Aqbeż għall-kontenut

Il-Viżitazzjoni Programm ta’ Vokazzjoni

Darba ltqajt ma’ għalliem li kien ilu ftit fil-professjoni, u qalli espressjoni li ġagħlitni naħseb: “Jien m’iniex kuntent bix-xogħol tiegħi, għax jien qatt ma kont imsejjaħ biex inkun għalliem. Xtaqt nieħu linja oħra, imma ċ-ċirkustanzi riedu li, billi ma kienx hemm ftuħ ieħor, jiena qbadt din it-triq”. U darb’oħra, fuq l-istess linja, jien niltaqa’ ma’ mara miżżewġa li wkoll kien għadda ż-żmien minn fuq iż-żwieġ tagħha u qaltli: “Jiena qatt ma nista’ nsib il-paċi, għaliex fil-fond ta’ qalbi jiena qatt ma kont maqtugħa għaż-żwieġ. Jiena qatt ma ħassejt li ż-żwieġ huwa triqti, imma, għax min jimbotta minn hawn u min jiġbed minn hemm, jien kelli niżżewweġ”. Anki dan huwa eżempju ieħor ta’ persuna li żbaljat it-triq, u bħal dawn tistgħu tagħtuni indikazzjonijiet intom li nittama li mhumiex mill-ħajja personali tagħkom.

Nista’ nsemmilkom lista twila ta’ individwi illi f’mumenti importanti tal-ħajja għamlu għażla żbaljata. U ħafna drabi l-ħajja hija one way, jiġifieri jekk tidħol f’dik it-triq ma tistax toħroġ minnha, u jekk tieħu triq li mhix triqtek alllura ser tgħixu mdejqa int u dawk ta’ madwarek, m’intix ħa tkun int, m’intix ħa tirrendi. Nistħajjel li dak l-għalliem, jagħmel kemm jagħmel sforzi, qatt ma jista’ jgħallem bil-qalb; u dik il-mara, tagħmel kemm tagħmel sagrifiċċji, ma tħosshiex f’postha.

Żvilupp tal-“jien” u tal-potenzjalità

Dan x’ifisser? Ifisser li huwa ferm importanti li fil-ħajja nagħmlu għażliet li jgħinuna ħalli nkunu dak li aħna. Il-paċi interjuri niksbuha biss jekk ngħixu ħajja li f’termini tal-psikoloġija ngħidu li tgħinna niżviluppaw il-“jien”, il-potenzjalitajiet li għandna fina. Inkun kuntent jekk inwettaq ix-xewqat tiegħi, u mhux ix-xewqat ta’ ommi u ta’ missieri, jew ta’ dak il-grupp u l-ieħor. Inkun fil-paċi jekk jiena f’ħajti jkolli dawk l-ideali illi jgħaddu l-flus u kull interess materjali ieħor; dawk l-ideali li noħlom bihom u nasal biex anki b’sagrifiċċju jirnexxili nilħaqhom u nwettaqhom.

Għażliet li jpoġġu fil-prattika l-vokazzjoni tagħna

Fi kliem ieħor, qed nitkellem dwar kemm huwa importanti li aħna nagħrfu x’irridu mill-ħajja u li aħna nagħrfu nagħmlu għażliet li jpoġġu fil-prattika l-vokazzjoni tagħna. Issa meta ngħid vokazzjoni, tifhmunix biss fis-sens reliġjuż, imma fis-sens uman tal-kelma. Kull bniedem għandu l-vokazzjoni tiegħu, u jwettaq u jirrealizza lilu nnifsu jekk dik il-vokazzjoni li jħoss fl-interjorità tiegħu jsib min jgħinu jagħrafha u jwettaqha.

Sfortunatament kemm fil-ħajja soċjali tagħna niltaqgħu ma’ nies li xtaqu xi ħaġa fil-ħajja, imma għal xi raġuni jew oħra – jew għax kellhom min ifixkilhom jew għax ma kellhomx opportunità – ma waslux biex jgħixu l-vokazzjoni tagħhom. Ġieli niltaqgħu ma’ oħrajn li għamlu għażla żbaljata, li ma tkunx tirrifletti l-inklinazzjoni naturali tagħhom.

