Inbid Ġdid f’Damiggjani Godda
L-istorja ta’ pajjiżna tixhed li l-Knisja minn dejjem kienet katalista biex għenet lill-bniedem itejjeb il-livell tal-għajxien tiegħu. Imsieħba fi djalogu kulturali, il-Knisja kkontribwiet biex il-bniedem u s-soċjetà għamlu kisbiet sinifikattivi. Konferma ta’ dan hija l-impronta tal-Knisja f’għadd ta’ setturi bħalma huma l-qafas edukattiv, letterarju, artistiku, sanitarju, politiku, tredjunjonalistiku u bankarju. Ħadd ma jista’ jiċħad is-sehem li tat il-Knisja fil-mixja mqita li għamel pajjiżna biex kiseb għarfien tad-drittijiet umani, partikularment fil-qasam tal-ġustizzja soċjali. Fuq kollox, għal ħafna snin kienet il-Knisja li poġġiet u ħarset il-pedament antropoloġiku u etiku li żamm wieqfa l-istituzzjonijiet familjari u dawk soċjali. Kuntrarjament għal dawk li jgħidu li l-Knisja setgħet twettaq dan kollu għax kellha xi “setgħa temporali”, aħna nafu li l-qawwa tal-Knisja kienet u tibqa’ l-Vanġelu! Ħarsa ħafifa lejn il-passat tikkonferma li l-għarfien ta’ Ġesù Kristu, iktar u iktar it-twemmin fih, ikkawża differenzi li ġabu bidliet kulturali kbar! Wieħed ma jistax ma jirrikonoxxix il-fatt li l-messaġġ salvifiku ta’ Kristu xpruna kemm lill-individwi u kemm lis-soċjetà biex ħadu inizjattivi li bil-mod il-mod dewqu l-veru umaniżmu! Fi kliem ieħor, sa ftit ilu l-Knisja kienet fost dawk li “kitbu” l-istorja! Il-Knisja għamlet l-istorja!
Imma llum, meta qegħdin nassistu għal bidla epokali fejn ninsabu involuti fil-passaġġ kulturali mill-modernità għall-postmodernità, wieħed jinnota li, bħal fil-bqija tal-Punent, għalkemm ħafna jinteressaw ruħhom fil-Knisja bħala “oġġett” tal-istorja, il-Knisja ma għadhiex “tikteb” l-istorja daqs qabel! Il-kawżi li dgħajfu l-preżenza effettiva tal-Knisja fis-soċjetà huma varji, bħalma huwa l-kunċett ta’ “lajċità”, mifhum f’sens dejjaq ħafna bħala awtonomija minn Alla, liema kunċett ħafna drabi huwa r-riga ewlenija li l-bniedem kontemporanju juża biex biha jkejjel fil-finanzi, fix-xjenza, fil-politika, fil-leġislazzjoni! Imma llum nixtieq niffoka l-ħsieb tiegħi mhux tant fuq il-motivi ġejjin minn “barra” daqskemm fuq dawk li joriġinaw minn ħdan l-istess komunità ekkleżjali!
Il-missjoni ewlenija tal-Knisja
Ċertament li Kristu huwa ħaj u l-qawwa salvifika tiegħu għadha effikaċi! Ċertament tibqa’ indiskussa r-relevanza tal-Knisja li rċeviet il-mandat minn Kristu li xxandar il-Vanġelu lill-ħolqien kollu (ara Mk 16:15). Kif jikteb Pawlu VI fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii nuntiandi, tevanġelizza jfisser titkellem dwar Kristu: dwar il-ħajja tiegħu, il-Kelma tiegħu, is-Saltna tiegħu. Benedittu XVI, fl-Eżortazzjoni Appostolika Verbum Domini, jafferma li Ġesù Kristu huwa l-Bxara t-Tajba li aħna nxandru! Dan huwa “l-inbid” li kien nieqes lill-ġemgħa f’Kana tal-Galilija, imma mbagħad, bl-intervent ta’ ommu Marija, Ġesù “wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli emmnu fih” (Ġw 4:12). Għalkemm illum is-suq tal-inbid far, il-bniedem xorta għadu jfittex inbid bnin li ma jqarraslux l-istonku u ma jdallamlux il-ħsieb tiegħu! Bħal Marija, il-Knisja hija dik li l-missjoni tagħha hi li toffri dan l-“inbid ġdid”: Ġesù Kristu!
Huwa minnu li dan l-“inbid il-ġdid” qatt ma jista’ jsir ħall, imma jista’ jagħti l-każ, anzi nħoss li nista’ ngħid li diversi drabi huwa l-każ li dan l-inbid ġdid qed jitqiegħed f’damiġġjani tal-ġild qodma… bir-riskju reali li “l-inbid jifqa’ d-damiġġjani u jintilef kemm l-inbid u kemm id-damiġġjani” (Mk 2:22). Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn il-premessi, nixtieq ninterpella lill-Knisja lokali b’dawn iż-żewġ mistoqsijiet: jekk il-ħażna li għandna hijiex magħmula minn “inbid ġdid” jew qadim; u jekk dan l-inbid ġdid aħniex inservuh f’damiġġjani ġodda!
