Aqbeż għall-kontenut

Il-Virtù tal-Ubbidjenza

Kmandament ġdid

Meta rriflettejt fuq il-vanġelu li ġie magħżul għal-lejla laqatni mill-ewwel il-fatt li Ġesù, indirettament u direttament, jitkellem fuq kmand: “Nagħtikom kmandament. Dan hu l-kmandament tiegħi: Ibqgħu fl-imħabba tiegħi”. U forsi tant drajna nisimgħuha din il-ħaġa li ma nafx jgħaddilniex minn moħħna li, la hemm kmand, ir-risposta tal-bniedem hija att ta’ sottomissjoni u ubbidjenza għal dan il-kmand u għal din il-kelma. Dan japplika naturalment għal kull bniedem, għal kull Nisrani, imma partikularment għalina s-saċerdoti u għalikom, Daniel u Mark, li llum qed tagħmlu dan il-pass fl-istorja tal-vokazzjoni tagħkom.

Il-virtù tal-ubbidjenza

Huwa fatt li aħna s-saċerdoti, fil-jum tal-ordinazzjoni tagħna, l-unika wegħda li nagħmlu, meta tqis il-Kunsilli Evanġeliċi, hija propju l-wegħda tal-ubbidjenza. U emmnuni jekk ngħidilkom li jiena naħseb li huwa virtù mill-aktar tqil, forsi xi drabi iktar miċ-ċelibat. Il-virtù tal-ubbidjenza, li huwa mitlub mhux biss mill-Knisja imma minn Kristu, aħna nagħmluh bħala wegħda, imma nsibu diffikultà biex ngħixuh. Tafu kif inkellimkom b’qalbi miftuħa. Dak li qed ngħid għalikom ngħidu għalija, għax jien ukoll irrid nagħmel eżerċizzju ta’ dan il-virtù tal-ubbidjenza. Naturalment jien għandi nħeġġeġ lill-Insara kollha, partikularment lis-saċerdoti, ħalli ma jillaxkawx aktar fil-virtù tal-ubbidjenza.

Ubbidjenza lejn il-verità

Meta qed ngħid ubbidjenza nistaqsi: ubbidjenza lejn min? L-ewwel ma tiġini f’moħħi hija ubbidjenza lejn il-verità, u l-verità li nasal għaliha bl-intelliġenza tiegħi, jiġifieri l-verità naturali. Għax xi darba tant kapaċi nkunu erotiċi u irresponsabbli li sfortunatament naqgħu u nqumu minn dak l-ordni ta’ verità oġġettiva naturali għalina bħala bnedmin, bħala Nsara u wkoll bħala saċerdoti. Hemm veritajiet li l-bniedem jasal għalihom b’dik li nsejħulha “recta ratio”, li twassalna biex nikkwalifikaw ir-raġunament tagħna; imma jekk ma nkunux iddixxiplinati fl-ubbidjenza, u allura anki f’dan l-ordni morali oġġettiv, naslu biex noħolqu anarkija. Din l-anarkija teżisti, anki fostna. Jien ma nippretendix li wieħed għandu jkun l-ewwel ubbidjenti lejn is-superjuri tiegħu, imma l-ewwel ma nippretendi huwa li jkun ubbidjenti lejn il-verità, li timponi lilha nfisha fuqna. Naturalment la aħna mżejnin bil-libertà nistgħu nabbużaw minn din il-libertà u nagħmlu skond affarina, il-gosti u l-ġibdiet tagħna.

Ubbidjenza lejn il-Kelma ta’ Alla

Imma mbagħad dak li huwa mill-aktar speċifiku għan-Nisrani huwa l-fatt li hemm ubbidjenza lejn dak li Alla wriena b’mod pożittiv, jiġifieri l-ubbidjenza lejn il-Kelma ta’ Alla, b’mod speċjali ubbidjenza lejn Kristu u lejn il-Kelma ta’ Kristu. Inkunu nidħku bina nfusna jekk ma ngħidux li Kristu qed jeżortana biex noqogħdu għalih; u ma noqogħdux għalih f’parti waħda, imma bl-ubbidjenza u s-sottomissjoni totali. Imma anki din il-ħaġa, daqskemm tidher sempliċi u possibbli, daqshekk ieħor il-bniedem jista’ jiżgarra fiha meta jiġi għal dik li hija l-ubbidjenza għal dak li Alla jurina li jrid permezz tal-Kelma tiegħu. Jekk bniedem li ma joqgħodx għal dak li tgħidlu r-raġuni joħloq anarkija, daqstant ieħor jekk wieħed ma joqgħodx għal dak li Alla rrivelalna jkompli jkabbar l-anarkija.