Is-sejħa Kristjana fi qbil mas-sejħa naturali

Issa f’termini Kristjani u ta’ fidi dan li qed ngħid inkomplu niżviluppawh u ngħidu: “Isma’, lilna li nemmnu f’Alla li huwa Ħallieq u Feddej tal-bniedem, Alla li għandu interess f’kull wieħed u waħda minna, Alla li jafna b’isimna u bil-partikularitajiet tagħna, Alla jagħtina missjoni fil-ħajja, jagħmlilna sejħa fil-ħajja li ħafna drabi tkun taqbel mas-sejħa naturali. U allura fil-ħajja Nisranija hemm ukoll is-sejħa u hemm ukoll il-vokazzjoni”.

Ngħiduha kif inhi, jekk isiru żbalji kif nagħtu risposta għall-ħeġġa u għall-inklinazzjoni naturali tagħna, hekk ukoll fil-kamp tagħna bħala Nsara ġieli jsiru żbalji għax naħsbu li jkollna vokazzjoni u ma tkun xejn, jew għax min-naħa l-oħra jkollna sejħa u ma nwettquhiex.

Diffikultajiet fil-proċess ta’ dixxerniment

Jena nara li hemm żewġ diffikultajiet f’dan il-proċess tal-ħajja. Waħda hi li llum m’għandniex dejjem kunċetti u ideali ċari, u dan kemm fuq livell naturali u kemm fuq livell reliġjuż. Nista’ nsemmilkom il-ħajja taż-żwieġ. Aħna llum għandna idea u kunċett ta’ żwieġ kif għandu jkun, jew kull wieħed u waħda minna qiegħed ifassal l-idea tiegħu ta’ ħajja miżżewġa, li mbagħad ma taqbilx ma’ tal-parti l-oħra, u allura l-partijiet li jidħlu għaż-żwieg ma jkollhomx kunċett taż-żwieġ u mbagħad jibdew il-waqgħat u l-iżventuri b’mod li jibdew jgħidu li żbaljaw it-triq?

Ħaġa oħra li nara li tfixkel dan il-proċess hija n-nuqqas ta’ libertà. Veru li fundamentalment il-bniedem għandu rajh f’idejh u jista’ jagħti direzzjoni lil ħajtu, imma xi drabi hemm ħafna affarijiet li jnaqqrulna l-libertà, li jikkundizzjonawna u li malajr jinfluwenzawna b’mod li ma jħalluniex naħsbu dak li għandna naħsbu u ma jħalluniex liberi fl-għażla li nagħmlu.

Il-familja hija l-ġuf li fih titnissel u tikber il-vokazzjoni

Inħoss li hemm bżonn li aħna naraw x’nistgħu nagħmlu biex lill-ġenerazzjoni li tielgħa ngħinuha ħalli ma tiħux “falza stikka”, kif is-soltu ngħidu. L-ambjent ewlieni li jista’ jgħin fid-dixxerniment tal-vokazzjoni u ta’ din is-sejħa fis-sens wiesa’ tal-kelma huwa l-familja, li hija l-ġuf li fih titnissel u tikber il-vokazzjoni tal-bniedem. Il-familja hija l-benniena li fiha l-vokazzjoni titwieled, tibda tieħu sura u tisaħħaħ. Il-familja hija l-mixtla illi fiha tinżera’ ż-żerriegħa tal-vokazzjoni, fejn tibda tikber u tieħu sura din il-vokazzjoni.

