Aqbeż għall-kontenut

In-Nisrani fil-Ħajja Pubblika

Liberija Nazzjonali ta’ Għawdex, il-Belt Victoria

Il-Ħamis 5 ta’ Lulju 2018

L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

SEHEM IN-NISRANI FIL-ĦAJJA PUBBLIKA

Inħossni grat ħafna lejn is-Sur Max Farrugia għall-bijografija li tana dwar Mons. Enrico Dandria, partikularment dwar is-sehem ta’ dan is-saċerdot fin-nisġa politika ta’ pajjiżna. Din in-narrattiva hija utli ħafna għal żmienna, għax l-eżempju kommendabbli ta’ dan is-saċerdot jista’ jservi ta’ stimulu biex jitkebbes l-interess ġenwin taċ-ċittadini, partikularment tal-Insara, fil-ħajja politika ta’ pajjiżna.

Minn dak iż-żmien ’l hawn, sitta u tmenin sena wara l-mewt ta’ Dandria, inbidlet l-għamla jew il-modalità, imma mhux is-sustanza tal-impenn tan-Nisrani fil-politika, fis-sens li għalkemm illum ebda saċerdot ma jista’ qatt joħlom li jimxi fuq il-passi ta’ Dandria u presbiteri illustri oħra ta’ żmienu, bħal Mons. Ġużeppi Depiro u Mons. Mikiel Gonzi, il-ħajja pubblika tibqa’ qasam fejn il-lajċi dixxipli ta’ Kristu għandhom missjoni importanti xi jwettqu. Il-ktieb ta’ Dandria huwa proposta biex nirriflettu bis-serjetà dwar ir-relazzjoni ġdida li għandu jkun hemm bejn ir-reliġjon u l-kamp politiku.

Frott il-Konċilju Vatikan II, illum il-Knisja kisbet għarfien ġdid kemm dwar l-awtonomija tar-realtajiet temporali, ir-relazzjoni li għandu jkun hemm bejn Stat u Knisja, is-sehem tal-lajċi Nsara fil-Knisja u fid-dinja, u kemm dwar l-identità u l-missjoni tas-saċerdoti tagħha. Fil-fatt, l-Isqfijiet miġbura fis-Sinodu li sar fl-1971 dwar is-saċerdozju ministerjali u l-ġustizzja fid-dinja jgħidu li r-Ragħajja tal-erwieħ, filwaqt li għandhom jagħtu “ruħ etika lill-ħajja politika”, “bħala xhieda tal-Assolut, għandhom jastjenu li jkollhom tisħib dirett fil-prassi politika”. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II, filwaqt li jiddistingwi bejn il-ħajja privata u l-imġiba pubblika tas-saċerdot, jafferma “l-ħtieġa għall-presbiteru li jastjeni minn kull impenn militanti fil-politika”. Huwa jkompli jgħid li “d-dritt tal-presbiteru li jimmanifesta l-għażliet (politiċi) personali tiegħu huwa limitat mill-ħtiġijiet tal-ministeru saċerdotali tiegħu”… anzi, “xi drabi s-saċerdot huwa obbligat li ma jeżerċitax id-dritt tiegħu biex ikun sinjal validu tal-għaqda u għalhekk ikun jista’ jħabbar il-Vanġelu b’mod sħiħ. Barra minn hekk, huwa għandu jevita li jippreżenta l-għażla (politika) tiegħu bħala l-unika waħda leġittima u… hekk joħloq l-għedewwa bil-pożizzjoni li jkun ħa fil-kamp politiku – pożizzjonijiet li jitilfulu l-fiduċja u jbiegħdu lill-Insara li huma fdati fil-missjoni pastorali tiegħu” (29 ta’ Lulju 1993). Fi kliem il-Papa Benedittu XVI, “is-saċerdoti għandhom jaħdmu għall-għaqda u l-komunjoni fost l-Insara kollha u għalhekk għandhom iżommu ’l bogħod mill-politika, li hija kamp tal-azzjoni tal-lajċi” (17 ta’ Settembru 2009).

