jkunu ferħanin jew qalbhom maqtugħa skont kif tkun taħdem is-sistema politika, kemm fuq livell nazzjonali u kemm fuq dak internazzjonali. Daqskemm il-politika tista’ tkun l-ogħla riżorsa fil-pajjiż li tippromovi d-dinjità umana u l-ġid komuni u hekk tnissel serħan il-moħħ, daqstant ieħor tista’ tkun abbużata b’mod li tagħti lok għall-inġustizzji u hekk tkattar id-diqa. Eżempju ta’ meta l-politika titneżża’ minn dik id-dinjità propja tagħha li tagħmilha arti nobbli ta’ tmexxija demokratika biex jintlaħaq il-ġid komuni, huwa l-fenomenu tal-“populiżmu” li jidher qed jerfa’ rasu fl-Ewropa. Dan il-fenomenu mhux biss huwa sintomu tal-kriżi li diġà teżisti, imma jkompli jgħin biex il-politika titlef kemm ir-ruħ etika tagħha u kemm l-ideali kbar tagħha.
Fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, il-Papa Franġisku joffri indikazzjonijiet biex jgħin lil dawk kollha ta’ rieda tajba jerġgħu jagħtu r-ruħ lill-politika. Mingħajr ebda dubju l-Papa għandu viżjoni pożittiva ħafna tal-attività politika. Fil-fatt huwa jgħid: “Nitlob lil Alla li jiżdied l-għadd ta’ politiċi li għandhom il-ħila jidħlu fi djalogu awtentiku li jfittex b’mod effikaċi li jfejjaq l-għeruq profondi u mhux biss id-dehra tal-ħażen fid-dinja tagħna. Il-politika, għalkemm spiss ikkritikata, hi vokazzjoni l-aktar għolja, hi waħda mix-xejriet l-aktar prezzjużi ta’ mħabba, għax tfittex il-ġid komuni. Hemm bżonn nikkonvinċu ruħna li l-imħabba ‘hi l-bidu mhux biss tar-relazzjonijiet iż-żgħar: ir-rapporti bejn il-ħbieb, dawk familjari, dawk fi grupp ċkejken, imma wkoll tar-relazzjonijiet il-kbar: ir-rapporti soċjali, ekonomiċi, politiċi’ (Benedittu XVI, Caritas in Veritate, 642). Nitlob lill-Mulej li jagħtina iżjed politiċi li tabilħaqq għandhom għal qalbhom is-soċjetà, il-poplu, il-ħajja tal-foqra” (EG 205).
Imma qabel ma nirreferi għall-erba’ punti kardinali indikati fl-Eżortazzjoni Appostolika mill-Papa Franġisku, li nistgħu nqisuhom bħala “il-boxxla biex ikun hemm politika tajba”, nixtieq nagħmel premessa li nqis bħala meħtieġa meta nikkunsidra li fostna għad hawn min, inklużi wkoll membri tal-Knisja, għadu jitfixkel meta l-Knisja tesprimi l-fehma tagħha dwar il-ħajja politika. Hawn min jemmen li l-Knisja għandha żżomm ’il bogħod minn kull diskussjoni dwar temi politiċi. Naqbel li l-Knisja la għandha bżonn tfittex il-forċina ta’ xi formazzjoni politika u lanqas għandha tiċċappas bil-politika partiġġjana; imma dan ma jfissirx li l-Knisja ma tistax tipproponi l-viżjoni tagħha dwar suġġetti vitali li jkollhom x’jaqsmu mad-dinjità tal-persuna u l-ġid komuni. Fil-fatt, il-Papa Franġisku jikkwota lill-Papa Pawlu VI meta jgħid li “l-evanġelizzazzjoni ma tkunx sħiħa jekk ma tagħtix kas ta’ kif jolqtu lil xulxin il-Vanġelu u l-ħajja konkreta tal-bniedem, sew bħala individwu, sew bħala membru tas-soċjetà” (EG 181). Il-politika u l-evanġelizzazzjoni huma relatati ma’ xulxin għaliex it-tnejn għandhom interess li kemm il-ġustizzja u kemm il-ġid komuni jkunu rispettati. Anzi, il-Papa Franġisku jemmen li l-politika tasal biex