Ubbidjenza lejn il-Maġisteru

U la qed nitkellmu fuq l-ubbidjenza tal-Kelma ta’ Alla, ma nistax ma nsemmix, għalina l-Insara, l-ubbidjenza lejn il-Maġisteru, jiġifieri lejn it-tagħlim ta’ Ommna l-Knisja, l-ispjegazzjoni li l-Knisja tagħtina fuq il-Kelma ta’ Alla, anki fuq l-ewwel tip ta’ verità li semmejtilkom, li hija l-verità naturali. Forsi jekk illejla nsaqsikom: “Intom timmaġinaw Nisrani u saċerdot li m’hux ubbidjenti lejn il-Maġisteru?”, intom idduru lejja u tistaqsuni: “Imma int fejn sejjer?”. Ir-risposta m’hix daqshekk ħafifa, għaliex hemm Insara, saċerdoti u isqfijiet li ma jirrispettawx il-Maġisteru, u aħna għandna responsabbiltà kbira f’din il-ħaġa, għaliex bil-kelma tagħna nistgħu niżvijaw u nwasslu lil ħaddieħor biex ikun diżubbidjenti. Bħal dawn kien hawn u għad hawn, u jekk ma nkunux attenti fuqna nfusna jibqa’ jkun hawn.

Xi Knisja tkun jekk intom bħala poplu ta’ Alla ma jkollkomx iċ-ċertezza li almenu l-isqof u s-saċerdoti tagħkom qed jitkellmu skond kif tgħallem il-Knisja Mqaddsa? Naturalment jekk jien irrid ngħallimkom vanġelu ieħor, jew xi saċerdot irid jippriedka vanġelu ieħor, dak jista’ jagħmlu, imma jrid jgħid fejn hu qiegħed, u allura joħroġ mis-saċerdozju, biex ma nfixklux lin-nies. Dan qed ngħidu naturalment mhux hekk, b’kumbinazzjoni, imma għax inħoss li għandi ngħidu.

Ubbidjenza lejn l-awtorità fil-Knisja

Imbagħad hemm ubbidjenza oħra: ubbidjenza lejn l-awtorità fil-Knisja. U naf li m’hix sentenza li ddoqq ħelu f’widnejna. Jien għidtilkom li jien ukoll irrid noqgħod għall-awtorità tal-Knisja, biex ma taħsbux li qed nagħmel xi apoloġija għalija nnifsi, għax kollox tistgħu tinterpretaw. Imma dak li jien suġġett għalih huma suġġetti għalih ukoll l-Insara, partikularment is-saċerdoti. X’għandi nagħmel jien bħala isqof? X’għandu jagħmel l-arċipriet, il-kappillan, ir-rettur? X’għandu jagħmel id-direttur spiritwali? X’għandhom jagħmlu d-djakni? Dak ma niddeterminahx jien, imma tispeċifikahuli Ommi l-Knisja, u jien irid ikolli dik ir-rettezza li noqgħod għal dak li tgħallimni l-Knisja, biex fl-iżvolġiment tal-ministeru tiegħi jien almenu jkolli garanzija li m’inix niżbalja, anki jekk jidhirli li tista’ tkun ħaġa oħra. Hekk lilkom bħala poplu ta’ Alla, kollettivament jew partikularment, inkunu nistgħu nagħtukom is-servizz li mistenni minna li nagħtukom.