L-ulied normalment jagħrfu l-kapaċità li għandhom fil-ħajja u r-responsabbiltà li għandhom biex dak li huma jpoġġuh għas-servizz tal-oħrajn, meta jsibu l-appoġġ li għandhom bżonn fil-kuntest tal-familja. U allura huwa ferm importanti li jekk aħna qegħdin nindunaw kemm m’aħniex ċari, mhux biss fil-ħajja individwali tagħna imma wkoll f’dik tal-vokazzjoni bħala kollettività – għax hemm il-vokazzjoni kollettiva –, nieħdu ħsieb dan il-ġuf, din il-benniena, din il-mixtla u din ir-riżorsa insostitwibbli u li ma jista’ jeħdilha postha ħadd; hekk nagħrfu l-vokazzjoni naturali u soċjali tagħna, iktar u iktar fil-kuntest tal-vokazzjoni Nisranija.

L-ikona tal-Viżitazzjoni bħala programm ta’ vokazzjoni

Għalfejn qiegħed nitkellem dwar dan dalgħodu? Għaliex meta joqrob iż-żmien tal-festa tal-Viżitazzjoni nibda nitfa’ ħarsti fuq din l-ikona, u din is-sena ħabat ma’ moħħi – u dan għax narah li huwa rifless fis-soċjetà – li fil-Viżitazzjoni għandna żewġ nisa illi fi ħdanhom, f’ġufhom, qed iġorru l-ħajja umana. Imma bħalma nafu aħna, il-ġuf ma jnissilx biss il-ħajja fiżika u bijoloġika, imma wkoll il-ħajja umana li allura fiha iktar mill-aspett fiżiku u bijoloġiku. Dik il-persuna li hemm fi ħdan Marija u fi ħdan Eliżabetta hija persuna li għandha programm, mhux biss ġenetiku li jrid jiżviluppa – u jekk ikun hemm xi difett dak id-difett jidher anki fil-ħajja – imma ta’ vokazzjoni. Min jaf x’għad ikun dak il-bniedem?

Tafu intom li meta Żakkarija ħareġ mit-Tempju, wara li kellu dik id-dehra, ħareġ immutat. U x’qalu n-nies? “Mela x’għad ikun dan it-tifel?”. U dan nistgħu ngħiduh għal kull wieħed u waħda minna, u rridu ngħiduh għal kull persuna li hija mnissla fil-ġuf. X’għad ikun jew tkun? U jekk dak il-programm ta’ vokazzjoni tiegħu jew tagħha jitħabbel jew inħabbluhulu, allura mbagħad ikun hemm diversi mankamenti.

Preżenza li ġġib ġenerazzjoni ġdida

Mela jiena llum nixtieqkom – u jien magħkom – tirriflettu, fid-dawl ta’ din il-ġrajja tal-Viżitazzjoni, fuq kemm huwa importanti illi l-persuna li hemm fil-ġuf, mhux biss ta’ Eliżabetta imma tal-bniedem tal-lum, mhux biss nagħtuha l-ħajja fiżika imma nagħtuha l-għajnuna ħalli tkun preżenza li ġġib ġenerazzjoni ġdida.

Fl-ikona ta’ Marija u Eliżabetta nara żewġ ommijiet li wildu żewġ profeti kbar. Eliżabetta, naturalment dejjem bil-preżenza ta’ Żakkarija, tagħti t-twelid lil Ġwanni l-Battista; u Marija, dejjem bil-preżenza ħdejha ta’ Ġużeppi, tagħti t-twelid lil Kristu. Dawn it-tnejn kellhom il-programm tagħhom, il-programm uman u l-programm ta’ Alla għalihom, tant li fiż-żewġ każijiet insibu espressjoni li tixxiebah: “U dan għad ikun kbir quddiem il-Mulej”… kliem li jingħad kemm mill-anġlu Gabrijel li deher lil Marija, u allura meta tnissel Ġesù fi ħdan Marija, u kemm mill-anġlu li deher lil Żakkarija; fit-tnejn għandna tħabbira ta’ x’inhu l-programm tal-ħajja tagħhom. “Huwa jirċievi t-tron ta’ David missieru, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem”, jgħid Gabrijel lil Marija; u l-istess fil-Benedictus għandna tifsira ta’ x’inhu dan il-programm: “U int tissejjaħ profeta tal-Għoli”, jgħid Żakkarija għal Ġwanni. Mela fit-tnejn hemm iż-żerriegħa tal-vokazzjoni. U kemm influwenzat il-familja ta’ Ġesù biex Ġesù seta’ jkompli “jikber fiż-żmien, fil-għerf u fil-grazzja”; u kemm influwenzat il-familja ta’ Ġwanni l-Battista, li, kif insibu fil-Vanġelu, “kompla jikber quddiem il-bnedmin”.