twettaq il-ħidma umanizzanti tagħha jekk hija tħalli lilha nfisha tiġi interpellata minn xi ħaġa ogħla minnha. Hu jikteb: “Huwa indispensabbli li dawk li jiggvernaw jgħollu ħarsithom u jwessgħu l-perspettiva tagħhom, li jagħmlu mod li jkun hemm xogħol dinjituż, edukazzjoni u servizz tas-saħħa għaċ-ċittadini kollha. U għaliex ma jdurux għand Alla biex idawwalhom fil-pjanijiet tagħhom? Jien konvint li jekk nitilqu minn dan il-ftuħ għat-traxxendenza, nistgħu naslu għal mentalità politika u ekonomika ġdida li tgħinna nissuperaw id-dikotomoija assoluta bejn l-ekonomija u l-ġid soċjali komuni” (EG 205).
Fid-dawl ta’ dan, l-Insara għandhom sehem partikulari x’joffru lill-fenomenu tal-politika. Huma jistgħu jgħinu biex il-politika, filwaqt li tibqa’ tgħożż il-lajċità tagħha, ma tingħalaqx għall-Assolut. Fil-fatt, esponenti awtorevoli tal-kultura lajka kontemporanja, bħalma huma Croce, Bobbio u Habermas, isostnu li l-politika għandha bżonn li tkun imwieżna minn dawk il-valuri traxxendentali ta’ oriġni reliġjuża. Barra minn dan il-fatt li l-bniedem huwa suġġett ċentrali għal Ġesù Kristu u l-Vanġelu tiegħu, l-Insara fil-politika mhux talli qatt ma għandhom iħossuhom barranin jew tollerati, imma jafu jkunu vuċi li tagħmel differenza fejn jidħlu temi bħalma huma l-ħajja umana, il-primat tal-persuna, il-familja, is-solidarjetà, is-sussidjarjetà u l-ġid komuni.
Kif jikteb il-Papa Franġisku, “fid-djalogu mal-Istat u mas-soċjetà, il-Knisja m’għandhiex soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet partikulari kollha. Minkejja dan, flimkien mad-diversi aġenti soċjali, hi ssieħeb dawk il-proposti li jistgħu jwieġbu bl-aħjar mod għad-dinjità tal-bniedem u għall-ġid komuni. Hi u tagħmel hekk, dejjem tipproponi b’mod ċar il-valuri fundamentali tal-ħajja umana, biex tittrasmetti konvinzjonijiet li mbagħad jistgħu jittraduċu ruħhom f’azzjonijiet politiċi” (EG 241).
Biex il-politika tagħraf tibni soċjetà mogħnija bis-sliem, il-ġustizzja u l-fraternità, il-Papa Franġisku jindika erba’ prinċipji evanġeliċi importanti:
Iż-żmien huwa aqwa mill-ispazju. Huwa jfisser li wieħed mid-dnubiet li kultant naraw fl-attività soċjo-politika jikkonsisti f’li nipprivileġġjaw l-ispazji tal-poter flok iż-żminijiet tal-proċessi. Jekk nagħtu prijorità lill-ispazji tal-poter, nispiċċaw niġġennu biex insolvu kollox fil-mument ta’ issa, biex nippruvaw nippossiedu l-ispazji kollha tal-poter u tal-affermazzjoni tagħna nfusna. Ifisser nipparalizzaw il-proċessi u nippretendu li nistgħu nwaqqfuhom. Nagħtu prijorità liż-żmien ifisser li naraw li nagħtu bidu għal proċessi iżjed milli nippossiedu spazji (EG 223). Nistaqsu: Politika tajba lil min għandha tagħti preċedenza? Lil proġetti immedjati, jew lil proġetti ta’ riforma li jieħdu ż-żmien biex jiġu implimentati? Mhux minnu li min jipprova jaħtaf l-ispazji kollha tal-poter biex hekk ikun jista’ jaħkem fuq ir-realtà, isir hu stess skjav ta’ dak li huwa kontinġenti u sekondarju? Atteġġjament bħal dan mhux ħieles mir-riskju li nitilfu l-viżjoni totali u nieqfu fil-partikular.