Is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida
Huwa f’dan il-kuntest li nixtieq naqsam magħkom l-esperjenza sabiħa li kelli f’Ottubru li għadda meta ħadt sehem fit-XIII-il Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li kellu bħala tema: “L-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida għat-Trasmissjoni tal-Fidi Nisranija”. Konna mitejn u tnejn u sittin isqof nirrappreżentaw mija u erbatax-il Konferenza Episkopali mid-dinja kollha, imseħbin minn madwar mitt persuna, bejn esperti u osservaturi, li kienu jinkludu wkoll lajċi rġiel u nisa. Kien hemm min xtaq jara parteċipazzjoni ta’ aktar lajċi. Fil-fatt, Padre Nicolas, Ġeneral tal-Ġiżwiti, irrimarka li Steve Jobs kien jgħid li aktar kien interessat li jisma’ l-vuċi tal-klijenti milli dik tal-produtturi… u l-parti l-kbira tal-Padri Sinodali aktar kienu “produtturi” – “nies tal-Knisja li jerġgħu jaffermaw il-Knisja, li, għalkemm hija ħaġa tajba fiha nfisha, mhix eżattament dak li l-Knisja teħtieġ f’din l-epoka ta’ evanġelizzazzjoni ġdida”. Għal tliet ġimgħat sħaħ iltqajna, ħafna drabi fil-preżenza tal-Q.T. il-Papa Benedittu XVI, biex nistħarrġu kolleġġjalment suġġett li, fi kliem il-Papa fl-Omelija tal-Quddiesa tal-ftuħ tas-Sinodu, “risponde ad un orientamento programmatico per la vita della Chiesa, di tutti i suoi membri, delle famiglie, delle comunità, delle sue istituzioni”. Waqt l-Assemblea Ġenerali biss kien hemm aktar minn erba’ mitt intervent!
Il-prinċipju tal-kolleġġjalità
F’dan l-istadju, inħoss li għandi nagħmel żewġ rimarki personali. L-ewwel nett, dwar il-valur tal-“kolleġġjalità”. Fl-1965, il-Papa Pawlu VI ħoloq is-Sinodu tal-Isqfijiet bħala istituzzjoni permanenti bi tweġiba għax-xewqa li fissru l-Padri Konċiljari li fil-Knisja jibqa’ ħaj dak l-ispirtu ta’ kolleġġjalità episkopali li deher waqt l-esperjenza tal-Konċilju. Billi s-
Sinodu ma għandux setgħat deliberattivi, għax huwa organu konsultattiv għall-Papa u l-Kurja Rumana, hemm min huwa tal-fehma li l-eżerċizzju tal-“kolleġġjalità” mhux sħiħ! Barra minn dan, jien nara l-ħtieġa li l-ispirtu tal-kolleġġjalità jikber fil-Knisja lokali, partikularment bejn l-Isqof u l-presbiterju fuq livell ta’ djoċesi, u bejn il-Kappillan u s-saċerdoti fuq livell ta’ parroċċa. Huwa minnu li għandna l-istrutturi kanoniċi, bħalma huma l-Kunsill Presbiterali u l-presbiteria parrokkjali; imma xi drabi dawn huma nieqsa mill-animo appostoliku, biex ma ngħidx ukoll li huma nieqsa għal kollox! Ilkoll għandna x’nitgħallmu biex insiru presbiterju wieħed. Ħafna drabi nħoss bħal toħnoqna l-kultura li teżisti fostna li nistennew li l-inizjattivi pastorali jitilqu dejjem minn fuq!
Il-lajċi fil-Knisja
Imbagħad hemm il-valur tal-lajċi fil-Knisja. Kemm huwa f’postu l-kumment li semmejt ta’ Steve Jobs meta qal li aktar kien interessat li jisma’ l-vuċi tal-klijenti milli dik tal-produtturi! Għalkemm nirrikonoxxi li qed jikber l-għadd ta’ lajċi bis-sens li qed jiġu fdati b’responsabbiltajiet pastorali, bħal fl-oqsma tal-pastorali tal-familja, tal-katekeżi u l-amministrazzjoni, xorta għadna Knisja klerikali! Bl-għan li ngħinu fil-formazzjoni teoloġika u pastorali tal-lajċi, qegħdin fi trattattivi biex id-Djoċesi toffri korsijiet strutturati, bit-tama li s-sehem tal-lajkat Nisrani fil-Knisja jikber u jkun aktar matur u motivat.
Eku tas-Sinodu f’pajjiżna
Lura għas-Sinodu, barra d-dokumenti preparattivi bħalma kienu l-Lineamenta u ż-żewġ relazzjoniet, waħda ante deceptationem u l-oħra post deceptationem, ippreparati mir-Relatur Ġenerali l-Kardinal William Wuerl, id-dokumenti prinċipali frott ta’ dawn it-tliet ġimgħat huma: (1) il-Messaġġ Finali lill-Poplu ta’ Alla; u (2) it-58 Propostiones (sintesi ta’ madwar tliet mitt proposta maħduma fil-Kummissjonijiet) li ġew ippreżentati lill-Papa biex meta jkun il-waqt jagħtina l-Eżortazzjoni Appostolika. Wara li ntemm is-Sinodu, kien hemm min, bħall-korrispondent tal-ġurnal La Croix, iddeskriva s-Sinodu bħala “Vatican II bis”, u oħrajn sejħulu “la quinta sessione del Concilio”; imma kien hemm ukoll min, bħall-korrispondent ta’ La Stampa, deherlu li “la montagna ha partorito un topolino”, u min qal li s-Sinodu kien wisq ġeneralista! Veru li dawn tal-aħħar huma kummenti negattivi, imma aħjar hekk milli ma jkun hemm ebda reazzjoni. Naħseb li l-ħemda, biex ma ngħidx l-indifferenza, li kien hawn f’pajjiżna dwar din il-ġrajja, tgħidilna xi ħaġa! L-aħħar Ittra Pastorali tagħna l-Isqfijiet kienet l-uniku pronunzjament uffiċjali li permezz tagħha ttentajna nipproponu lill-Knejjes lokali ftit minn dak li ħareġ mis-Sinodu! Imma anki hawn jiddispjaċini ngħid li bqajt deluż bil-kbir bir-reazzjoni jew bin-nuqqas ta’ reazzjoni għal din l-Ittra Pastorali – ittra li, biex niddeskriviha, inħossni komdu nissellef il-kliem li l-Papa uża biex jippreżenta s-Sinodu: “[una Lettera Pastorale che] risponde ad un orientamento programmatico per la vita della Chiesa, di tutti i suoi membri, delle famiglie, delle comunità, delle sue istituzioni”! Nistqarr li din l-“inerzja” fil-Knisja, partikularment fostna s-saċerdoti, toħloq tħassib tqil għalija bħala Isqof. Għax jekk ma nurux interess aħna f’din l-isfida vitali kemm għall-Knisja u kemm għall-bniedem tal-lum, aħna li, fi kliem Missierna Pawlu, “maħturin għall-Evanġelju ta’ Alla” (Rum 1:1), min ser ixammar idejh għal din l-evanġelizzazzjoni l-ġdida? Kif jingħad fis-Sinodu, “i sacerdoti sono il decisivo e principale nucleo della nuova evangelizzazione” (Propositio 49).