Dawk illi jinterpretaw l-Iskrittura jgħidu li b’dawk il-kelmiet – “kompla jikber fil-għerf u fil-grazzja” – aħna rridu nifhmu l-proċess tal-maturazzjoni li għadda minnu Ġesù u li għadda minnu l-Battista. Il-maturazzjoni tagħna l-bnedmin issib il-milja tagħha meta l-bniedem ikun dak li hu, meta l-bniedem jagħraf x’inhuma l-esiġenzi tiegħu, ix-xewqat tiegħu, l-inklinazzjonijiet tiegħu, il-vokazzjoni tiegħu, u jgħixhom; meta l-bniedem, fil-kuntest Kristjan, jagħraf x’inhi s-sejħa li qed jagħmillu Alla l-Imbierek u jwieġeb għaliha.

Jien nixtieqkom li tikkontemplaw din il-ġrajja tal-Viżitazzjoni f’dan il-kuntest: bħala Marija u Eliżabetta li l-ġuf tagħhom mhux biss inissel il-ħajja, imma kif diġà għedna, jiġifieri li f’ġufhom titnissel u tikber kull vokazzjoni tal-bniedem. Fihom naraw dik il-benniena illi tilqa’ biex tkabbar u timmatura l-vokazzjoni, dik il-mixtla fejn hemm dik iż-żerriegħa ta’ x’inhi s-sejħa ta’ wliedhom, u dik iż-żerriegħa jgħinuha biex tikber.

Il-familja tgħin fl-iskoperta u t-twettiq tal-vokazzjoni

Issa l-familja li hija rrappreżentata minn Marija u Eliżabetta tista’ twettaq dan is-servizz biex il-membri tagħha bil-mod il-mod jagħrfu x’inhi l-vokazzjoni tagħhom u biex twettaq proċess ta’ edukazzjoni. Il-familja ma tistax tirrinunzja għal din il-missjoni edukattiva tagħha. U għalxiex ħa teduka? Kif ser ngħinu lil uliedna jiskopru l-vokazzjoni tagħhom?

Edukazzjoni għall-valur tal-ħajja

L-ewwel nett nedukaw għall-valur tal-ħajja, għaliex kull bniedem għandu din is-sejħa li jgħix il-ħajja fil-milja tagħha u jippromovi l-ħajja. Nikkontribwixxu fl-għarfien tal-vokazzjoni billi nedukaw għal dawk li huma l-valuri umani. U f’dik li hija edukazzjoni għall-valuri umani nistgħu ngħidu ħafna, għaliex hawn ċertu faqar, aktar u aktar jekk imbagħad nidħlu għat-tielet aspett, li huwa l-edukazzjoni fil-fidi, jiġifieri kif il-ħajja umana narawha fid-dawl ta’ Alla, biex bil-ħajja tagħna aħna nippruvaw inwettqu l-proġett ta’ Alla u, bħalma tgħid Marija, aħna nkunu nistgħu ngħidu: “Ħa jsir minni skond kelmtek”, “Ħa jsir minni skond is-sejħa li inti qiegħed tagħmilli”.

Sfortunatament aħna mhux dejjem konxji tar-rwol edukattiv tal-familja, jew jekk aħna konxji tiegħu aħna biss konxji b’mod parzjali ħafna, għaliex iktar ninsistu fuq l-aspett intellettwali u akkademiku milli fuq l-edukazzjoni tal-persuna fis-sens sħiħ.