L-għaqda tirbaħ fuq il-kunflitt. Dan it-tieni kriterju evanġeliku li jagħtina l-Papa Franġisku huwa l-bażi ta’ dik li huwa jsejjaħ “il-kultura tal-laqgħa” jew “il-komunjoni fid-differenzi”, fis-sens li s-soċjetà għandha tfittex li tibqa’ magħquda minkejja li l-membri tagħha għandhom fehmiet u twemmin reliġjuż, politiku, ideoloġiku differenti. Huwa jikteb: “Il-kunflitt ma jistax jiġi injorat jew moħbi… imma jekk nibqgħu maqbudin fih, nitilfu l-prospettiva, ix-xefaq jillimita ruħu u r-realtà nfisha tibqa’ maqsuma f’elf biċċa” (EG 226). Il-kunflitti mhumiex xi ħaġa ħażina fiha nfisha, għax jekk nindirizzawhom bil-għaqal, “tinħoloq il-possibbiltà li tixxettel komunjoni tad-differenzi, li jħabirku għaliha biss dawk il-persuni nobbli li għandhom il-kuraġġ li jmorru ’l hemm mill-qoxra tal-kunflitti u jqisu lill-oħrajn bid-dinjità profonda tagħhom… Dan ma jfissirx li nirrikorru għas-sinkretiżmu, lanqas għar-realtà fejn wieħed jinxtorob fl-ieħor, imma għall-qbil dwar pjan ogħla li jiġbor fih il-potenzjalitajiet prezzjużi tal-polaritajiet li huma f’kuntrast ma’ xulxin” (EG 228). B’dan il-mod id-differenzi li jagħżlu minn xulxin lill-istess ċittadini, lill-gruppi jew formazzjonijiet oħrajn, ma għandhomx ikunu pretest biex nitkellmu b’nuqqas ta’ rispett lejn xulxin, imma pjuttost, propju għax hemm fundament antropoloġiku wieħed u l-istess dinjità umana, dawn iservu bħala opportunità biex nikbru flimkien u flimkien napprezzaw dak li hemm pożittiv fina.
Ir-realtà hija ogħla mill-idea. Dan it-tielet kriterju għandu jgħinna biex ikun evitat ir-riskju li jsiru proposti jew wegħdiet li ma jkunux jistgħu jitwettqu u għalhekk ikunu fiergħa. Il-Papa Franġisku jikteb: “Ir-realtà sempliċement hi, waqt li l-idea tiġi elaborata… Hu perikoluż li ngħixu f’saltna tal-kelma waħidha, tax-xbieha u tas-sofiżmu” (EG 231). L-osservazzjoni li qed jagħmel il-Papa hija serja, għax f’epoka fejn m’aħniex ħielsa milli nħallu lix-xjenzi empiriċi jmexxuna, tfajna wara spallejna r-realiżmu filosofiku. Konsegwenza ta’ dan, hemm min jifred il-verità mil-libertà, l-etika individwali u l-etika pubblika, il-liġi naturali mil-liġi pożittiva. Il-bniedem jista’ jfaqqas għadd ta’ ideat, imma mhux kull idea taqbel mar-realtà tal-ħajja. Huwa għalhekk li l-Papa jikteb li “ir-realtà hija aqwa mill-idea”.