Il-Konċilju jispeċifika b’mod ċar li l-ħidmiet temporali huma kompetenza tal-lajċi. Fost dawn hemm l-impenn soċjali u politiku fis-soċjetà demokratika. Immexxija minn kuxjenza Nisranija, huma jagħmlu ħilithom biex janimaw bil-valuri tal-Vanġelu l-ordni temporali (l-ekonomija, is-saħħa, il-liġijiet…) filwaqt li jirrispettaw l-awtonomija tagħhom (GS, 36). Il-lajċi jkunu jonqsu jekk jabdikaw minn din is-sejħa u missjoni. Kif jgħid il-filosfu Massimo Cacciari (mhux bniedem tal-fidi, imma japprezza l-kontribut umanista tat-twemmin Nisrani), “Nisrani ma jistax ikun apolitiku. Din il-verità sserraħ fuq il-ġrajja tal-Inkarnazzjoni” (La Repubblica, 26.4.11). Id-djalettika bejn “Knisja u Stat” illum ġiet megħluba, għax minflok, nippreferu nitkellmu dwar ir-relazzjoni bejn “Insara u ċittadini”, inkwantu bħala ċittadini l-Insara jieħdu sehem attiv fil-bini tal-polis.

Żvilupp ieħor importanti f’dan il-qafas huwa li llum għal preżenza aktar effettiva fis-soċjetà, kif reġa’ tenna dan l-aħħar il-Papa Franġisku f’intervista li ta lis-soċjologu Franċiż Dominque Wolton, m’hemmx ħtieġa li l-Insara jiffurmaw “il-partit Kristjan jew Kattoliku. Formazzjoni ta’ din ix-xorta tkun ikkundannata li tfalli… Għax wieħed jista’ jwaqqaf partit li għandu valuri Kristjani mingħajr ma jissejjaħ Kristjan”. Għadha valida l-linja tal-Isqfijiet Taljani fl-1981 li, meta tkellmu kontra l-formazzjoni ta’ unità politika Kattolika (DC), qalu: “Mhux bilfors li mill-istess fidi l-Insara għandhom joħorġu fl-istess programmi u jagħmlu l-istess għażliet politiċi; il-preżenza tagħhom fl-istituzzjonijiet tista’ leġittimament tesprimi ruħha f’forom pluralistiċi”. Padre B. Sorge SJ jgħid li dan l-orjentament għandu mill-intuwizzjoni ta’ Don Luigi Sturzo li xtaq joħloq “kamp popolari demokratiku” li jkun jilqa’ fih lil kulħadd “liberi e forti”, nies ta’ fidi ma’ nies bla twemmin, li jaqsmu flimkien il-valuri u l-ideali.

Jekk f’dawn l-aħħar sittin sena l-Knisja kisbet għarfien aktar approfondit dwar il-valur intrinsiku tal-lajċità u dwar ir-relazzjoni tagħha mal-istituzzjonijiet temporali, anki s-soċjetà sekularizzata, wara epoka fejn, biex tgħolli r-raġuni, warrbet għalkollox it-traxxendent, illum qed jirnexxilha tirrevedi l-attitudni tagħha ma’ dak li huwa reliġjuż. Hemm min itenni li kienet l-istess kriżi tas-sistema demokratika li daħħlet fi kriżi l-lajċiżmu illuminista. Fil-fatt, Norberto Bobbio huwa tal-fehma li d-demokrazija wriet li mhix kapaċi tieqaf fuq saqajha waħidha. Il-ġurista Ġermaniż Ernst W. Bockenforde jafferma li “l-Istat sekularizzat iżomm fuq presupposti li hu stess ma għandux il-ħila jiggarantixxi”. Dan jimplika li hemm dubju jekk l-Istat demokratiku kostituzzjonali huwiex kapaċi jġedded b’mod awtonomu l-leġiżlazzjoni tiegħu u għalhekk għandux bżonn ta’ tradizzjonijiet metafiżiċi u reliġjużi jew ta’ għamliet determinati ta’ ethos. Anki l-filosfu Jurgen Habermas iżomm li s-soċjetà tesperjenza deficit serju xħin tiġi biex titlob ċerta mġiba morali miċ-ċittadini u għalhekk issir soċjetà demokratikament dgħajfa. Għaldaqstant, Habermas jara valur fil-potenzjalitajiet li għandhom it-tradizzjonijiet reliġjużi, partikularment it-tradizzjoni Nisranija. Għalhekk huwa jgħid li “l-pożizzjonijiet li għandhom fundament reliġjuż għandhom post leġittimu fl-isfera pubblika u politika. Huwa jtenni li biex il-modernità terġa’ tiġi ċivilizzata, il-bniedem għandu bżonn ir-reliġjon: meta r-reliġjon hija tradotta politikament f’lingwaġġ lajk, hija tgħin lis-soċjetà Ewropea tħares ir-riżorsi morali tagħha. Id-demokrazija ma tistax tgħaddi mingħajr pedament etiku, u kif jikkummenta B. Croce, dan bilfors jimplika s-sens reliġjuż.