Alla Trinità: awtur tal-evanġelizzazzjoni
Nista’ ngħid li s-Sinodu kien sinfonija Kristoloġika! Qabelxejn, il-leitmotiv ta’ din is-sinfonija kien wieħed Trinitarju: it-Trinità li hija fondanti għall-istess esperjenza tagħna bħala Knisja. Fil-meditazzjoni li għamlilna a braccio fl-ewwel assembea ġenerali, il-Papa Benedittu XVI ippropona dik li nista’ nsejħilha “la chiave musicale” ta’ din is-sinfonija, meta qal li “tassew li l-Mulej tkellem, kiser is-skiet il-kbir, wera lilu nnifsu… imma kif nistgħu din ir-realtà nwassluha lill-bniedem tal-lum biex issir salvazzjoni? Il-fatt li hu tkellem minnu nnifsu diġà hu s-salvazzjoni, hu l-fidwa. Imma l-bniedem dan kif jista’ jsir jafu?… Nistgħu nsibu tweġiba fil-meditazzjoni tal-innu tat-Terza ‘Nunc, Sancte, nobis Spìritus’. L-ewwel strofa tgħid: ‘Dignàre promptus ingeri nostro refusus, péctori’… Fi kliem ieħor, ma nistgħux nagħmluha aħna l-Knisja, nistgħu biss nagħrfu dak li għamel Hu. Il-Knisja ma tissawwarx b’dak li ‘nagħmlu’ aħna, imma b’dak li ‘jagħmel’ u ‘jitkellem’ Alla. Għalhekk l-Appostli, wara l-ewwel ġemgħat tagħhom, ma qalux: ‘Issa rridu noħolqu ’l-Knisja’… Le, huma nġabru fit-talb u stennew fit-talb, għax kienu jafu li Alla nnifsu biss jista’ joħloq il-Knisja tiegħu…: jekk ma jaġixxix Alla, dak li nagħmlu aħna jibqa’ tagħna biss u ma jkunx biżżejjed; Alla biss jista’ jixhed li huwa Hu li qed jitkellem u li diġà tkellem. Għid il-Ħamsin hu l-kundizzjoni tat-twelid tal-Knisja: hu biss għax Alla aġixxa l-ewwel, li l-Appostli jistgħu jaġixxu miegħu u bil-preżenza tiegħu, u hekk iwettqu dak li jwettaq Hu. Il-Mulej Alla tkellem, u dan il-fatt li ‘hu tkellem’ hu l-passat tal-fidi, imma hu wkoll dejjem preżenti: il-passat ta’ Alla mhux biss passat, għax hu passat veru li fih innifsu jġorr dejjem il-preżent u l-futur. Li Alla tkellem ifisser li ‘qed jitkellem’. U kif f’dak iż-żmien kien biss mill-inizjattiva ta’ Alla li setgħet titwieled il-Knisja, li seta’ jiġi magħruf il-Vanġelu, dan il-fatt li Alla tkellem u jitkellem, hekk anki llum Alla biss li jista’ jagħti bidu, u aħna nistgħu biss nikkoperaw miegħu, imma l-bidu jrid jitlaq mingħand Alla… Hu biss jekk Alla jkun hemm qabilna li jsir possibbli għalina li nimxu, li nikkoperaw miegħu – li tibqa’ dejjem koperazzjoni u ma ssir qatt deċiżjoni purament tagħna. Għalhekk hu dejjem importanti li niftakru li l-ewwel kelma, l-inizjattiva vera, l-attività vera tiġi minn Alla, u huwa biss jekk nidħlu f’din l-inizjattiva divina, jekk induru bit-talb tagħna lejn din l-inizjattiva divina, li nistgħu aħna wkoll – miegħU u fiH – insiru evanġelizzaturi”.
