Il-Qalb ta’ Alla u l-Miżerja tal-Familja
Ftit ilu, omm li għamlet il-funeral ta’ bintha li mietet wara marda kiefra, avviċinatni u qaltli biex naqtagħha mill-Knisja għax ma għadhix temmen. Jien bqajt ħiemed. Ma nafx kif kont naġixxi kieku sibt ruħi fiż-żarbun tagħha. Quddiem l-esperjenza kiefra tat-tbatija, wieħed kapaċi jkun ittentat li jqatta’ l-karti tiegħu ma’ Alla. Hu fatt li waħda mir-raġunijiet li jwasslu għall-ateiżmu hija d-diffikultà li jsib il-bniedem biex jirrikonċilja l-verità ta’ Alla kollu miżerikordja meta mbagħad jara tant weġgħat fl-umanità. Ħafna drabi l-bniedem ma jistaqsix dwar l-eżistenza ta’ Alla; imma kif jista’ jkun li Alla, li hu mħabba u tenerezza, jibqa’ passiv quddiem it-traġedja umana?
Hawn diversi forom ta’ tbatija – flimkien ma’ dik fiżika, hemm it-tbatija tal-qalb u tal-moħħ. Fid-dawl tas-Sinodu dwar il-Familja li ser niċċelebraw f’Ottubru li ġej, nixtieq inqiegħed għar-riflessjoni tagħna bħala Knisja t-tbatija li għaddejjin minnha ħafna familji u persuni. Dawn il-persuni li jinsabu fid-deffa huma t-tħassib tal-Knisja kollha. Ma humiex ftit dawk li daħlu għaż-żwieġ u raw din l-esperjenza taħarbilhom minn subgħajhom. Hemm dawk li kellhom għadd ta’ tamiet dwar il-familja tagħhom, imma raw il-familja nieżla bħal kastell tar-ramel. Hemm dawk li llum jammettu li għamlu żball – errare humanum est – u minħabba f’hekk iż-żwieġ u l-familja tagħhom ġarrbu ħsarat irreparabbli.
Din it-tbatija ħafna drabi qed twassal għall-ateiżmu: diversi jistaqsu kif jista’ jkun li Alla jibqa’ daqshekk indifferenti, jistaqsu x’sar minnha l-miżerikordja ta’ Alla. Dawn il-mistoqsijiet ma jsirux biss fit-tokk, imma fil-bankijiet tal-knejjes tagħna, saħansitra fuq l-artali.
Huwa fatt li qed ngħixu f’epoka fejn iż-żwieġ u l-familja għaddejjin minn tibdil enormi u ħafna qed iqajmu mistoqsijiet dwarhom. Illum il-familja saret wisq ċkejkna u għalhekk naqsulha r-riżorsi. Illum il-familja ftaqret fl-ideali u l-valuri. Illum il-familja għaddejja minn mumenti ta’ prekarjetà: id-divorzju, l-unjoni ċivili, kwistjonijiet marbuta mal-gender, it-tnissil assistit, u aktar. Mhux qed ngħaddi ġudizzju fuq dawn l-għażliet; imma dawn il-possibbiltajiet qed jinċidu fuq il-viżjoni taż-żwieġ u l-familja. Huma fatturi li jheżżu ċ-ċertezzi Kattoliċi dwar iż-żwieġ u l-familja, u nifhem lil min jibda jistaqsi fejn hija s-sewwa. Huma fatturi li jindikaw li hemm ħafna ġerħat u fl-istess waqt jikkawżaw ġerħat oħra. Alla fejn hu f’dan ix-xenarju?
Bi tħejjija għas-Sinodu dwar il-Familja, li f’pajjiżna bħal donnu għażilna li nitkellmu mill-anqas dwaru, il-Papa Franġisku għamel talba fejn fost ħwejjeġ oħra jgħid: “Nitolbu għal min qed jagħmel esperjenza tal-familja u huwa ferut jew skandalizzat, biex isib il-faraġ u l-fejqan”. Din is-sentenza tindikali b’liema spirtu l-Papa Franġisku jixtieq li l-Knisja tiltaqa’ mal-familja tat-tielet millennju wara Kristu. Mhemmx lok għal atteġġjament ta’ moraliżmi jew kundanni, imma atteġġjament pastorali li permezz tiegħu nippruvaw infarrġu u nfejqu lill-bniedem tal-lum.
Fil-Magnificat, li l-Marjologu A. Serra jiddeskrivi bħala l-epifanija tat-talb li kienet tagħmel Marija, Marija tgħanni lill-miżerikordja ta’ Alla: “il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien… ħa ħsieb Israel, qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu” (Lq 1:50,54). Dan il-kliem li tkanta Marija, u l-Knisja ma tistax ma tkantax minn fuq l-istess karta. Għalhekk fis-sitwazzjoni tal-lum fejn il-bniedem, minħabba t-tbatija li għaddej minnha fil-kuntest taż-żwieġ u l-familja, jaf qed jistaqsi jekk Alla jeżistix jew le, bħal Marija l-Knisja trid toffri s-sokkors tagħha billi tfakkar fil-miżerikordja ta’ Alla. Ma għandniex għalfejn nibżgħu nużaw il-miżerikordja mal-bniedem, partikularment ma’ dak imħaxxem b’xi għelt fil-familja.