F’diskors verament interessanti li għamel lill-Isqfijiet Franċiżi f’April li għadda, il-President Emanuel Macron jagħraf li Franza, nazzjon li welled l-Illuminiżmu, ma tistax tgħaddi mingħajr is-sapport reliġjuż: “Meta llum qegħdin ngħixu f’mument ta’ dgħufija soċjali kbira, meta hemm periklu li l-istess nisġa tan-Nazzjon tiċċarrat, nikkunsidraha bħala r-responsabbiltà tiegħi li nara li ma jitħalliex għaddej it-tnaqqir tal-fiduċja tal-Kattoliċi fil-politika u l-politiċi… Il-politika u l-Knisja għandhom jaqsmu flimkien din il-missjoni li jħammġu jdejhom fit-tafal tar-realtà, li jikkonfrontaw kontinwament irwieħhom ma’ dak li fit-temporali, nazzarda ngħid, huwa l-aktar temporali. Dan huwa spiss iebes, ikkumplikat, esiġenti u imperfett. Is-soluzzjonijiet ma jaqgħux mis-sema. Huma jitwieldu frott l-artikulazzjoni bejn ir-realtà u l-ħsieb, is-sistema ta’ valuri, il-viżjoni tad-dinja. Spiss huma l-għażliet l-inqas ħżiena u li jibqgħu prekarji. Dan huwa esiġenti u diffiċli… Jeħtieġ li jkollna l-kuraġġ li nibnu r-relazzjoni ta’ bejnietna (Stat u Knisja) fuq il-qsim tal-inċertezzi tagħna, jiġifieri l-qsim ma’ xulxin tal-mistoqsijiet, partikularment il-mistoqsijiet tal-bniedem. Huwa hemm li l-qsim ta’ bejnietna kien l-aktar għammiel: fil-kriżi, quddiem dak li mhux magħruf, quddiem ir-riskju, quddiem il-kuxjenza komuni tal-pass li jmiss li rridu nagħmlu, l-azzard li rridu nipprovaw nieħdu. Huwa hemm li n-Nazzjon spiss kiber grazzi għall-għerf tal-Knisja, għaliex għal sekli u millennji l-Knisja ilha tipprova tagħmel l-azzard tagħha, kellha l-kuraġġ tieħu r-riskju. Huwa b’hekk li hi għamlet in-Nazzjon aktar sinjur”.