Dan hu li tfisser l-ubbidjenza lejn l-awtorità tal-Knisja. Imma anki f’din il-ħaġa hemm ħafna u ħafna x’nitgħallmu u x’nikkoreġu, anki fostna s-saċerdoti. Forsi m’aħniex nitkellmu dejjem fuq l-istess livelli ta’ gradi ta’ ubbidjenza, imma dejjem ubbidjenza, għax jekk nibdew niddistingwu nitilfu kollox. Nista’ nagħtikom eżempju, imma naħseb li aħjar ma nagħtix eżempju. Intom tafu li xi drabi ċerti affarijiet tesprimihom bħala xewqa u, għalkemm ma tagħtihomx dik il-formalità ta’ kmand, tkun qed turi kif ix-xewqa ħafna drabi hija wkoll ir-rieda. Kemm tkellimtu fuq ir-rieda? Semmejtu s-saċerdot il-kbir. Ikkwotajtu mill-ittra lil-Lhud, imma hemm silta oħra: “Hawn jien ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Mulej”.

Semmejtu wkoll lil Marija fl-iva tagħha: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jkun minni skond kelmtek”. M’inix nitkellem b’xi lingwaġġ stramb ħafna. Qed nitkellem fuq il-bażiku tal-ħajja Nisranija.

Il-kuxjenza ffurmata u ggwidata

Ma rridx ninsa ngħid li hemm il-kuxjenza tal-individwu, u l-kuxjenza għandha importanza kbira. Hija l-kuxjenza li tgħid l-aħħar kelma, u l-ubbidjenza lejn il-kuxjenza, imma l-kuxjenza trid tkun iffurmata u ggwidata, għax nistgħu nabbużaw meta nirriferu għall-kuxjenza. Trid tara hix kuxjenza msawra b’tagħlim u duttrina sani.

Id-djalogu bejn min imexxi u min għandu l-ministeru

Imbagħad hemm il-“foro esterno”: dak id-djalogu u l-kollokju kontinwu li għandu jgħaddi bejn min imexxi u qiegħed fl-awtorità u min għandu l-ministeru li jikkollabora mal-awtorità. Naf li dan m’hux diskors ħafif, u forsi ma kontux tistennewh. Imma f’din iċ-ċirkustanza, meta llejla qed inkellem rappreżentanza fqira tal-poplu ta’ Alla, u ifqar f’dawk li huma saċerdoti (u wassluh dak li qiegħed ngħidilkom), jiena nħoss li huwa dmir tiegħi li nitkellem anki fuq dan l-aspett partikularment magħkom, Mark u Daniel, li resqin biex tagħmlu din il-wegħda tal-ubbidjenza, għax jien naf min għamel il-vot tal-ubbidjenza – u dan għamlu mhux lejn Dun Mario imma lejn l-isqof tiegħu – u mbagħad jaqa’ u jqum mill-isqof tiegħu. Imbagħad skandli, tfixkil u x’naf jien. Tridu Knisja hekk? Irridu Knisja hekk? Kristu ma jridx Knisja hekk, u Ommi l-Knisja ma tridx Knisja hekk. Propju għalhekk li l-Knisja titlob lilna s-saċerdoti biex nagħmlu din il-wegħda solenni. Propju għalhekk li r-reliġjużi jagħmlu l-voti tal-ubbidjenza, tal-faqar u tal-kastità. Nerġa’ ngħid li qed nitkellem diskors li għalija huwa tqil u anki għalikom.

Għalhekk, poplu ta’ Alla, intom hawn preżenti, ħalluni llejla, waqt li nirringrazzja lil Alla li lill-Knisja tagħna qed jagħtiha żewġ żgħażagħ, li wara l-esperjenza li għamlu qed iressqu din it-talba biex jibdew dak il-proċess li jwassalhom għall-Ordni Sagri, inħeġġiġkom biex titolbu għall-Knisja kollha, partikularment għalina s-saċerdoti, ħalli nkunu għalikom mhux biss gwida żgura, għax aħna f’komunjoni mal-Knisja – u komunjoni tfisser ubbidjenza –, imma wkoll ta’ eżempju tajjeb.

La qegħdin f’dan is-santwarju ddedikat lil San Ġużepp, ma nistax ma nsejjaħx il-patroċinju ta’ San Ġużepp, ir-raġel li jispikka fl-ubbidjenza tiegħu, u anki meta ma fehemx qagħad għal dak li qalulu Alla u l-anġlu tiegħu. Nitolbu lil San Ġużepp ħalli jieqaf mhux biss magħkom, Mark u Daniel, imma wkoll mal-komunità tas-Seminarju, magħna s-saċerdoti u mal-Knisja kollha.

pdf · 79.11 KB Niżżel