Aqbeż għall-kontenut

Inwarrbu l-Ispirtu Tribali

Meta nqis li matul din is-sena f’dan il-proġett intom studjajtu dwar il-familja ta’ Ġakobb li kellu tnax-il wild li mbagħad saru t-tnax-il tribù ta’ Israel, nirrakkomandalkom biex ma tkunux tribali fis-sens negattiv tal-kelma! Maż-żmien ulied Ġakobb tant tbiegħdu minn xulxin li ma baqgħux iqisu lil xulxin bħala “aħwa”, insew li huma demm wieħed.

Huwa magħruf kemm il-Lhud u l-Palestinjani, it-tnejn ġejjin mill-istess familja ta’ Ġakobb, ma jaqblux bejniethom u dejjem bit-tensjonijiet. Hekk jista’ jiġri lilna: biex niddefendu l-interessi tat-“tribù” tagħna, ninqatgħu mill-bqija, insiru antagonisti, inrewħu l-piki u biex inħarsu “it-territorju tagħna” nafu nsiru aggressivi u insolenti fil-kliem u fl-għemil. Insiru klieb u qtates. Sfortunatament, dan l-ispirtu ta’ tribù jeżisti fil-familji tagħna, insibuh fl-irħula tagħna (“dawk tan-naħa ta’ fuq u dawk tan-naħa ta’ isfel!”), bejn raħal u ieħor, bejn parroċċa u oħra, u nista’ nibqa’ nsemmi.

Aħdmu fuqkom infuskom biex ma titteħdux minn din il-mentalità tribali, imma fittxu li tkunu għodda ta’ komunjoni. Meta għażel it-tnax-il Appostlu, Ġesù pprova jerġa’ jiġbor flimkien f’familja waħda t-tribujiet ta’ Israel.

Ħa tkun il-Kelma ta’ Ġesù dik li tibnina f’familja waħda li ngħożżu dak li jgħaqqadna u nistmerru dak li jifridna.

pdf · 53.07 KB Niżżel