Presuppost importanti għal dan id-djalogu bejn il-politika u r-reliġjon huwa li jkollna għarfien ta’ x’inhi “l-lajċità pożittiva” – kunċett użat minn Nicolas Sarkozy fl-2007, imbagħad kompla jelaborah sena wara meta l-Papa Benedittu mar Franza. Dakinhar Sarkozy kien qal li “huwa leġittimu f’demokrazija, u b’rispett lejn il-lajċità, li wieħed jiddjaloga mar-reliġjonijiet. Dawn, partikularment ir-reliġjon Nisranija, għandhom patrimonju ta’ ħsieb mhux biss dwar Alla, imma wkoll dwar il-bniedem, dwar is-soċjetà u saħansitra dwar in-natura… Tkun bluha jekk niċċaħħdu minn dan. Ikun sempliċement żball kontra n-natura u kontra l-ħsieb. Għalhekk nappella għal darb’oħra għal lajċità pożittiva. Lajċità li tirrispetta, li tgħaqqad, li tiddjaloga. Mhix lajċità li teskludi jew tiddenunzja. F’epoka fejn id-dubju u l-għeluq tagħna nfusna qed ipoġġu d-demokraziji tagħna quddiem l-isfida li nwieġbu għall-problemi li għandna, il-lajċità pożittiva toffri lill-kuxjenza tagħna l-possibbiltà li tibdel il-fehmiet ’l hinn mit-twemmin jew ir-riti, fuq it-tifsira li rridu nagħtu lill-eżistenza tagħna”.

Fi tweġiba għal dan id-diskors, il-Papa Benedittu XVI jgħid li “saret ħtieġa li nirriflettu dwar it-tifsira vera u l-importanza tal-lajċità. Filwaqt li huwa fundamentali li ninsistu fuq id-distinzjoni bejn il-qasam politiku u dak reliġjuż… min-naħa l-oħra importanti wkoll li jkollna aktar għarfien dwar il-funzjoni insostitwibbli tar-reliġjon għall-formazzjoni tal-kuxjenzi u s-sehem li hija tista’ toffri, flimkien ma’ oħrajn, biex ikun hemm qbil etiku wiesa’ fis-soċjeta”.

F’kuntest politiku, il-lajċità pożittiva tfisser li dawk li jemmnu u dawk bla ebda twemmin, mingħajr ma jirrinunzjaw għall-identità proprja tagħhom, jaħdmu flimkien biex isibu mogħdijiet prattiċi biex jintlaħaq il-ġid komuni possibbli f’sitwazzjoni partikulari. Għalhekk fil-politika, ir-rispett lejn il-lajċità pożittiva jitlob, minn naħa l-waħda li n-Nisrani ma jimponix il-verità li jikseb mill-fidi, imma filwaqt li jixhed għaliha u jħabbarha, huwa jagħmel ħiltu biex iwassalha f’termini lajkali li jinftiehmu minn kulħadd; min-naħa l-oħra, is-sieħba lajċi għandhom ikunu daqstant ieħor lesti li jwarrbu l-madmad tad-dommatiżmu ideoloġiku u jinfetħu għad-djalogu u l-konfront anki ma’ dawk li għandhom konvinzjonijiet reliġjużi.

Il-lajċità pożittiva twassal biex fil-politika tingħeleb kull għamla ta’ konfessjonaliżmu, kemm reliġjuż u kemm ideoloġiku. Dan jgħodd għal-lajċi Nsara impenjati fil-ħajja pubblika biex jevitaw kull għamla ta’ integraliżmu, u filwaqt li jispiraw ruħhom mill-valuri etiċi-reliġjużi, huma jagħmlu proposti f’termini lajkali li jkunu jistgħu jintlaqgħu minn kulħadd – kemm minn nies tal-fidi, minn dawk li ma jemmnux, u kemm minn dawk li jħaddnu ideoloġiji differenti. Meta jippreżentaw il-viżjoni konfessjonali tagħhom, il-lajċi Nsara ma għandhomx jimponu ruħhom fuq l-oħrajn, imma huma jfittxu li jieħdu sehem fit-tiswir tal-ethos ċivili li l-aktar jista’ joqrob lejn l-ideali Nsara, liema ethos ikun aċċettat minn kulħadd, u hekk tintlaħaq l-unità fil-pluralità.

