Aqbeż għall-kontenut

In-Nar li Qabbad Pawlu

In-nar għandu qawwa li teqred. Huwa jeqred mhux biss materjalment imma anki moralment. Meta Ġesù kien għaddej qrib is-Samarija, billi n-nies ta’ hemmhekk ma laqgħuhx, Ġwanni u Ġakbu qalulu: “Tridx nitolbu n-nar jinżel mis-sema u jaħraqhom?”. Mhux biss id-dixxipli ta’ dakinhar kienu jixtiequ n-nar biex jaħarqu lill-oħrajn, imma anki llum id-dixxipli ta’ Kristu ġieli jagħmlu dawn it-tip ta’ imprekazzjonijiet. Fil-fatt, ġieli tisma’ espressjonijiet bħal: “Kemm nixtieq li tinħaraq”, jew “Kemm nixtieq li tinħaraqlek il-karozza”. Imbagħad għandna l-espressjoni l-oħra: wieħed li “jqabbad in-nar”, fis-sens li wieħed jaqla’ l-inkwiet, iħeġġeġ għall-ġlied!

Fl-Atti tal-Appostli naqraw li dakinhar tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna fil-gżejjer tagħna, il-Maltin qabbdu ħuġġieġa; imma Pawlu qabad qabda zkuk niexfa u poġġiehom fuq in-nar – Pawlu qabbad in-nar! Niżgurakom li meta ngħidu li Pawlu qabbad in-nar, dan nifhmuh f’sens pożittiv. In-nar li Pawlu qabbad fuq il-gżejjer tagħna għadu jaqbad – xi drabi jkun imħeġġeġ u xi drabi l-fjammi jaħbtu jninu. Imma n-nar għadu hemm.

Mhux qed nirreferi għan-nar bħala l-element tan-natura, imma għal dak in-nar li titkellem dwaru l-Kelma ta’ Alla. L-Iskrittura tuża n-nar bħala simbolu għal Alla. Ngħidu aħna, fil-ktieb tad-Dewterenomju, biex Mosè jfisser lill-poplu tiegħu d-dehra li huwa kellu ta’ Alla, jgħidlu: “Il-muntanja kienet nar iħeġġeġ. U Alla tkellem bħan-nar minn fuq il-muntanja” (ara 5:23; 4:33). Fl-Ittra lil-Lhud, li hemm min jattribwiha anki lill-Appostlu Pawlu, hemm silta wkoll mid-Dewterenomju fejn jgħid: “Kelmtek, Mulej, hi bħal nar jaqbad” (ara 12:29). Oriġene, wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja, għandu espressjoni li jingħad li hi l-Kelma ta’ Kristu, jiġifieri espressjoni li qalha l-Mulej Ġesù. Skont Oriġene, Kristu darba qal: “Min jersaq lejja, jersaq lejn in-nar iħeġġeġ”.

Allura dan hu n-nar li wasslilna Pawlu meta ġie fuq xtutna: huwa pprova jqabbdilna n-nar ta’ Alla. Dan hu n-nar tan-Nawfraġju. Nistħajjel lil Pawlu jtenni dik is-sentenza sabiħa ta’ Kristu: “Nar ġejt inqabbad fil-gżejjer Maltin, u kemm nixtieq li dan in-nar diġà qabad!” (ara Lq 12:49). Aħna ġieli ngħidu li s-Solennità tan-Nawfraġju hija l-Magħmudija tal-ġens Malti. U allura nista’ napplika għal Pawlu dak illi l-Battista qal għal Kristu: Pawlu ġie jgħammidna bl-Ispirtu u n-nar. Hemm rabta fil-Kelma ta’ Alla bejn in-nar u l-Ispirtu s-Santu. Ilkoll nafu li nhar Għid il-Ħamsin, meta d-dixxipli kienu miġbura fiċ-Ċenaklu f’Ġerusalemm, niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu f’forma ta’ ilsna tan-nar. Dan in-nar qabbadhom u ma setgħux jibqgħu magħluqa fiċ-Ċenaklu, imma dik l-enerġija, dak in-nar, imbuttahom biex jiftħu beraħ il-bibien, joħorġu u jibdew jitkellmu fuq l-għeġubijiet ta’ Alla.

Dak li seħħ lill-Appostli f’Ġerusalemm nhar Pentekoste ġara wkoll lill-Appostlu Missierna Pawlu f’Antjokja wara li kien għamel żmien ta’ dixxipulat flimkien mal-Appostli. Fl-Atti tal-Appostli naqraw li l-għalliema u l-profeti sejħu lil Pawlu u lil Barnaba, qiegħdu jdejhom fuqhom u niżel l-Ispirtu s-Santu. U l-Ispirtu s-Santu, li hu din l-enerġija, dan in-nar, imliehom bil-ħeġġa, u hekk Pawlu u Barnaba inawguraw dawk li huma magħrufa bħala t-tliet vjaġġi missjunarji.