Is-saċerdot u l-evanġelizzazzjoni l-ġdida
Bir-raġun għalhekk nistgħu ngħidu li “l-evanġelizzazzjoni ġdida” titlob evanġelizzaturi spiritwalment imġedda. Qatt ma nistgħu nippermettu li l-ħajja spiritwali tagħna s-saċerdoti tkun medjokri; imma rridu nitħeġġu għal doni akbar! Hija ħasra li xi wħud minna, forsi wkoll minħabba l-preżunti impenji li għandna biex nevanġelizzaw, nittraskuraw il-ħajja tat-talb, il-meditazzjoni, id-direzzjoni spiritwali, il-ħajja sagramentali, kif niċċelebraw il-liturġija, u l-bqija. Ħasra li fit-teoloġija sagramentali aktar tajna attenzjoni lill-prinċipju ex opere operato milli l-prinċipju l-ieħor ex opera operantis! Jibqa’ validu t-tagħlim ta’ San Bonaventura, li f’dan ir-rigward kiteb: “Nella Messa vi sono alcune cose che stanno accanto al sacramento considerato in se stesso, come le petizioni, le preghiere, le suppliche e il modo devoto e l’affetto; e riguardo a questo vale di più la Messa di un buon sacerdote che suscita maggiormente la devozione. E se qualcuno ascolta più volentieri la Messa di un sacerdote più devoto, credo che faccia bene” (In IV Sent., 13, a.1, q.4). Dak li Bonaventura jgħid dwar il-Quddiesa napplikah għal kull azzjoni tagħna l-presbiteri. Is-sejħa u l-ministeru tagħna jitolbu li f’ħajjitna, anki fil-ħwejjeġ l-aktar sempliċi, aħna nuru kemm hu minnu li Alla huwa preżenti f’ħajjitna, kemm Kristu jagħti tifsira lil ħajjitna fl-aspetti kollha tagħha, kemm il-Kelma ta’ Alla u s-sagramenti huma magħġuna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum! Jekk ma niksbux dan l-habitus, faċli li neqdiemu, u bir-raġun li d-damiġġjani ma jkunux jifilħu jġorru l-“inbid ġdid”. F’dan ir-rigward laqatni kumment li għamel is-Superjur Ġenerali tal-Ġiżwiti meta kien mistoqsi x’inhu l-aktar meħtieġ biex ikun hemm din l-evanġelizzazzjoni l-ġdida: “Sono convinto che qualsiasi cosa facciamo venga dal più profondo, dall’interno di noi stessi. È il risultato della nostra fede, dei nostri rapporti (inclusi quello con Dio), dei nostri affetti e delle nostre speranze. Se il più profondo di noi è in comunione con il Dio della pace, della giustizia e della compassione, allora vivremo, agiremo e parleremo di pace, di giustizia e di compassione”.
Ippermettuli nirrepeti dak li ngħidu fil-Messaġġ Finali tas-Sinodu: “F’dawn il-jiem, kemm-il darba fostna l-Isqfijiet instemgħu ilħna li fakkruna li, biex tista’ tevanġelizza lid-dinja, il-Knisja jeħtieġ qabelxejn toqgħod hi tisma’ l-Kelma. L-istedina biex nevanġelizzaw tittraduċi ruħha f’sejħa għall-konverżjoni. Inħossu tabilħaqq li qabelxejn għandna nikkonvertu lilna nfusna u ninħakmu minn Kristu, li waħdu kapaċi jġedded kollox, fuq kollox l-eżistenzi foqra tagħna. Bl-umiltà kollha jeħtieġ nagħrfu li l-faqar u d-dgħufijiet tad-dixxipli ta’ Ġesù, speċjalment tal-ministri tiegħu, huma bħal piż fuq il-kredibbiltà tal-missjoni. Żgur li aħna konxji, l-ewwel nett aħna l-Isqfijiet, li ma nistgħu qatt nissodisfaw għal kollox is-sejħa li ssirilna min-naħa tal-Mulej u t-tixrid tal-Vanġelu tiegħu għat-tħabbira lill-ġnus. Nafu li jeħtieġ nagħrfu bl-umiltà kollha l-vulnerabbiltà tagħna għall-ġrieħi tal-istorja u ma nibqgħux lura milli nagħrfu d-dnubiet personali tagħna. Imma aħna wkoll konvinti li l-qawwa tal-Ispirtu tal-Mulej tista’ ġġedded il-Knisja tiegħu u tagħmel li l-libsa tagħha tilma bid-dija, jekk inħalluh jagħġinna kif irid hu… Kieku dan it-tiġdid kellu jiġi fdat lill-isforzi tagħna, kien ikun hemm raġunijiet serji għaliex wieħed jiddubita, imma l-konverżjoni, bħall-evanġelizzazzjoni, fil-Knisja għandha bħala atturi ewlenin mhux lilna, bnedmin imsejkna, imma lill-istess Spirtu tal-Mulej” (n. 5).
Kristu: l-għan tal-evanġelizzazzjoni
Matul is-Sinodu deher evidenti kemm il-Knisja hija dejjem aktar konxja li hi dak l-ispazju li Kristu offra fl-istorja biex il-bniedem jiltaqa’ miegħu. Fil-Messaġġ Finali niktbu li “inħossu l-bżonn li ngħidulkom, b’konvinzjoni profonda, li l-fidi tissawwar kollha kemm hi fir-relazzjoni li nibnu mal-persuna ta’ Ġesù, li jiġi hu jiltaqa’ magħna. Il-ħidma tal-evanġelizzazzjoni ġdida tikkonsisti f’li nipproponu mill-ġdid lill-qalb u lill-moħħ, spiss aljenati u mħawda, tal-bnedmin ta’ żmienna, jiġifieri l-ewwel nett lilna nfusna, il-ġmiel u n-novità dejjiema tal-laqgħa ma’ Kristu. Nistednukom ilkoll tikkontemplaw il-wiċċ ta’ Sidna Ġesù Kristu, u tidħlu fil-misteru tal-eżistenza tiegħu, mogħtija għalina sa fuq is-salib, imwettqa bħala don tal-Missier fil-qawmien tiegħu mill-imwiet u mwassla lilna permezz tal-Ispirtu. Fil-persuna ta’ Ġesù jinkixef il-misteru tal-imħabba ta’ Alla l-Missier għall-familja kollha tal-bnedmin”. Irridu nżommu quddiem għajnejna dak li jgħid il-Papa Benedittu XVI fl-enċiklika Deus Caritas est: illi “bħala bidu għall-eżistenza Nisranija mhemmx xi deċiżjoni etika jew xi idea għolja, iżda hemm il-laqgħa ma’ ġrajja, ma’ Persuna, li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva” (n. 1).