Marija tgħanni lill-miżerikordja ta’ Alla għax hi tagħmel tagħha l-weġgħat tal-poplu ta’ Alla. Hi tidentifika ruħha maċ-ċkejknin, ma’ dawk umiljati, maħqura u mweġġgħa. Bħala omm vera, Marija tagħmel tagħha l-umiljazzjoni u l-faqar tal-umanità; l-Omm tas-Sokkors tagħmel tagħha t-tbatija ta’ dawk li jħossuhom umiljati u mċekkna għax l-esperjenza taż-żwieġ u l-familja tkun marritilhom żmerċ. Lil dawn Marija tfakkarhom fil-miżerikordja ta’ Alla.
Żgur li Marija taf l-istorja ta’ ġensha li għalkemm kien poplu magħżul, kien infidil, adulteru u mniġġes. Marija tiġbor dan kollu f’qalbha. X’differenza minn dik l-attitudni ta’ xi wħud fil-Knisja li jistħu jilqgħu lil dawk li qed jixorbu l-imrar minħabba esperjenzi ta’ infedeltà, adulterju u għażliet żbaljati oħra! F’dawn is-sitwazzjonijiet ma għandniex għalfejn nitkażaw, imma minflok insejħu l-miżerikordja ta’ Alla, kif jgħid il-Papa, biex dawk li huma feruti u skandalizzati jitfarrġu u jfiqu.
Meta Marija tkanta l-miżerikordja ta’ Alla hi qed tgħidilna li Alla għandu għal qalbu l-miżerja umana, inkluża l-miżerja taż-żwieġ u l-familja; qed tgħidilna li Alla jpoġġi jdejH fuq il-ġerħa tal-umanità biex jgħinha tfiq u tagħlaq; qed tgħidilna li Alla huwa ħieles minn dik l-indifferenza globalizzata li taħkem lilna l-bnedmin.
Imma l-paladini tal-“ġustizzja ta’ Alla” jafu jitfixklu quddiem din il-viżjoni pastorali. Bħal donna ma nistgħux nammettu li l-ġustizzja hija parti żgħira mill-miżerikordja. Il-miżerikordja tħaddan wisq aktar minn dik li aħna nattribwixxu lill-ġustizzja. Il-miżerikordja tippresupponi l-ġustizzja, imma fl-istess waqt tmur ’l hinn minnha. Meta ngħidu li Alla huwa għani fil-ħniena, ma nkunux nifhmu li għal Alla jgħaddi kollox u li l-Vanġelu u l-kmandamenti tiegħu ser jingħataw bir-rabazz. Il-miżerikordja hija wkoll verità rivelata u għalhekk qatt ma hija f’kuntrast ma’ veritajiet oħra jew mal-Vanġelu. Alla ħanin ifisser li Alla jagħti lill-bniedem aktar milli dan jistħoqqlu bi dritt. Għal Alla kollox huwa grazzja. Difett li writna mill-imgħoddi hu li Alla jgħinna jekk aħna nimmeritaw – jekk aħna bravi. Imma Alla jagħti b’mod gratuwitu, anki fl-esperjenza taż-żwieg u l-familja.
Għalhekk, bħala tħejjija għas-Sinodu, inħeġġeġ lill-Knisja lokali biex nitolbu qatigħ ħalli ma nibżgħux immissu l-pjagi tal-bnedmin fil-kuntest taż-żwieġ u l-familja. Bħal Marija rridu nittamaw li Kristu għandu bxara tajba għall-bniedem tal-lum, imma biex dan il-Vanġelu jasal, irridu niftħu t-triq tal-miżerikordja ta’ Alla. Irridu nittamaw li l-Knisja miġbura fis-Sinodu, filwaqt li titlob lil Alla jħares lil dawk il-familji li huma “weqfin” fuq riġlejhom, iddewwaq il-miżerikordja ta’ Alla lil dawk li, minkejja t-tbatija minħabba li ż-żwieġ tagħhom ma jkunx iffunzjona sew, għadhom jittamaw f’Alla. Hija din id-duwa li tista’ tqajjimna mill-ġdid fuq riġlejna biex nerġgħu nibdew it-triq.
Omm tas-Sokkors, idħol għalina biex ma nagħmlux reżistenza għall-miżerikordja infinita ta’ Alla u biex din il-mediċina trodd is-saħħa lill-bniedem mifluġ. Hekk mhux biss iż-żwieġ u l-familja jerġgħu jibdew jilmaw bil-ġmiel tagħhom, imma fuq kollox il-bniedem, int u jien, ma nkunux ittentati li minħabba t-toqol tas-salib nibdew niddubitaw mill-eżistenza ta’ Alla. Għax l-ateiżmu huwa problema serja li tisboq il-problemi l-oħra kollha.