L-istess jingħad dwar il-konfessjonaliżmu ideoloġiku min-naħa tal-partiti politiċi. Minħabba l-ideoloġija li jħaddnu, ħafna drabi l-partiti politiċi jkunu ħafna ’l bogħod minn xulxin u għaldaqstant mhux faċli li jiftehmu biex jintlaħaq il-ġid komuni. Wieħed ma jistenniex li dawn iċedu l-prinċipji, imma l-ħtieġa politika turina li xi drabi jkun meħtieġ li dawn jingħaqdu biex jintlaħqu ċerti għanijiet għall-ġid tas-soċjetà. F’dan il-kuntest, darba E. Berlinguer (li kien Segretarju tal-PCI) kien qal: “Nagħmel ħilti kollha biex il-PCI isir ‘lajk’”, fis-sens li dan il-partit ma jibqax maħkum mid-dommatiżmu tal-Unjoni Sovjetika.

Il-mistoqsija li normalment tqum f’kuntest kulturali, soċjali u politiku li hu allerġiku għall-valuri u l-prinċipji tal-Vanġelu, hija kif il-lajċi Nsara jistgħu jinvolvu ruħhom f’din l-attività politika u fl-istess waqt jibqgħu koerenti ma’ twemminhom. Hemm min jirraġuna li meta fil-politika ma tgħaddix tiegħu, allura n-Nisrani għandu jparpar jew jirriżenja mill-uffiċċju pubbliku tiegħu. Imma din mhix l-attitudni korretta. Aħna ċ-ċittadini prattikanti, flimkien ma’ dawk li ma humiex prattikanti, għandna bżonn insibu “forom ġodda” għal din ir-relazzjoni bejn ir-reliġjon u l-bażi morali tad-demokrazija.

Habermas jagħmel appell liċ-ċittadini li jemmnu u liċ-ċittadini sekularizzati biex iqisu s-sekularizzazzjoni bħala proċess ta’ tagħlim kumplimentari, fejn it-tnejn jistgħu jieħdu bis-serjetà, anki biex jitgħallmu minn xulxin, il-kontribut rispettiv tagħhom fid-dibattitu – it-tnejn huma sfida għal xulxin. Waqt li jisimgħu liċ-ċittadini sekularizzati, iċ-ċittadini li jemmnu, jitgħallmu jittraduċu l-pakkett reliġjuż tagħhom f’lingwaġġ li jifhmu kulħadd. Hekk iċ-ċittadin li jemmen jasal biex iwettaq dik li Marco Ivaldo jsejjaħ “il-medjazzjoni kulturali”, fejn il-kontenut tal-fidi jitwassal b’lingwaġġ imnebbaħ mir-raġuni. Fi kliem ieħor, il-lajċi Nsara mhux biżżejjed li jgħidu x’jemmnu, imma jridu jagħtu r-raġuni ta’ twemminhom. Għalhekk, il-kuntest politiku jsir jixbah l-agora antika – spazju ta’ dibattitu u diskussjoni bl-għan li dawk li qed jiddibattu, minkejja li jkollhom antropoloġiji differenti, jaslu biex isibu medjazzjonijiet tajbin li joħorġu l-aħjar tal-valuri umani diskussi.

F’dan il-proċess, jista’ jgħinna dak li l-filosfu John Rawls isejjaħ “overlapping consensus” fuq pożizzjonijiet li jittieħdu wara riflessjoni fuq il-verità. Overlapping consensus ifisser li d-deċiżjoni li tkun ittieħdet ma tkunx waħda definittiva, imma tkun parti minn proċess fejn wieħed ikun għadu qiegħed ifittex il-verità; l-istess deċiżjoni wkoll tkun frott ta’ dik il-medjazzjoni animata mir-rieda li wieħed ikompli jesplora l-aħjar mod kif il-valuri jkunu mħarsa. Għalhekk il-politiku Nisrani, filwaqt li hu nnifsu qatt ma għandu jikkuntenta ruħu b’dak li jaf, imma jkompli jfittex il-verità, jibqa’ fi djalogu mas-sieħba l-oħra u jgħinhom biex maż-żmien jaslu huma wkoll għall-verità. Intenni dak li qal dan l-aħħar Macron: is-soluzzjonijiet jitwieldu frott l-artikulazzjoni bejn ir-realtà u l-ħsieb, is-sistema ta’ valuri, il-viżjoni tad-dinja. Huwa fatt li l-valuri tal-Vanġelu jibqgħu assoluti u mhux negozjabbli, imma t-traduzzjoni politika tagħhom hija kkundizzjonata miż-żmien, il-post, il-kunsens u l-maturità tal-ħajja demokratika. Hija l-istess arti politika li tgħidilna li l-valuri assoluti mhux dejjem jistgħu jiġu dritt mibdula f’liġijiet. F’dan il-proċess li jindirizza qagħdiet partikulari, tajjeb li tiġi mħarsa l-liġi tal-gradwalità.

