Aqbeż għall-kontenut

Inserrħu l-Għajnejn Tagħna fuq Kristu Msallab

“Huma għad iħarsu lejn min nifdu”

X’inhu l-oġġett li fuqu sserraħ il-ħarsa tiegħek? X’hemm fil-ħajja tiegħek li jisraqlek għajnejk? Naħseb li lkoll għandna risposta għal din id-domanda li qed nagħmel, għaliex ilkoll bnedmin. Illejla jien nixtieq nipproponi risposta li jagħtihielna Ġwanni l-Evanġelista fir-rakkont tal-Passjoni li għadu kif ixxandrilna: “Huma għad iħarsu lejn min nifdu”. Fil-ġurnata tal-lum Kristu Msallab jieħu ċ-ċentru, mhux biss ta’ dan il-katidral u tal-Knisja universali, imma wkoll ta’ l-univers, u fuqu jistrieħu l-għajnejn: “Huma għad iħarsu lejn min nifdu”.

Huwa fatt li hemm minn ħutna li l-ħarsa tagħhom ma tistrieħx fuq Kristu Msallab. Forsi aħna wkoll tmexxejna minn dik li San Ġwann fl-ewwel ittra tiegħu jsejħilha l-konkupixxenza ta’ l-għajnejn: il-ġibda ta’ l-għajnejn għal ħwejjeġ tad-dinja; u billi din il-viżjoni ma tissodisfax, u minkejja li l-bniedem iserraħ għajnejh fuq oġġetti tad-dinja, huwa ma jsibx serħan u jibqa’ jfittex ħalli forsi jissodisfa lilu nnifsu. Imma jiġri li iktar ma l-ħarsa tiegħu titbiegħed mill-Kreatur u tistrieħ fuq il-kreatura, forsi b’mod diżordinat, l-għama tiegħu jikber u l-għatx tiegħu ma jissodisfahx.

“Bniedem b’sura li ma kontx tħares lejh”

Imbagħad hemm ukoll dawk li xħin jilmħu lil Kristu Msallab jibżgħu jħarsu lejh, kif qal il-profeta Isaija fl-ewwel qari tal-lejla: “Bniedem mingħajr sura”, bniedem li xħin tħares lejh fuq is-Salib mhux tiffissa għajnejk fuqu imma tgħatti għajnejk għax ma tiflaħx tara dak il-ġisem imkisser u mbiċċer, kollu dmija.

“Skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani”

Jistħu jħarsu lejh mhux għax fih jaraw bniedem imsallab, għaliex bnedmin imsallba kien hemm qabel Kristu; kien hemm u għad ikun hemm wara Kristu. Imma jistħu jħarsu lejh għaliex il-pagani jarawha bluha u għal-Lhud huwa skandlu li tgħid li huwa Alla u ħa l-mewt tas-salib għalina. llum għandna wkoll pagani li xħin nipproponulhom din il-viżjoni ta’ Kristu Msallab jitfixklu, għaliex ma jistgħux iniżżluha kif dan Alla sar bniedem imsallab fuq is-salib; u għandna min bħal-Lhud għandu xi forma jew oħra ta’ twemmin f’Alla imma jsibha diffiċli li Alla jiġi msallab fil-persuna ta’ Ġesù Kristu. Kemm il-pagani u kemm il-Lhud jitfixklu għaliex qalbhom hija magħluqa għal din il-Bxara t-Tajba; għaliex ma fetħux qalbhom għall-grazzja ta’ dan Alla li “tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni għalina”; il-grazzja ta’ Kristu li ta lilu nnifsu għalina.