Il-konvinzjoni personali tagħna dwar din il-verità tirrifletti ruħha fl-għażliet pastorali tagħna. Kien għalhekk li fl-Ittra Pastorali ktibna li “ħdejn din il-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni, kull ħidma oħra li ssir mill-Knisja u fil-Knisja hija ħuxlief u tiben. Tant huwa urġenti li l-Kelma ta’ Alla tasal fil-qalb tal-bniedem, li nappellaw kemm lill-individwi u kemm lill-komunitajiet ekkleżjali biex niflu ftit jekk l-evanġelizzazzjoni kif imfissra aktar ’il fuq hijiex prijorità fil-ħidma tagħna, u jkollna l-kuraġġ biex fl-analiżi tal-ħidmiet pastorali npoġġu fl-ewwel post dak li għandu jiġi l-ewwel”. Fil-fehma tiegħi dan l-eżami ta’ kuxjenza personali u komunitarju dwar jekk fuq l-imwejjed aħniex inservu dan “l-inbid ġdid”, huwa meħtieġ u urġenti! L-evanġelizzazzjoni l-ġdida l-ewwel u qabel kollox mhix kwistjoni li nadottaw “metodi” ġodda għall-proklamazzjoni tal-Vanġelu. Li nkunu familjari mal-aħħar sejbiet soċjoloġiċi, psikoloġiċi, pedagoġiċi u tekniċi biex napplikawhom għall-pastorali huwa importanti; imma tajjeb inżommu quddiem għajnejna li “metodu” hi meħuda mill-Grieg mét-hodos, li tfisser toroq li jwasslu għall-iskop aħħari. Għalhekk, qabel nagħżel it-triq, irrid inkun naf x’inhu l-għan li rrid nilħaq biex imbagħad nagħżel it-triq it-tajba! Għalhekk huwa neċessarju li qabel kollox nikbru fil-fidi tagħna fi Kristu u li l-kérygma Kristoloġika tkun il-qofol tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida – dik li l-Kardinal Kasper jiddeskrivi bħala “konċentrazzjoni Kristoloġika”.
L-evanġelizzazzjoni u x-xhieda kuraġġjuża tal-fidi
Il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni mhix waħda fakultattiva meqjusa bħala addenda għall-fidi; anqas ma hija opportunità biex wieħed jafferma lilu nnifsu; anqas u anqas ma hija strument biex wieħed jiżgura l-għajxien tiegħu jew saħansitra jagħmel lukru! Il-missjonarjetà hija d-dinamiżmu stess tal-fidi. Fidi mingħajr appostolat hija fidi mejta! Saċerdot li ma jħabbarx lil Kristu għandu problema serja! Min jiltaqa’ ma’ Kristu ma jistax ma jmurx għand l-oħrajn biex jagħtihom l-Aħbar it-Tajba: “Sibna l-Messija” (Ġw 1:41). “Min mil-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù rċieva l-ħajja ġdida, ma jistax jibqa’ lura milli jsir ħabbar ta’ salvazzjoni u jwassal lill-belt kollha għand Ġesù” (Messaġġ Finali, n. 1). Huwa veru li fil-kuntest soċjali li qegħdin ngħixu fih jonfħu rjieħ kuntrarji, anki b’qawwa ta’ riefnu, imma b’daqshekk il-ħabbar ma għandux jaqta’ qalbu. Interessanti l-preċiżazzjoni filoloġika li għamel il-Papa Benedittu fil-meditazzjoni li semmejt aktar ’il fuq: fil-Latin pre-Kristjan, flok il-kelma confessio kienet tintuża l-kelma professio (profiteri). Il-kelma confessio kienet tintuża quddiem tribunal fejn wieħed jagħmel stqarrija; fi kliem ieħor, il-confessio timplika element martirjoloġiku, għax meta jagħti x-xhieda tiegħu f’kuntest antagonist għall-fidi, in-Nisrani kien jara l-passjoni u anki l-mewt. Għalhekk, il-confessio tinkludi disponibbiltà li wieħed jagħti ħajtu.
F’dan id-dawl jinftiehem aktar ingredjent ieħor bżonnjuż għal din l-evanġelizzazzjoni l-ġdida: il-ħeġġa u l-passjoni appostolika! Kif jingħad fil-Messaġġ Finali tas-Sinodu, “evanġelizzazzjoni ġdida ma tfissirx li rridu nibdew kollox mill-ġdid, imma li bil-ħeġġa appostolika ta’ Pawlu, li jasal biex jgħid: ‘Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju!’ (1 Kor 9:16), nidħlu iżjed b’ruħna u b’ġisimna fil-mixja twila ta’ proklamazzjoni tal-Vanġelu” (n. 2). Kif jispjega l-Arċisqof Bruno Forte, hawnhekk il-Knisja mhix titkellem dwar “novità cronologica”, fis-sens li hemm bżonn nagħmlu dak li ma għamlux ta’ qabilna, jiġifieri dak li fil-Grieg tat-Testment il-Ġdid huwa espress bil-kema neós. Bi “ġdid” qed nifhmu “qalb ġdida” imkebbsa b’entużjażmu mġedded, kreattività u kuraġġ, dejjem kif jimplika l-kunċett fil-Grieg Bibliku kainós. Il-“ġdid” ta’ din l-evanġelizzazzjoni jixbah in-novità li ġab miegħu l-“kmandament ġdid” (entóle keine) li tana l-Imgħallem Ġesù. Dan il-kmandament ma kienx ġdid fis-sens li l-Lhud qatt ma kienu semgħu bl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu; imma kien “ġdid” għaliex Ġesù jitlob minna li nħobbu “b’qalb imġedda” bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu! Nemmen li l-Knisja tagħna għandha titlob għal dan id-don, għaliex xi wħud mill-operaturi pastorali nħakmu mill-biża’ u l-qtigħ il-qalb. Propju għaliex huma nieqsa mill-“parresia” evanġelika, intelqu, tilfu l-fiduċja fihom infushom u fil-Knisja, u flok “imexxu”, irrassenjaw ruħhom u aċċettaw li “jitmexxew”! Flok ma jxandru l-Vanġelu anki f’toroq u nħawi tal-periferija, ingħalqu fl-ambjent komdu u mħares tas-sagristiji li semmejna fl-aħħar Ittra Pastorali. Biex invaraw din l-evanġelizzazzjoni l-ġdida, nagħmlu sew nisimgħu lil Ġesù jgħidilna: “Agħmlu l-qalb. La tibżgħux” (Mk 6:50; ara Lq 12:4,7,11-12). Importanti li nżommu quddiem għajnejna lill-Appostlu Pawlu li lit-Tessalonkin jgħidilhom: “Għamilna l-qalb f’Alla tagħna u fost ħafna taħbit xandarnielkom l-Evanġelju ta’ Alla” (2:2). Inħeġġiġkom timitaw lilu, li meta kien Ruma kien “ixandrilhom is-Saltna ta’ Alla u jgħallimhom fuq il-Mulej Ġesù Kristu bil-kuraġġ u bla tfixkil” (Atti 28:31).