Kemm f’Pentekoste li seħħ Ġerusalemm u kemm f’dak li seħħ fil-ħajja ta’ Pawlu meta kien Antjokja, id-darbtejn l-Ispirtu s-Santu, in-nar ta’ Alla, iħeġġeġ lid-dixxipli tal-Mulej biex joħorġu jxandru l-Bxara t-Tajba. L-Ispirtu s-Santu jagħtihom din il-qawwa, din il-missjoni. Għeżież tiegħi, u jekk Ġerusalemm seħħ Pentekoste, jekk f’Antjokja kien hemm Pentekoste għal Pawlu, jiena nixtieq nikkontempla n-Nawfraġju ta’ Pawlu fostna meta hu għamel dak il-ġest simboliku li jieħu ftit zkuk u jqabbad in-nar; jiena nipproponi li nikkontemplaw din il-ġrajja tal-lum bħala l-Pentekoste tal-Knisja f’pajjiżna.

Dan ma jfissirx biss li l-Ispirtu s-Santu niżel fuqna, imma jfisser ukoll li l-Ispirtu s-Santu huwa r-ruħ tal-Knisja anki llum. Wara li aħna nkunu kbirna fid-dixxipulat, illum l-Ispirtu s-Santu qed jgħidilna biex niftħu beraħ il-bibien tal-Knisja u nkunu, fi kliem il-Papa Franġisku, Knisja li toħroġ. Inħoss li l-Ispirtu Qaddis qed jgħidilna: “Tibqgħux ġewwa għax ħa tifgaw. Tibqgħux tistqarru l-fidi tagħkom ġewwa. Oħorġu fit-toroq u kkomunikaw kif għamlu l-Appostli f’Ġerusalemm, kif għamlu Pawlu u Barnaba”. Dan hu l-Pentekoste fin-Nawfraġju ta’ Pawlu f’pajjiżna.

San Ċirillu ta’ Ġerusalemm huwa wieħed mill-ewwel fost is-Santi Padri li jitkellem dwar l-Ispirtu s-Santu bħala nar u l-bniedem qisu biċċa ħadida. Meta l-ħadida npoġġuha taħt in-nar, din issir nar. Aħna ngħidu li ssir ħamra nar. Tibqa’ ħadida. In-natura tagħha ma tinbidilx. Imma jkollha enerġija ta’ barra minn hawn. San Ċirillu ta’ Ġerusalemm jgħid li dan huwa n-Nisrani li jirċievi n-nar tal-Ispirtu s-Santu. Huwa jibqa’ bniedem bid-diffikultajiet tiegħu, bil-limiti tiegħu, bl-imperfezzjonijiet tiegħu, imma l-Ispirtu s-Santu jagħmlu strument li jqabbad lill-oħrajn.

Inħoss li nista’ napplika dan għall-Appostlu Missierna Pawlu. Pawlu kien dik il-ħadida li taħt in-nar tal-Ispirtu s-Santu sar nar biex iqabbad lill-oħrajn. Pawlu kien konxju mill-limitazzjonijiet tiegħu. Jekk nieħdu f’idejna l-ittri tiegħu, joħroġ ċar li Pawlu jammetti d-dgħufija tiegħu. Imma daqstant ieħor kien konvint li n-nar ta’ Alla, l-Ispirtu s-Santu, kien nieżel fuqu u tah din il-missjoni biex dan in-nar ma jżommux għalih, biex dan in-nar ma jaħbihx taħt il-modd, imma jqabbad lill-oħrajn.

Il-ktieb ta’ Bin Sirak jitkellem dwar il-profeta Elija u jgħid: “Il-profeta huwa n-nar ta’ Alla u l-Kelma tiegħu hija nar li jqabbad” (ara 48:1). Napplika dan għall-Appostlu Pawlu. Għandna l-Appostlu li huwa nar, li l-kelma tiegħu tqabbad; huwa ġie fostna u qabbad in-nar. Pawlu kellu qalbu taqbad bl-imħabba għal Alla u għall-proxxmu. Fit-tliet xhur li għamel fostna, huwa sab il-ħeġġa biex jitkellem, jevanġelizza, jgħidilna min hu Ġesù. Kieku Pawlu ma kellux qalbu mimlija bin-nar tal-imħabba, kif kien ser juri interess fil-morda u jfejjaqhom? Huwa fejjaq mhux biss lil missier Publiju, imma wkoll lil dawk il-morda li l-Maltin ressqu quddiemu. Mhux in-nar li kien hemm jitkebbes fil-qalb ta’ Pawlu illi kkomunika dan in-nar fl-oħrajn?