Il-ġenituri bħala l-ewwel edukaturi ta’ wliedhom

Il-Konċilju Vatikan II għandu tagħlim sabiħ ħafna dwar din il-missjoni edukattiva fil-familja. Huwa jsejjaħ lill-ġenituri l-ewwel ħabbara u edukaturi ta’ wliedna. Jgħid li l-ġenituri għandhom id-dmir li jgħinu lil uliedhom jiskopru x’inhi l-vokazzjoni tagħhom, u dan huwa d-diskors tagħna dalgħodu. Qiegħed nitkellem fuq dokument dwar l-appostolat tal-lajċi, Apostolicam actuositatem. Imbagħad hemm id-dokument li jitkellem dwar l-edukazzjoni, u hemmhekk għandu żewġ sentenzi qawwijin: jgħid li “l-ġenituri huma l-edukaturi primarji u oriġinali”. Primarji tfisser li huma jiġu l-ewwel; u oriġinali, għax din l-edukazzjoni ħierġa mill-missjoni tagħhom bħala ġenituri. Hu jgħid li din il-vokazzjoni qatt ma jistgħu jirrinunzjaw għaliha, u qatt ma tista’ tiġi użurpata minn ħaddieħor, għax hemm min qed jipprova jisraq lill-ġenituri l-missjoni li jkunu l-edukaturi ta’ wliedhom.

Il-wegħda tal-miżżewġin li jrabbu u jedukaw fil-fidi Nisranija

Dan huwa msaħħaħ ukoll fit-talb li nagħmlu fil-liturġija meta niċċelebraw iż-żwieġ; ftakru ftit li dakinhar waħda mill-wegħdiet tagħkom ma kinitx biss il-wegħda tal-fedeltà, imma wkoll il-wegħda li trabbu lil uliedkom fil-fidi u fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla: “Iva, aħna lesti li nilqgħu l-ulied li Alla jipprovdilna u li nrabbuhom skond il-Kelma tiegħu”. Mhux biss, imma dak id-dmir jew dak l-impenn erġajtu ġeddidtuh dakinhar li għammidtu lil uliedkom. Sfortunatament drajna li l-liturġija ma niggustawhiex. Meta tersqu biex tgħammdu, is-saċerdot jgħidilkom: “Għeżież ġenituri li qed tressqu lil uliedkom għall-Magħmudija, tafu intom bid-dmir li trabbu u tedukaw lil uliedkom fil-fidi Nisranija?”. Intom irrispondejtu: “Iva, nafu”. Dan biex nurikom is-sabiħ u fl-istess ħin ir-responsabbiltà tal-missjoni tagħna bħala dawk li nedukaw, u nedukaw f’dan is-sens li ngħinu lil uliedna jagħrfu l-vokazzjoni tagħhom, ħalli dawk l-esperjenzi koroh li semmejtilkom fil-bidu kemm jista’ jkun nevitawhom.

Immaġinaw ftit kieku l-Verġni Marija flimkien ma’ Ġużeppi, u Eliżabetta flimkien ma’ Żakkarija, ma wettqux din il-ħidma edukattiva tagħhom biex jgħinu lil uliedhom, Ġesù u Ġwanni, jikbru fiż-żmien, fil-għerf u fil-grazzja, fil-maturazzjoni umana u spiritwali tagħhom!

Liema vokazzjonijiet aħna msejħin biex nippromovu jew biex nedukaw f’uliedna? Il-kelma “teduka” ġejja mill-kelma bil-Latin li tfisser toħroġ mill-individwu dak li hemm fih, tara x’inhuma l-inklinazzjonijiet li hemm fih, tara x’inhuma l-ġibdiet tiegħu u tgħinu ħalli dawk jindirizzahom. Naturalment tgħinu ħalli jiċċarra l-motivazzjonijiet u r-raġunijiet għalfejn jagħmel din l-għażla u mhux l-oħra. Imma għedna wkoll li dan irridu nagħmluh f’kuntest ta’ ħajja Nisranija u għalhekk f’kuntest ta’ talb.

pdf · 93.78 KB Niżżel