Dan id-djalogu bejn il-politiċi Nsara u l-politiċi l-oħra jista’ jieħu s-sura ta’ dik li l-moralista David Hollenbach isejjaħ intellectual solidarity. Iċ-ċittadini flimkien huma impenjati biex jistabbilixxu a shared vision tal-ġid komuni. Kull membru fis-soċjetà jirrifletti bis-serjetà dwar kif it-twemmin tiegħu jista’ jikkontribwixxi biex iċ-ċittadini jkollhom livell ta’ ħajja aħjar. Dan jimplika li lkoll ikunu lesti li jisimgħu lil xulxin u jaqsmu flimkien il-patrimonju lajk, reliġjuż u kulturali tagħhom. F’dan l-impenn il-wieħed u l-ieħor jippruvaw jifhmu l-viżjoni reċiproka ta’ xulxin ukoll meta ma jaqblux. Dan l-eżerċizzju jgħin biex l-imsieħba kollha, għalkemm huma ta’ twemmin differenti, jilqgħu b’mod pożittiv il-pożizzjoni tal-parti l-oħra, jitgħallmu minn xulxin u jipprovaw jilħqu kunsens. Din l-attitudni tgħin biex ma jkunx hemm oppożizzjoni imma kollaborazzjoni. “Intellectual solidarity demands such fortright speech. But it demands open-minded listening as well”. L-indirizz ta’ Hollenbach jixbah ħafna lil dak ta’ Habermas meta dan jitkellem fuq “processo di apprendimento complimentare” li fih kemm iċ-ċittadini li jemmnu u dawk sekularizzati jistgħu jitgħallmu. F’dan il-kuntest tagħmel ħafna sens l-osservazzjoni ta’ Sorge: iktar milli għandna nitkellmu fuq “kontaminazzjoni” bejn il-kulturi diversi, ikun jaqbel jekk nitkellmu dwar “fekondazzjoni reċiproka”.

Biex iwettaq dmiru sewwa, il-politiku Nisrani huwa mistieden jagħmel dixxerniment Nisrani tal-istorja. Il-Kardinal Carlo Maria Martini joffri dawn il-kriterji għal dixxerniment awtentiku:

Wieħed jiddistingwi bejn il-prinċipji etiċi u l-azzjoni politika. Il-prinċipji etiċi huma assoluti u ma jinbidlux. L-azzjoni politika tispira ruħha mill-prinċipji etiċi imma mhux bilfors twettaq b’mod immedjat il-prinċipji etiċi assoluti. Hija timmira li twettaq il-ġid komuni possibbli f’sitwazzjoni determinata. F’sistema demokratika, il-ġid komuni jiġi stabbilit bil-kunsens politiku. Veru li wieħed qatt ma jista’ jagħmel xi ħaġa moralment ħażina biex jilħaq il-ġid komuni; imma proprju minħabba l-prinċipju li wieħed huwa fid-dmir li jilħaq il-ġid komuni konkretement possibbli, jista’ jkun opportun li wieħed jaċċetta ġid inferjuri jew jittollera l-ħażin biex jevita ħażen ikbar.