Għalhekk il-mistoqsija li nagħmel lili nnifsi u lill-Knisja lokali f’pajjiżna hija din: In-nar li dakinhar tan-nawfraġju Pawlu qabbad fostna, għadu jaqbad illum? Intom konxji li dak in-nar li qabbad Pawlu għadu jaqbad illum? Huwa nar li qed jaqbad f’qalbek u jimliek bil-passjoni għal Alla u għall-bniedem. Kif l-Ispirtu s-Santu għamel mal-Appostli u ma’ Pawlu, anki llum qiegħed jibagħtek – qiegħed jaħraq fik biex inti taħraq ’l-oħrajn bħal Alla, biex inti tinħaraq (tikkonsma) bħalma Pawlu nħaraq dakinhar li għamel l-offerta tiegħu fil-martirju. Dan in-nar jikkonsmana bħala offerta tfuħ lil Alla. Ħa nqabbdu iktar ħġejjeġ biex il-bnedmin, il-familji u s-soċjetà tagħna tkun dik il-ħuġġieġa taħraq quddiem Alla!

Hija din il-mistoqsija li qed nagħmlilkom f’din is-sena fl-okkażjoni tal-Festa tan-Nawfraġju ta’ Pawlu. Aħna poplu li nħobbu ħafna t-tradizzjonijiet religjużi. Mhix xa ħaġa ħażina. Napplikaw ħafna u ħafna mill-enerġiji tagħna, min-nar tagħna f’dan is-settur. Imma, ħudu nota ta’ affermazzjoni interessanti li darba għamel kompożitur Awstrijakk: “It-tradizzjoni vera hija li aħna nikkuraw in-nar, inżommuh jaqbad, u mhux naduraw l-irmied”. Aħna poplu li nħobbu t-tradizzjonijiet religjużi; imma t-tradizzjoni awtentika u li għandna bżonn ngħożżuha hija din li aħna nieħdu ħsieb li n-nar jibqa’ mixgħul, u mhux ninħlew wara l-irmied! Għaliex meta l-bniedem jinsa li huwa mibgħut biex iqabbad, biex jagħti n-nar, allura hemm ir-riskju li nibqgħu mexjin inħarsu ċċassati ’l fuq, mingħajr ma nintebħu li qed nirfsu kontinwament l-irmied!

X’inhu l-irmied fil-kuntest tat-twemmin tagħna? Jekk għalina l-Vanġelu jkun biss ittra, kelma mejta u mhux programm ta’ ħajja, dak il-Vanġelu hu rmied. Jekk fl-Ewkaristija ma niddistingwux, kif jgħid San Pawl, l-ikel Ewkaristiku minn ikel ieħor, u nibqgħu niċċelebraw l-Ewkaristija u fl-istess waqt nibqgħu niżirgħu s-sikrana bejnietna u ma nistgħux naraw lil xulxin, ninku lil xulxin, infieru lil xulxin, allura l-Ewkaristija hija rmied. Hija ħaġa sabiħa li għadna ngħożżu s-Sagramenti tal-Magħmudija, l-Ewwel Tqarbina, il-Griżma u ż-Żwieġ – biex ma ninkludix l-Ordni Sagri wkoll! Imma jekk is-Sagramenti jibqgħu sempliċi ċelebrazzjoni soċjali jew ritwali li jfissru biss passaġġi fil-ħajja – twelid, adolexxenza, u l-bqija – allura anki s-Sagramenti huma rmied! Jekk il-Kurċifiss qiegħed hemmhekk biss biex aħna niddandnu bih (bħal dan is-salib li nilbes jien!) jew biex indendluh mal-ħitan, ma’ għonqna, imma ma jkunx ifisser l-istandard tal-fidwa li kisbilna Kristu u ma jkunx sinjal ta’ dak is-salib li nġorru int u jien flimkien ma’ Kristu, allura – Bambin, aħfirli – anki s-salib huwa rmied. Nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza, għaliex jekk aħna nieħdu ħsieb il-knisja tal-ġebel imma ma niħdux ħsieb il-Knisja li hija l-miġemgħa, jekk aħna nintilfu fl-opri u ma niħdux ħsieb l-Opra tal-Fidwa, allura anki l-Knisja tal-ġebel hi rmied.