Il-kultura tal-lum u l-evanġelizzazzjoni l-ġdida
Neħtieġu evanġelizzazzjoni ġdida għaliex ix-xenarji soċjali u kulturali li dejjem jinbidlu qed isejħulna għal xi ħaġa ġdida! Ma għadux iż-żmien li wieħed jintilef f’pastorali li tikkonserva l-imgħoddi, li minnha għandna mhux ħażin! Imma l-kultura dominanti qed tiftħilna fruntieri ġodda għall-evanġelizzazzjoni u dan anki fid-djoċesi tagħna, partikularment fid-dinja taż-żgħażagħ, li sfortunatament mhumiex jingħataw attenzjoni biżżejjed! Il-fatt stess li s-soċjetà saret bla konfini, ifisser li nħolqu fruntieri ġodda. Fil-fatt tkattru l-“bjar” mnejn illum il-bniedem itella’ t-tagħrif, kemm f’pajjiżna u kemm barra; tkattru l-forom tal-familji; kibru l-esperjenzi varji fid-dinja tax-xogħol, anki ’l hinn minn xtutna, bil-kuntatti li jġibu magħhom; żdied sewwa s-safar għal motivi varji; dejjem qed isir aktar popolari n-navigar fuq l-internet; is-seħer tal-midja kiber; l-industrija tad-divertiment dejjem tissaħħaħ; sar hawn aktar involviment attiv fil-politika, fil-qasam artistiku; infirex l-interess fl-ekoloġija; u ħafna iktar. Dawn huma xi ftit mill-esperjenzi relattivament ġodda li fit-tajjeb u fil-ħażin qed jinfluwenzaw il-ħsieb u l-istil tal-ħajja tan-nies tagħna. F’din il-kultura hemm “spazji” ġodda li ma nistgħux ma nħossuniex interpellati u mħeġġin biex indawluhom bid-dawl ta’ Kristu! Dawn huma l-“arjopagi” li min-natura tagħha l-Knisja ma tistax tinjora, imma għandha tfittex li tkun preżenti fihom u tiftaħ djalogu magħhom. Billi dawn huma “esperjenzi umani ġodda” b’interrogattivi ġodda, il-Knisja hija msejħa biex tfittex tweġibiet adegwati b’lingwaġġ li jinftiehem mill-bniedem kontemporanju. Inkunu nonqsu mill-fedeltà tagħna għall-mandat li tana Kristu jekk nibqgħu nittraskuraw dan l-impenn biex il-Vanġelu jerġa’ jsib postu fil-kultura ta’ żmienna.
Il-Konċilju Vatikan II u l-proċess ta’ aġġornament
Dan il-proċess ta’ aġġornament ilu ħamsin sena li beda fil-Knisja, permezz tal-Konċilju Vatikan II, liema rikorrenza kienet preżenti ħafna fil-ħsieb ta’ dan is-Sinodu. Il-Papa Ġwanni XXIII, fid-diskors inawgurali li għamel fit-12 ta’ Ottobru 1962, kien qal li “il-punt saljenti ta’ dan il-Konċilju mhux li niddiskutu xi artiklu jew id-duttrina fundamentali tal-Knisja! L-ispirtu Kristjan, Kattoliku u appostoliku tad-dinja kollha qed jistenna qabża ’l quddiem biex tkun approfondita d-duttrina u jkun hemm formazzjoni aktar ħajja tal-kuxjenza; imma din tkun studjata u espressa skond il-forom tal-istħarriġ u l-formulazzjoni letterarja tal-ħsieb modern. Għax altru s-sustanza tad-duttrina antika tad-depositum fidei, u altru r-riformulazzjoni tal-istess duttrina”. Min-naħa tagħhom, il-Padri Konċiljari fid-Digriet dwar l-Ekumeniżmu qalu li “matul il-pellegrinaġġ tagħha fuq din l-art, Kristu sejjaħ lill-Knisja għal dan it-tiġdid kontinwu tagħha nfisha, tiġdid li l-Knisja, għax hija istituzzjoni umana, dejjem teħtieġ. Għalhekk, jekk minħabba ċirkustanzi ta’ ġrajjiet u ta’ żminijiet, xi ħwejjeġ ma tħarsux b’reqqa biżżejjed, kemm fl-imġiba, kemm fid-dixxiplina ekkleżjastika, kemm fil-formulazzjoni tat-tagħlim – formulazzjoni li dejjem għandha tingħażel mid-depożitu tal-fidi nnifsu –, dawn il-ħwejjeġ għandhom jiġu korretti sewwa fil-waqt u kif imiss” (n. 6).