Fil-fatt, kif jikteb il-Papa Ġwanni Pawlu II, “meta mhux possibbli li jżomm ’il bogħod jew ineħħi għalkollox liġi favur l-abort, membru tal-parlament li hu magħruf minn kulħadd bħala personalment għalkollox kuntrarju u b’mod l-aktar ċar għall-abort, jista’ juri ruħu favur proposti li jillimitaw il-ħsara ta’ liġi bħal din (restrittiva għax maħsuba li tnaqqas in-numru tal-aborti awtorizzati) u jnaqqsu l-effetti negattivi tagħha fl-oqsma tal-kultura u tal-moralità pubblika. Meta dan isir, ma jkunx hemm kollaborazzjoni mhux permessa f’liġi inġusta, imma jkun qed isir tentattiv leġittimu, li wieħed ikun fid-dmir li jagħmlu, biex inaqqas l-aspetti ħżiena tal-liġi”. F’dan il-każ, il-politiku Nisrani ma jkunx għamel kompromess etiku imma politiku.

Meta qed nipproponi l-linja li n-Nisrani fil-politika għandu dejjem ifittex il-kunsens biex jintlaħaq il-ġid komuni possibbli, bl-ebda mod ma rrid nimplika xi għamla ta’ relattiviżmu jew li l-leġittimizzazzjoni etika tal-valuri tagħna l-Insara tiddependi mill-kriterju tal-maġġoranza. Mhix il-maġġoranza li tgħid x’inhi l-verità tal-valur, imma kif jgħid il-Kardinal Martini, il-lajċi Nsara, li huma bħal ħmira fl-għaġna, jerfgħu r-responsabbiltà personali tal-proċess ta’ maturazzjoni tal-imġiba ċivili ta’ kulħadd – responsabbiltà li hija proprja tal-etika politika. Kif jingħad fil-Kompendju tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, “in-Nisrani huwa msejjaħ biex fis-sitwazzjonijiet konkreti tal-ħajja politika, isib dawk il-passi realistikament possibbli biex jimplimenta l-prinċipji u l-valuri morali proprji tal-ħajja soċjali… Il-fidi qatt ma kellha l-pretensjoni li timbriga l-kontenuti soċjopolitiċi fi skemi riġidi, għaliex il-Knisja taf li d-dimensjoni storika li fiha jgħix il-bniedem titlob li jkun hemm verifika tal-preżenza ta’ sitwazzjonijiet mhux perfetti u li spiss jinbidlu malajr”.

Il-Kardinal Martini jistaqsi jekk dan l-argument tal-Maġisteru japplikax ukoll meta wieħed isib ruħu f’dilemma jekk f’każ li ma jkunx hemm liġi fuq suġġett partikulari, għandux japprova liġi imperfetta jew iħalli l-materja skoperta mingħajr liġi. Hawnhekk ukoll il-politiku Nisrani għandu jiddixxerni x’inhu l-ġid komuni li prattikament jista’ jintlaħaq.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji li wieħed għandu jiġġudika jekk l-imġiba ta’ politiku Nisrani hijiex koerenti jew le. Jibqa’ dejjem, imma, id-dmir ta’ dawn il-politiċi Nsara li juru li ma jaqblux mal-liġi li hija moralment inaċċettabbli u li jagħmlu ħilithom biex demokratikament jiksbu l-kunsens tal-maġġoranza biex jgħaddu liġi li tkun taqbel mal-morali Nisranija.

Il-politika hija negotium (skambju) li jsir bl-għan li jintlaħaq qbil jew kunsens dwar dak li huwa meħtieġ għall-ġid komuni. Għalhekk il-politiku Nisrani mhux dak li jingħalaq f’ghetto jew jifforma xi casta għalih u għal sħabu, lanqas ma għandu jfarfar it-trab minn riġlejh u jabdika mill-missjoni fil-ħajja pubblika, imma għandu jfittex kull opportunità biex jagħmel din in-negozjazzjoni politika bl-għan li fid-djalogu kontinwu jfittex li jlaqqa’ flimkien il-prinċipji tal-Vanġelu mal-prattika politika. Jibqa’ l-fatt li l-liġi morali mhix miktuba hija superjuri għal-liġijiet pożittivi, u għalhekk, ikunu xi jkunu l-liġijiet ċivili, dawk ta’ rieda tajba jibqgħu ħielsa li jipprattikaw il-valuri li jħaddnu.