Nikkontemplaw il-misteru ta’ l-imħabba ta’ Alla

Forsi hawn fostna anki min jagħmel ma’ l-ewwel jew it-tieni kategorija, u li quddiem din il-ġrajja ta’ Kristu jitfixkel. Għalina tgħodd ħafna dik is-sentenza: “Għad iħarsu lejn min nifdu”, għaliex fi Kristu Msallab aħna għandna r-rivelazzjoni tal-profondità ta’ l-imħabba ta’ Alla għalina. Meta l-kustat tiegħu ġie minfud bil-lanza, aħna nistgħu nippenetraw il-viżjoni tagħna u naraw dik il-qalb ta’ Kristu: il-qalb ta’ Alla li tant iħobbna illi ried iroddilna l-ħajja, li ried jifdina mid-dnub tagħna, u li mill-qalb tiegħu joħorġu demm u ilma. F’dawn iż-żewġ elementi s-Santi Padri tal-Knisja jaraw riferenza għall-Magħmudija u għall-Ewkaristija. L-ilma huwa riferenza għas-sagrament tal-Magħmudija: dak l-ilma li lilna naddafna, tana twelid ġdid u li jaqtgħalna l-għatx. Id-demm huwa riferenza għas-sagrament ta’ l-Ewkaristija li ċċelebrajna lbieraħ: dak id-demm li aħna nixorbu biex ikollna l-ħajja li rċivejna permezz tal-Magħmudija biex ma nitilfuhiex, imma tkompli timmatura fina; dak id-demm li lilna mhux biss inaddafna mid-dnub tagħna imma jgħinna nsiru offerta għal Alla flimkien ma’ Kristu, saċerdot u vittma. Għalhekk, għeżież tiegħi, aħna nħarsu lejn dak li nifdu f’din il-ġurnata, biex nikkommemoraw dan il-misteru infinit ta’ l-imħabba ta’ Alla lejn il-bnedmin.

“Intom sallabtu lil Kristu”

Imma forsi hemm min ma jħarisx lejn Kristu Msallab għax iħoss fih jew fiha ċertu rimors kif jgħid Pietru lill-ewwel Kristjani: “Intom sallabtu lil Kristu”. Imma kif sallabna lil Kristu jekk aħna ma konniex hemm? Sallabna lil Kristu bid-dnub tagħna u bl-għażliet anti-evanġeliċi li nagħmlu, u allura hemm waqtiet li fihom aħna niġu konxji ta’ dan u nibżgħu nerfgħu l-ħarsa tagħna biex tistrieħ fuq Kristu. Dan jiġri mhux biss għax naraw lil Kristu mneżża’ mill-umanità tiegħu, imma għax fih nilmħu lil kull bniedem li bl-azzjoni tagħna nisirqulu d-dinjità tiegħu: lil dik il-persuna li sa titwieled u ma nħalluhiex titwieled; lil dik il-persuna abbużata, fis-sens wiesa’ tal-kelma; lil dik il-persuna li hija abbandunata. Dawn huma każijiet ta’ kuljum li jseħħu quddiem għajnejna, jekk mhux ukoll bil-partiċipazzjoni tagħna. Meta aħna qegħdin inneżżgħu mid-dinjità tal-persuna lil dawn ħutna, aħna qegħdin inneżżgħu lil Kristu mid-dinjità tiegħu, aħna qegħdin nerġgħu nsammru b’dawk l-imsiemer biex Kristu jibqa’ fuq is-salib, u jkun hemm fejn aħna nistħu nerfgħu għajnejna biex inħarsu lejh.

Għalhekk għad “inħarsu lejn min nifdu”, għax l-oġġett tal-viżjoni tagħna għandu jkun Kristu nnifsu. Wara li aħna nagħmlu talbiet sbieħ għall-bnedmin kollha, aħna sa nesponu s-Salib f’din l-assemblea: l-għuda tas-Salib li fuqha ġie msallab is-Salvatur tagħna. Min jistħi u min ma għandux kuraġġ jiffissa l-ħarsa tiegħu fuq il-Kurċifiss, lanqas ħa jkollu l-qawwa biex jerfa’ s-salib fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum. Ma ninsewx li min m’hux kapaċi jerfa’ s-salib ma jistax ikun dixxiplu tal-Mulej: “Min irid ikun dixxiplu tiegħi għandu jerfa’ salibu, jiċħad lilu nnifsu u jimxi warajja”. Qabel ma nersqu biex naduraw u nħaddnu s-Salib – dik l-għuda li fuqha ġie msallab is-Salvatur tagħna; dik l-għuda li fuqha ġie mgħolli biex jiġbed lil kulħadd lejh; imma wkoll dik l-għuda li kull wieħed u waħda minna, għax iħobb, irid iħaddan fil-ħajja tiegħu – ejjew nerfgħu l-għajnejn, mhux biss dawk fiżiċi imma ta’ qlubna u ta’ ruħna, ħalli nserrħuhom fuq Kristu Msallab, il-Feddej tagħna.

pdf · 58.79 KB Niżżel