Il-Verità ta’ Ġwanni, il-Verità ta’ Alla
Fil-Vanġelu tal-lum (Mk 6:17-29) għall-Festa li qed niċċelebraw tal-Martirju ta’ San Ġwann il-Battista, hemm biċċa li ma qrajnihiex li tgħid hekk: “Erodi sema’ b’Ġesù” (v. 16). Dan ifisser illi l-Vanġelu, bħala introduzzjoni, jibda proprju b’Ġesù illi kien qiegħed jagħmel il-mirakli, iwassal it-tagħlim tiegħu, ixandar il-Kelma ta’ Alla. Meta jmorru jgħidu lil Erodi b’dak li kien qiegħed jagħmel, joħroġ b’dan: “Ġwanni l-Battista… qam mill-mewt” (v. 16)
Il-mejtin li noqtlu ma jmutux, jibqgħu ħajjin. Il-mejtin li ‘noqtlu’, dawk li nagħmlulhom il-ħsara, jibqgħu ħajjin, jerġgħu jitfaċċaw. Erodi ħareġ b’din l-espressjoni: ‘Ġwanni l-Battista li qam mill-mewt’! Is-sabiħ hu li Erodi nnifsu jxebbah lil Ġesù ma’ Ġwanni l-Battista, jew aħjar, lil Ġwanni l-Battista ma’ Ġesù. Kemm hi xi ħaġa sabiħa din! X’unur kbir għal Ġwanni l-Battista: li kien jixbah lil Ġesù! Fiex kien jixbah lil Ġesù? F’diversi affarijiet, imma se nieqaf fuq punt żgħir.
Fil-Vanġelu tal-lum nindunaw li kulħadd għandu l-verità tiegħu, kulħadd jara l-istorja mill-għajnejn tiegħu. Erodi kien qiegħed jaraha minn fuq: is-saltna tiegħu, imexxi, l-awtorità, jagħmel dak li jrid u dak li jogħġbu. Erodijade, il-mara ta’ ħuh Filippu, kienet qed tara l-istorja min-naħa tagħha, għaliex riedet titlaq lil żewġha u tikseb din ir-relazzjoni ma’ dan Erodi, illi kien bniedem potenti ħafna iktar mir-raġel tagħha. Salome, it-tifla tagħha, kienet tħares lejn il-ġrajja minn dak li kienet se tiggwadanja hi, allura tipprova tafferma lilha nnifisha, tipprova tieħu l-importanza tagħha kemm quddiem ommha u kemm quddiem Erodi u quddiem dawk il-mistednin kollha li quddiemhom ħarġet tiżfen. Il-mistednin li kien hemm kienu wkoll qegħdin jaraw l-istorja mil-lenti tagħhom: illi jiddevertu, illi huma ħbieb ta’ nies potenti bħalma kienu Erodi u oħrajn, u allura jippruvaw igawdu u japprofittaw minn fuq darhom. U kien hemm Ġwanni l-Battista, illi wkoll kellu l-verità tiegħu: hu xtaq iwettaq dak li jrid Alla.
Il-verità ta’ Ġwanni
Hawn naħseb huwa importanti għalina li nitgħallmu: Ġwanni l-Battista ħares lejn dak li kien qiegħed jiġri, lejn ir-realtà ta’ quddiemu, bl-għajnejn ta’ Alla.
Din il-mara, mart Filippu, marret ma’ ħuh Erodi Antipa. U Ġwanni l-Battista, meta qabbel dan il-fatt ma’ dak li jrid Alla, tkellem u qal: ‘Hawn xi ħaġa li ma taqbilx, mhix tajba, mhix sew’. U b’rispett – għax hemm rispett kbir fil-kliem li jgħid San Mark, kif Ġwanni l-Battista kien ikellem lil Erodi – qallu: ‘Mhux sewwa li inti tkun mal-mara ta’ ħuk. Alla ma jridhiex din il-ħaġa’ (ara v. 18).