Il-politiku jrid kontinwament jgħix it-tensjoni bejn il-veritas u l-caritas. Ħafna jistaqsu liema minn dawn tiġi l-ewwel: il-verità jew l-imħabba? Fi kliem il-Papa Benedittu XVI, “il-karità mhix mezz li jwassal lejn dak li llum inqisuh proselitiżmu. L-imħabba hija gratuwita. Wieħed ma jħobbx biex jilħaq għanijiet oħra. Min iwettaq il-karità f’isem il-Knisja qatt ma għandu jipprova jimponi l-fidi tal-Knisja fuq l-oħrajn… In-Nisrani jaf meta jkun il-waqt li jitkellem dwar Alla u meta jkun l-aħjar li ma jgħid xejn u jħalli l-imħabba titkellem hi. Huwa jaf li Alla hu mħabba u jkun preżenti proprju f’dawk is-sitwazzjonijiet li fihom ma jkun hemm xejn iżjed ħlief imħabba”.

Fatt li jikkonfermawh il-partiti politiċi tagħna huwa li llum ftit huma dawk li lesti jmiddu għonqhom għal din il-missjoni hekk nobbli. Kif darba qal il-Papa Benedittu XVI, “neħtieġu ġenerazzjoni ġdida ta’ lajċi Nsara impenjati li jkunu kapaċi jfittxu b’kompetenza u b’sinsla morali soluzzjonijiet għal żvilupp sostenibbli”. Għalhekk nittama li b’dawn il-ftit riflessjonijiet nagħmel il-qalb lill-Insara biex isibu posthom fl-arena politika, u sa fejn huwa possibbli jagħtu s-sehem tagħhom għall-ġid tan-Nazzjon u tal-Ewropa. Nittama wkoll li b’dan l-intervent tiegħi npaċi d-dejn li għandi ma’ Mons. Dandria, li fost il-ħidmiet li wettaq bħala Ministru tal-Edukazzjoni, fl-1922 beda jibni l-Iskola Primarja Ta’ Kerċem fejn jien kont nattendi.

Il-Kongregazzjoni tal-Fidi fl-2002 ħarġet Nota duttrinali dwar is-sehem tal-Kattoliċi fil-ħajja politika (24 ta’ Novembru 2002).

Politique et Societe – Pape Francois, 2018.

La Chiesa italiana e le prospettive del Paese, 36.

Bartolomeo Sorge, Una nuova stagione di laici cristiani impegnati.

N. Bobbio, Il futuro della democrazia, 1984.

E.W. Bockenforde, Diritto e secolarizzazione. Dallo Stato moderno all’Europa unita, 2007, 53.

Joseph Ratzinger–Jurgen Habermas, Ragione e fede in dialogo, 2005.

B. Croce, Cultura e vita morale, 1955, 161, 166.

Ara La Croix, 9 avril 2018.

Discorso all’Eliseo, 12.09.2008, f’L’Osservatore Romano, 13 settembre 2008.

Ara Ratzinger–Habermas, Ragione e fede in dialogo, 2005, 59.

Common Good and Christian ethics, 2002, 137, 157.

Criteri cristiani di discernimento nell’azione politica, f’Aggiornamenti sociali, 9-10/1988.

Il-Vanġelu tal-Ħajja, 72 (73).

Ara “Paure e speranze di una città. Discorso al Comune di Milano”, 28 giugno 2002.

Compendio della dottrina sociale della Chiesa, n. 568.

Deus caritas est, 31.

Omelija f’Cagliari, 7 ta’ Settembru 2008.

pdf · 175.77 KB Niżżel