Aqbeż għall-kontenut

Ir-Randan, Mixja ta’ Talb, Sawm u Karità

Bħal fi żmien il-profeta Ġoel, illum ukoll fost il-popli jistaqsu b’referenza għalina l-Insara: “Fejn hu Alla tagħhom?” (2:17). Ir-Randan huwa żmien providenzjali biex aħna nwieġbu għal din il-mistoqsija dwar fejn hu Alla tagħna!

Imma biex inwieġeb għal din il-mistoqsija, irrid inkun naf min hu Alla tagħna. Għax għal xi wħud kif jgħid San Pawl “alla tagħhom hija żaqqhom” (Fil. 3,19). Mifnijin mill-mentalitá materjalista ta’ żminijietna, uħud huma mhedijin biex jissodisfaw il-ħtiġijiet materjali u minħabba f’hekk jitraskura aspetti oħra importanti tal-ħajja. Ġesù avżana li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla. L-eżerċizzju tas-sawm li l-Knisja tipproponilna matul ir-Randan għandu jgħinna nrawmu fina ċerta dixxiplina biex lil ġisimna ma nagħtuhx dak li jrid imma dak li għandu bżonn.

Oħrajn jaslu biex jqisu bniedem ieħor daqs Alla. Mhux darba jew tnejn il-bniedem neħħa lil Alla min n nofs u qiegħed lilu nnifsu! It-tqegħid tal-irmied fuq rasna f’Ras ir-Randan għandu tifsira profonda ħafna għax niftakru li trab konna u trab ser nerġgħu nsiru. Tassew miskin dak il-bniedem li ma jagħrafx li huwa ħlejqa li għandha l-bidu u t-tmien!

Mela min hu Alla tagħna? Alla tagħna huwa dak li kellemna dwaru Ġesù Kristu: dak Alla li tant ħabb lid-dinja li taha lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fiH isalva. Kif jiddeskrivih il-Profeta, Alla “huwa twajjeb u ħanin, tqil biex jinkorla, u kollu tjieba; u jisgħobbih għall-ħażen” (Ġoel 2,16). Fi kliem San Pawl “dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina” (2Kor 6.1), fis-sens li lil Ġesù li ma kellu ebda ħtija, Alla ppermettielu li jġarrab il-passjoni u l-mewt biex jifdina mid-dnub tagħna. Huwa għalhekk li fl-aħħar Ittra Pastorali tagħna l-Isqfijiet għamilna sejħa biex matul ir-Randan inġeddu l-laqgħa personali tagħna ma’ Ġesu Kristu.

Ġesu huwa l-Kelma Eterna li fil-milja taż-żmien saret laħam – “il-Verb sar bniedem u għammar fostna”. Għalhekk fir-Randan il-Knisja tagħmlilna sejħa qawwija biex niltaqgħu ma’ din il-Kelma kemm bis-smiegħ jew il-qari attent tal-Iskrittura kif ukoll bis-sehem tagħna fil-prietki tal-Eżerċizzi li jkollna fl-erba’ ġimgħat li ġejjin.

Għal mistoqsija dwar fejn jinsab Alla tagħna wieħed faċli jwieġeb li Alla qiegħed fit-tabernaklu jew fil-knisja. Forsi wieħed iwieġeb bir-risposta li tgħallimna fil-Katekiżmu: Alla jinsab fis-sema, fl-art u kullimkien! Imma ħasra jekk nillimitaw l-preżenza t’Alla għal dawn il-postijiet biss u ninsew li Alla jgħammar ukoll fil-qalba tal-qalb tagħna. Kull qalb umana hija tinda li tilqa’ l-preżenza t’Alla! Il-qalb tal-bniedem għandha tieqa miftuħa fuq l-eternità. Għalhekk meta l-profeta jisħaq li għandna nċarrtu qlubna u mhux ilbiesna qiegħed jgħidilna biex niftħu qalbna mhux tant biex Alla jidħol fiha daqskemm biex aħna niskopru din il-preżenza ta’ Alla fiha. Il-Knisja tistedinna biex matul ir-Randan infittxu ngħożżu aktar dawk il-waqtiet ta’ talb għaliex fit-talb il-qalb tal-bniedem titkellem mal-Qalb ta’ Alla. Għalhekk xieraq li f’dawn il-ġimgħat li ġejjin nippruvaw noħolqu ftit aktar spazju għat-talb kemm fil-programmi personali tagħna kif ukoll bħala familja.

Ħafna drabi n-nies jistaqsu fejn hu Alla tagħna jekk kemm-il darba fil-ħajja tagħna ta’ kuljum aħna nibqgħu lura milli nagħtu xhieda tat-twemmin tagħna fih jekk mhux ukoll ġie li nagħtu eżempji ħżiena. Il-fidi mingħajr għemejjel hija fidi mejta. Jekk Alla qiegħed fejn hemm l-imħabba, in-nuqqas tal-imħabba jista’ jkun indizju li Alla wkoll huwa assenti. Għalhekk l-għemejjel ta’ karità li tistedinna nagħmlu l-Knisja matul ir-Randan huma għodda tajba biex min jara dawn l-għemejjel ikollu konferma li dak Alla li aħna nqimu huwa preżenti f’dak l-att ta’ karita. Il-ġenerożità li nuru ma’ min hu fqir u fil-bżonn hija manifestazzjoni ta Alla li jħobb.

Nitlob lill-Ispirtu t’Alla jieqaf magħna matul il-ġimgħat li ġejjin ħalli r-Randan bit-taħriġ ħelu li jipproponilna verament ikun mument ta’ grazzja biex nagħrfu aħjar lil Alla. Din il-konverżjoni biex inkunu nsara awtentiċi neħtiġuha biex hekk inkunu nistgħu nagħtu xhieda għalih fil-ħajja ta’kuljum.

pdf · 41.01 KB Niżżel