Kif għidt aktar ’il fuq, it-tradizzjoni vera hi li aħna nieħdu ħsieb in-nar, mhux li naduraw l-irmied. Imma anki jekk hemm l-irmied, ma naqtgħux qalbna. L-ewwel nett għaliex jekk hemm l-irmied, dan ifisser li lbieraħ kien hemm in-nar; ilbieraħ kien hemm ħajja Nisranija awtentika. Maż-żmien dak in-nar intefa’ u baqa’ biss l-irmied. Imma l-memorja tal-istorja lilna tista’ tistimulana biex dak in-nar nerġgħu nqabbduh. Għalhekk napprezza kull inizjattiva li tieħu l-komunità parrokkjali biex tikkonserva l-istorja u tgħallimha lill-oħrajn. Importanti li nedukaw lill-ġenerazzjonijiet li telgħin dwar it-tradizzjoni reliġjuża tagħna, inkella dawn ikunu bħal siġar mingħajr għeruq. Ma rridkomx taqtgħu qalbkom, imma fl-istess ħin ma rridkomx tkunu delużi.

Imbagħad, għalkemm hemm l-irmied u n-nar bħal donnu ntefa’, infittxu qalb l-irmied, għax taħt dak il-fdal jista’ għad hemm ġamar jaqbad. Kulma għandu bżonn dak il-ġamar moħbi biex jaqbad hu ftit ta’ arja. Nonfħu ftit fuq l-irmied ħalli jerġa’ jħeġġeġ, jerġa’ jaqbad. Nemmen li anki taħt l-irmied hemm il-ġamar. Anki f’dawk l-esperjenzi li semmejt aktar ’il fuq, li forsi ġew ridotti għal irmied, jista’ jkun hemm il-ġamar u għadna fil-ħin li nagħtuh in-nifs biex jerġa’ jieħu. Nagħmlu l-parti tagħna ħalli dak il-ġamar jieħu l-arja u jerġa’ jibda jqabbad. Jien konvint li minkejja li għal għajnejna jista’ jkun hawn ħafna rmied, hemm ukoll ħafna ġamar li għadu jaqbad. Nemmen li anki fejn hemm ħajja moralment imperfetta li faċli naslu li niġġudikawha rmied, hemmhekk hemm il-ġamar. Dak il-ġamar qed jistenna lil xi ħadd li jonfoħlu biex jerġa’ jaqbad. Anki jekk hemm bnedmin li huma telqu mill-Knisja, bnedmin li jgħidu li m’għadhomx jemmnu, anjostiċi, nemmen li f’dawk il-bnedmin, li aħna faċli li niġġudikawhom li huma rmied, hemm il-ġamar.

Imma min ħa jkebbes in-nar? Magħna l-Appostlu Pawlu għamel dan il-ġest: ħa z-zkuk, poġġiehom fuq in-nar, u n-nar ħeġġeġ. Lit-Tessalonkin, Pawlu jgħidilhom biex ma jxekklux l-Ispirtu – biex ma jxekklux in-nar li jrid jaqbad. Noqogħdu attenti, għax xi darba aħna rridu li n-nar jaqbad f’ċerta forma u kapaċi nitfuh. Aħna nkunu nxekklu lill-Ispirtu. L-Ispirtu mhu marbut ma’ ebda struttura jew għamla. Għalhekk, ma ninħasdux jekk in-nar ta’ Alla, jekk l-Ispirtu ta’ Alla, kif għamel fi żmien San Pawl, illum ukoll jaħdem f’ambjenti u f’modi li jissorprenduna għax mhumiex fil-linja tas-soltu.

Dak in-nar li Pawlu wasslilna, li għidna li huwa l-Ispirtu ta’ Alla, dak l-Ispirtu li għadu jaqbad fina, qed jibgħat ukoll lilna llum biex noħorġu fit-toroq u l-ambjenti tagħna, u la nibżgħu u lanqas nistħu nkebbsuh fil-qlub tal-proxxmu tagħna. “Ħudu l-Ispirtu s-Santu fuqkom u kunu xhieda tiegħi” (ara Ġw 20:22; Atti 1:8). Ħudu n-nar li Pawlu qabbad fuq xtutna u kunu xhieda ta’ Ġesù Kristu.

It-tama tagħna hi li fix-xhur li ġejjin bħala Knisja f’Għawdex nagħmlulkom proposta biex dan in-nar, dan l-Ispirtu li ġabilna Pawlu fl-ewwel Pentekoste tiegħu f’pajjiżna, tħalluh jaqbad fikom biex imbagħad nibagħtukom bħala missjunarji f’Għawdex tagħna. Hekk intom tidħlu f’dawk l-ambjenti, f’dawk il-familji, fil-ħajja tal-persuni. Nixtieqkom temmnu li taħt dawk ir-realtajiet u l-esperjenzi li jidhru li huma rmied jaf ikun hemm il-ġamar li, jekk nonfħu fuqu, insiru ħuġġieġa waħda għall-glorja ta’ Alla.

pdf · 118.60 KB Niżżel