Formazzjoni teoloġika u kulturali tas-saċerdoti
Naqbel mal-Arċisqof Fisichella, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida, meta fl-intervent tiegħu fis-Sinodu saħaq li biex inkunu nistgħu nelaboraw kategoriji ġodda fit-teoloġija, biex hekk inkunu nistgħu nesprimu b’aktar koerenza l-kontenuti tal-misteru, għandna bżonn inwessgħu r-raġuni biex inġeddu l-kategoriji tal-ħsieb u tal-lingwaġġ. L-urġenza ta’ dan l-eżerċizzju tidher meta nqisu l-kuntest kulturali li huwa mmarkat bil-progress tax-xjenza u tat-teknoloġija. Dan ifisser li l-formazzjoni kontinwata hija imperattiv għall-operaturi pastorali, partikularment għalina s-saċerdoti. Saċerdot li ma jżommx ruħu aġġornat teoloġikament, wisq probabbli ser jinqeda b’idjoma li għadda żmienha u li għall-bniedem tal-lum qisha djalett antik li ma jikkomunika xejn – dan is-saċerdot ikun iqiegħed “inbid ġdid” f’damiġġjani qodma! Tommaso Spinelli, ġuvni żagħżugħ li indirizza lis-Sinodu, appella lilna l-Isqfijiet biex ninvestu aktar fil-formazzjoni tas-saċerdoti, kemm dik spiritwali u kemm dik kulturali. Huwa nnota li ħafna drabi s-saċerdoti tilfu r-rwol ta’ “maestri di cultura”. Spinelli huwa tal-fehma illi jekk aħna s-saċerdoti rridu nkunu kredibbli u utli, jeħtieġ nerġgħu nibdew nirkupraw strumenti kulturali tajbin. Għax jekk il-leaders fil-Knisja mhumiex kapaċi jirreaġixxu għat-tibdil tas-soċjetà, kif jistgħu jgħinu lill-oħrajn? Huwa temm l-intervent tiegħu b’dan il-mod: “L-iskandli, ‘leadership’ skadut, stili ta’ ħajja materjalistiċi u t-telfa taż-żelu pastorali huma fost ir-riskji tal-missjoni evanġelizzattriċi tal-Knisja!”. Għalhekk, filwaqt li napprezza li ħafna mis-saċerdoti tagħna rnexxielhom jiksbu titlu minn universitajiet pontifiċji, ma nehdiex nistedinkom biex trawmu fikom il-gost tal-qari u tal-istudju teoloġiku u biex tapprezzaw il-kultura! Korsijiet ta’ natura akkademika bħal dawk organizzati din is-sena mis-Seminarju tagħna dwar il-Konċilju Vatikan II, il-Kredu u l-Katekiżmu huma opportunitajiet li sewwa jibqgħu jiġu offruti.
Mentalità ekkleżjali ġdida
Fil-ktieb tiegħu La Chiesa di Gesù Cristo. Scritti di ecclesiologia, Walter Kasper huwa konvint li biex l-evanġelizzazzjoni tagħmel slancio ġdid, flimkien mat-tiġdid spiritwali msejjes fuq il-Kelma ta’ Alla u l-għejun tal-ispiritwalità u mar-riflessjoni teoloġika solida, hija meħtieġa wkoll mentalità ekkleżjali ġdida! Fil-fatt, kif jinnota s-Segretarju Ġenerali taċ-CELAM li kien fis-Sinodu, “mingħajr ekkleżjoloġija, jiġifieri jekk ma nkunux nafu t-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II dwar x’inhi l-Knisja u kif għandha tkun il-preżenza tagħna bħala Knisja fid-dinja, il-Knisja ma tistax timpenja ruħha f’evanġelizzazzjoni ġdida”. Evanġelizzazzjoni ġdida tirrikjedi ekkleżjoloġija ġdida – dik ipproġettata mill-Konċilju Vatikan II. Propju waqt l-Udjenza tal-10 ta’ Ottubru li għadda, il-Papa Benedittu XVI fakkar l-erba’ Kostituzzjonijiet li tana l-Konċilju Vatikan II (Sacrosanctum Concilium, Lumen Gentium, Dei Verbum u Gaudium et Spes) u sejħilhom “i quattro punti cardinali della bussola capace di orientarci”.
Il-ħin ma jippermettilix nieqaf nelabora dwar il-Knisja-komunjoni – anki din dimensjoni ħafna drabi ssagrifikata, partikularment fejn tidħol il-komunjoni ġerarkika għalina l-presbiteri! Bħal donnu faċli ninsew li ma jeżistix saċerdozju miftum mill-Isqof! Hawnhekk biżżejjed nirreferi għall-Propositio 43 li titkellem dwar id-doni ġerarkiċi u kariżmatiċi.
Aspett ieħor tal-ekkleżjoloġija huwa r-relazzjoni bejn il-Knisja u d-dinja. Fi kliem is-Segretarju taċ-CELAM, jekk ma niddefinixxux dan, aħna nibqgħu nagħtu l-impressjoni li aħna “istituzzjoni” u mhux ġemgħa miġbura madwar Kristu li tħaddan dak kollu li huwa uman! Meta fil-Gaudium et Spes naqraw li l-Knisja “timxi mal-bnedmin kollha u taqsam mad-dinja l-istess xorti, u hija bħal ħmira u kważi r-ruħ tas-soċjetà umana, iddestinata biex tiġġedded fi Kristu u tinbidel f’familja ta’ Alla” (n. 40), dan ifisser li bejn il-Knisja u d-dinja hemm bdil u għajnuna reċiproka li l-Konċilju jsejjaħ “djalogu”. Min-naħa tagħha l-Knisja, permezz tal-evanġelizzazzjoni, toffri lill-bnedmin kollha proposta ta’ ħajja umanament denja – “la proposta di vivere l’esistenza umana come l’ha vissuta Gesù” (G. Colombo). L-evanġelizzazzjoni hija “grammatika bażika” tal-eżistenza umana (Dotolo).