Il-kollox huwa aqwa mill-parti. B’dan il-kriterju l-Papa jistieden lill-politiċi biex filwaqt li ma jittraskurawx dak li huwa lokali, jagħtu attenzjoni lid-dimensjoni globali: “Jeħtieġ dejjem inwessgħu ħarsitna biex nagħrfu ġid wisq akbar li jkun ta’ benefiċċju għalina lkoll; imma dan jeħtieġ nagħmluh bla ma naħarbu, bla ma ninqatgħu mill-għeruq tagħna… Għandna naħdmu fiċ-ċokon f’dak li hu qrib tagħna, imma dejjem bi prospettiva wisq usa’” (EG 235). Din il-proposta tal-Papa tgħodd għal kulħadd, imma l-aktar għal nazzjonijiet żgħar bħalna li faċilment l-għamad tal-provinċjaliżmu u parrokkjaliżmu jista’ jinżel fuq għajnejna.
F’dan il-prinċipju, li l-kollox huwa aqwa mill-parti, in-nazzjonijiet għandhom isibu gwida mhux biss għall-politika internazzjonali, imma wkoll għal dik nazzjonali. Għax is-sens qawwi ta’ individwaliżmu u l-kilba biex wieħed jissodisfa l-interessi personali jew partikulari tiegħu, sew bħala individwu u sew bħala kollettività, jafu jwasslu biex tiġi moqdija l-parti b’dannu għall-kollox. Faċli li biex ikunu indirizzati l-bżonnijiet tal-individwu, tkun ittraskurata l-viżjoni sħiħa tas-soċjetà. It-tentazzjoni klijentelista tfieri u toqtol il-ġid komuni. Dan jgħodd kemm għall-individwi u kemm għal għaqdiet. Fis-soċjetà jaf ikun hemm ċittadini jew għaqdiet li moħħhom biss kif ser jagħmlu biex javvanzaw huma u jinsew li hemm ġid wisq akbar li hu ta’ benefiċċju għan-nazzjon kollu. F’dan il-kuntest infakkar dak li aħna l-Isqfijiet għidna fl-Ittra Pastorali tar-Randan li għadda: “Inħossu iżda li neħtieġu sforz ikbar kollettiv biex fostna jitnissel sens ikbar tal-Istat, biex ikollna sens ikbar ta’ ċiviltà, ħalli ma ningħalqux fil-morsa tal-partiġġjaniżmu politiku li sikwit ma tħalliniex infittxu u naraw il-verità’”.
Dan it-tagħlim tal-Papa joffri prospettivi ġodda lill-politiċi biex ikomplu jinfilsaw ideali għolja fil-politika nazzjonali u dik internazzjonali. Hija viżjoni mnebbħa minn dik li l-Papa Franġisku jsejjaħ “il-kultura tal-laqgħa” u minn kriterji etiċi li ma għandhomx ma jkunux aċċettati mid-dinja lajka. Imma nemmen ukoll li dawn il-prinċipji għandhom jgħinu fil-formazzjoni politika tas-soċjetà kollha kemm hi, anki f’Għawdex, għaliex huma ċ-ċittadini li għandhom id-dmir morali li jagħtu d-direzzjoni politika lin-nazzjon: “Niftakru li tkun ċittadin fidil hu virtù, u s-sehem fil-ħajja politika hi obbligu morali u ma hemm ebda raġuni li wieħed jabdika minn dan id-dmir. Imma li tkun poplu hu xi ħaġa iżjed minn hekk, u jitlob proċess kontinwu fejn kull ġenerazzjoni ġdida tinvolvi ruħha b’mod sħiħ” (EG 220). Iċ-ċittadini mhux biss huma l-protagonisti fil-binja tas-soċjetà, kemm dik lokali u kemm dik Ewropea u dik internazzjonali, imma huma wkoll l-għassiesa biex ikun hemm sistema politika li verament iġġib ’il quddiem ħajja xierqa u sħiħa.