U allura l-Battista mill-ewwel ipoġġina fuq livell wisq iktar għoli tal-verità. Jgħidilna, ngħidu aħna, li mhux il-liġijiet kollha jagħmluhom il-bnedmin. Hemm liġijiet li l-bnedmin ma jistgħux imissuhom. Erodi kien bniedem potenti, imma hemm liġi li hija lil hinn minn dak illi jista’ jagħmel Erodi. Kull bniedem li hu fl-awtorità, xi tip ta’ setgħa għandu, imma hemm liġi li tmur lil hinn, li hija wisq ogħla minn dak li forsi nista’ nagħmel jien bħala Isqof jew jista’ jagħmel il-Ministru, jew il-Prim Ministru, jew min ikun. Hemm liġi li tmur lil hinn: hija l-liġi ta’ Alla. Din hija l-ewwel verità li toħroġ mill-verità ta’ Ġwanni l-Battista.
Il-verità ta’ Erodijade
Imbagħad x’kienet il-verità ta’ Erodijade, mart Filippu? Kienet il-verità li jien irrid nasal fejn għandi nasal. Jien għandi l-iskop li lil Erodi naħkmu taħt idejja, u issa naħkmu akkost ta’ kollox. Tant illi din il-mara kienet kapaċi tikkonvinċi lil Erodi biex jitfa’ ’l Ġwanni fil-ħabs. U jgħidilna l-Vanġelu: “kienet tobogħdu” (v. 19). Tant kienet tobogħdu li waslet biex qatlitu jew ikkawżat il-mewt tiegħu. Hija din il-mara, li hi stess kienet fil-ħażen, li toħroġ l-agħar minn ġo fiha: ir-rabja, il-vendetta, l-aggressività. Proprju minn ġo din il-mara, li hi stess kienet fl-iżball. Hekk jgħid il-Vanġelu, li huwa verament il-Ktieb tal-ħajja.
Il-verità ta’ Erodi
Erodi kien bniedem li jipprova jikkuntenta lil kulħadd. Dik kienet il-verità tiegħu: li jikkuntenta lil kulħadd. Allura pprova jikkuntenta lill-mara li kellu miegħu, lin-nies, u lil Ġwanni. Għax lil Ġwanni ma riedx jagħmillu ħsara. Erodi kien bniedem li ma jrid jiġġieled ma’ ħadd.
Jista’ jkun li xi ħadd minna jkollu din il-verità, bħalma jista’ jkun li xi ħadd minna jkollu l-verità li jasal fejn irid jasal, bħalma għamlet Erodijade.
Il-verità ta’ Salome
It-tifla kellha l-verità illi tingħoġob: ma’ ommha, ma’ Erodi fejn isseduċietu bil-mod ta’ kif kienet tiżfen, mal-mistednin. L-iskop tagħha kien li tingħoġob ma’ dawk li huma l-aktar qrib.
Garanzija tal-verità
Ġwanni l-Battista kien il-garanzija tal-verità. Jaqra sew il-fatti, dak li kien qiegħed jiġri, jirrifletti sewwa fuqu nnifsu, jirrifletti fuq dak li kien qiegħed jiġri fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla.
U din hija tagħlima kbira għalina lkoll, għax faċli ħafna li kull wieħed u waħda minna niġġudikaw fatt, ġrajja, anki dak li jiġri lilna… niġġudikaw it-tifel tagħna jew it-tifla tagħna. Kemm hawn nies li jiġġudikaw b’mod żbaljat fil-familja! Tifla miskina kellha tissepara, ma setgħetx tibqa’ mar-raġel tagħha, għax forsi kien saħansitra jsawwatha. U jien niġġudikaha ħażin. Ma nistax niġġudikaha ħażin, ma nafx il-fatti! Tifel forsi ħareġ ftit imqareb, u ħa niġġudika lil ommu u lil missieru. Ma nafx il-fatti! Ma nistax jien naqbad u mill-ewwel immur bl-aġenda tiegħi, bħalma marret Erodijade bl-aġenda tagħha; din il-mara li riedet toqtol lil Ġwanni, u minn hawn jew minn hemm għaddiet. Mhix il-verità din! Mhux rispett lejn il-verità.
Alla jgħallimna mod ieħor: għandna nħarsu sew lejn dak li qiegħed jiġri, nifhmu sew x’inhu jiġri, imbagħad niġġudikaw bl-għajnejn tiegħu, barra mill-għajnejn tagħna. L-għajnejn tagħna biss mhumiex biżżejjed. L-għajnejn tagħna biss ħafna drabi jagħmlu ġudizzju illi jaqbel lili, li jaqbel lilna.