L-evanġelizzazzjoni u s-servizz tal-karità
Fil-fatt, meta l-komunità Nisranija timpenja ruħha li tgħix il-Vanġelu, l-Ewkaristija u l-komunjoni fraterna, hija tkun tgħin lin-nies f’dak it-territorju partikulari jikbru fl-umanità! Fis-Sinodu ħafna drabi saret riferenza għat-tagħlim soċjali tal-Knisja bħala parti mill-kontenut tal-messaġġ ipproklamat, kif ukoll għall-ħidma favur il-foqra. Kien f’dan l-ispirtu li fl-aħħar Ittra Pastorali għidna li “din l-evanġelizzazzjoni l-ġdida titlob ukoll li l-Knisja mhux biss tixxotta d-dmugħ minn għajnejn l-umanità, imma tagħmel minn kollox biex ma tħallix demgħat ġodda jixirfu fuq ħaddejn l-umanità… Hemm bżonn niskopru spazji ġodda fejn niltaqgħu ma’ Kristu, atteġġjamenti tassew evanġeliċi, li għandhom għeruqhom fl-esperjenzi l-aktar profondi tal-ħajja tal-bniedem, bħalma huma l-familja, ix-xogħol, il-ħbiberija, il-faqar u l-provi tal-ħajja, u l-bqija”.
Min-naħa l-oħra, il-Konċilju Vatikan II jgħallem ukoll li meta l-Knisja stess tgħin lid-dinja, hija tirċievi ħafna mid-dinja (ara GS 45). L-istess Kostituzzjoni fuq il-Knisja fid-Dinja tal-Lum tafferma li “il-Poplu ta’ Alla, imqanqal mill-fidi… ifittex u jilmaħ fil-ġrajjiet, fil-bżonnijiet u x-xewqat li fihom għandu sehem mal-bnedmin l-oħra ta’ żmienu, liema huma tassew is-sinjali tal-preżenza u tal-ħsibijiet ta’ Alla” (GS 11). Is-Sinodu tal-Isqfijiet tana eżempju kif naqraw is-sinjali ta’ żminijietna: fil-fatt fil-Messaġġ Finali jingħad li l-fenomeni tal-globalizzazzjoni għandhom ikunu għalina opportunitajiet biex inxerrdu iktar il-preżenza tal-Vanġelu. Is-sekularizzazzjoni kif ukoll il-kriżi tal-eġemonija tal-politika u tal-Istat, qed jitolbu mill-Knisja li tikkunsidra mill-ġdid il-preżenza tagħha fis-soċjetà, mingħajr imma ma tirrinunzjaha. Id-diversi forom dejjem ġodda ta’ faqar jiftħu spazji ġodda għas-servizz tal-karità: ix-xandir tal-Vanġelu jimpenja lill-Knisja biex tkun mal-foqra u tieħu fuqha t-tbatijiet tagħhom, kif għamel Ġesù. Anki fil-forom l-aktar qarsa ta’ ateiżmu u anjostiċiżmu nħossu li nistgħu nilmħu, anki jekk f’modi kontradittorji, mhux il-vojt, imma n-nostalġija, stennija għal tweġiba adegwata (ara n. 6 u wkoll n. 10). F’dan id-dawl tinftiehem aħjar il-chiave di lettura li indikajna fl-aħħar Ittra Pastorali meta ktibna li “il-Knisja temmen… li anki fid-dinja ta’ madwarna hemm iż-‘żerriegħa tal-Verb’, jiġifieri sinjali tal-preżenza ta’ Kristu. Għalhekk jekk irridu nwasslu l-Bxara t-Tajba, ma nistgħux ma niftħux widnejna wkoll għal dak li qed tgħid id-dinja. Id-djalogu mas-soċjetà huwa qligħ u mhux telf, għax hemm naqraw ukoll x’qed jikteb Alla fil-ktieb tal-istorja tad-dinja! Aspett importanti f’dan l-eżerċizzju huwa d-djalogu bejn il-fidi u l-kultura”.
Linji ta’ evanġelizzazzjoni ġdida
Naturalment is-Sinodu jagħti suġġerimenti prattiċi dwar kif tista’ ssir din l-evanġelizzazzjoni l-ġdida, bħalma huma s-sehem tal-parroċċa u tal-familja bħala suġġetti tal-evanġelizzazzjoni, il-missjoni tal-Movimenti, l-opportunità tal-iskejjel tal-Knisja, il-ħtieġa ta’ aktar ministeri lil-lajċi, programm ta’ katekumenat għal dawk li ser jitgħammdu, il-liturġija, u oħrajn. Imma f’dan id-diskors għażilt li nirrifletti dwar ftit mil-linji fundamentali meħtieġa biex titwettaq il-viżjoni tas-Sinodu, u dan b’riferenza partikulari għad-djoċesi tagħna. Propju fi tmiem is-Sinodu, il-Papa għamel din l-osservazzjoni: “Nistgħu ngħidu li minn dan is-Sinodu ħareġ ċar l-impenn għat-tiġdid spiritwali tal-Knisja nfisha biex imbagħad tkun tista’ ġġedded spiritwalment id-dinja sekularizzata. Dan it-tiġdid iseħħ meta niskopru lil Ġesù Kristu, il-verità u l-grazzja tiegħu, il-wiċċ tiegħu daqshekk uman u fl-istess waqt divin, li minnu jiddi l-misteru tat-traxxendenza ta’ Alla” (Udjenza, 28 ta’ Ottubru 2012).
Ħuti fil-presbiterat, l-awgurju tiegħi lilkom għal din is-Sena tal-Fidi huwa li bħala presbiterju djoċesan niġġeddu spiritwalment, biex permezz ta’ din l-evanġelizzazzjoni l-ġdida nqaddsu lil din il-gżira! Hekk “l-inbid il-ġdid” jibqa’ merfugħ f’damiġġjani ġodda! Hekk il-Knisja tibqa’ protagonista fl-istorja moderna ta’ pajjiżna. Amen.