Irridu lil Uliedna Dixxipli ta’ Ġesù
Ħafna drabi meta jkunu għadhom żgħar it-tfal ikunu jridu jilħqu bħall-ġenituri tagħhom! Waħda tifla tixtieq issir pustiera għax ommha tqassam il-posta! Tifel ieħor jixtieq jilħaq infermier għax missieru jaħdem l-isptar! Fi kliem ieħor, l-eżempju jkaxkar anki fil-ħajja Nisranija. Għeżież ġenituri, li llum qed tippreżentaw lit-trabi tagħkom lill-Madonna Ta’ Pinu, meta wliedkom joqogħdu jiflukom (forsi mingħajr lanqas ma tintebħu!), intom konvinti li dawn għad jgħidu: Irrid insir Nisrani bħal missieri jew bħal ommi? Irrid inkun dixxiplu ta’ Ġesù bħall-ġenituri tiegħi?
Meta llum intom qegħdin “tippreżentaw” lil uliedkom fit-“tempju”, nistħajjilkom qegħdin “tintroduċuhom” fil-ħajja Nisranija. Għeżież missirijiet u ommijiet, huwa intom l-ewwel katekisti ta’ wliedkom; huwa intom li ser tkellmuhom għall-ewwel darba dwar Ġesù. Fi kliem ieħor, huwa privileġġ tagħkom il-ġenituri li tgħaddu l-fidi Nisranija lil uliedkom. Inħeġġiġkom biex tgħidulhom stejjer dwar min hu Ġesù u x’għamel Ġesù. Għannulhom għanjiet ispirati mill-Vanġelu. Irrakkontawlhom esperjenzi sbieħ mill-ħajja tal-qaddisin tal-bieraħ u tal-lum. Hekk tkunu tgħinuhom ħalli, la jikbru, jagħżlu li jħobbu lil Ġesù u jħaddnu l-Vanġelu bħala regola tal-ħajja.
Jien nitlob għalikom għax naf li l-missjoni tagħkom mhix ħafifa; imma nfakkarkom li dak li sejħilkom għal din il-missjoni tal-ħajja miżżewġa u tal-familja mhux ser jitlaqkom. Il-Madonna Ta’ Pinu tieqaf magħkom.