Aqbeż għall-kontenut

Is-60 Anniversarju ta’ Mons. Girgor Vella

Sittin sena ta’ ħajja saċerdotali m’humiex ċirkostanza li għandha tgħaddi mar-riħ, la għalik, għażiż Dun Girgor, u laqas għalija li jiena wkoll, bħalek, il-Mulej sejjaħli biex inkun saċerdot. Min jaf x’jgħaddi minn moħħok u minn qalbek, għażiż Dun Girgor, meta titfa’ ħarstek lura fuq dawn is-sittin sena li għaddew. Min jaf x’faraġ għandek anki jekk m’hux nieqes il-mument tad-dulur. U jiena nixtieq ngħinek tagħmel din ir-riflessjoni, biex ma nsejħulhiex ukoll eżami tal-kuxjenza, fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla li għadha kif ixxandritilna partikularment mill-Evanġelju.

“Il-ħdax telqu lejn il-Galilija”

Xi smajna fl-Evanġelju? Smajna li l-ħdax telqu lejn il-Galilija. In-numru ħdax lili jfakkarni f’żewġ affarijiet. L-ewwelnett li kienu dawk il-ħdax li Kristu ħa grazzja magħhom, sejħilhom, għamlilhom proposta, u l-Evanġelju jgħidilna li ħallew kollox u marru warajh. Hekk għamilt int sittin sena ilu u hekk għadu jagħmel kulmin iwieġeb b’ġenerożità lill-Mulej li jsejjaħlu biex ikun saċerdot. Hekk għamlu dawn ħutna saċerdoti li l-lejla nġabru madwarek, u hekk nixtieq li jkomplu jagħmlu l-ġenerazzjonijiet li ġejjin għax anki l-lum Kristu għadu jsejjaħ għas-saċerdozju. Anki l-lum Kristu għadu jitfa’ l-ħarsa tiegħu kollha mħabba fuq xi wħud. Forsi mhux dejjem għadu jsib dik ir-risposta ġeneruża u mhux dejjem isib dak l-ambjent li jiffavorixxi l-vokazzjoni, speċjalment il-vokazzjoni saċerdotali. U għalhekk f’din iċ-ċirkostanza tal-lum, meta għandna saċerdot li qed jiċċelebra sittin sena saċerdozju, ilkoll kemm aħna għandna nħossuna msejħin biex b’mod jew ieħor nikkoperaw ma’ Kristu li l-lum ukoll għadu jgħid: “Il-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema huma ftit”. Ilkoll kemm aħna nistgħu ngħinu biex anki l-lum il-ġurnata l-Knisja ma tkunx nieqsa minn numru ta’ vokazzjonijiet.

Ipperseveraw fl-appostolat

In-numru ħdax ifakkarni li fil-bidu ma kinux ħdax. Kienu tnax, u dan ifisser li jekk kien hemm wieħed li nqata’ barra kien hemm ħdax li pperseveraw fid-dixxipulat tagħhom. Hekk għamilt int, għażiż Dun Girgor. Inti pperseverajt għal sittin sena imma żgur li l-grazzja ta’ Alla kienet miegħek u bħal kulħadd issib it-tfixkil u bħal kulħadd taħbat taqta’ qalbek, imma int għażilt li tibqa’ fidil għas-saċerdozju tiegħek. Għeżież, itolbu għalina s-saċerdoti, ħalli aħna wkoll nipperseveraw fil-vokazzjoni tagħna. M’hix ħaġa ħafifa li saċerdot jippersevera u jgħix b’fedeltà l-vokazzjoni tiegħu, imma jien konvint li hawn ħafna li jħobbuna u li jsostnuna bit-talb tagħhom ħalli ma jiġrilniex bħal dak li l-Mulej sejjaħlu, qabad it-triq imma waqaf fin-nofs, biex ma ngħidx li abbuża mill-ħbiberija li kellu ma’ Ġesù u ttradieh.

Obdew anki jekk ma fehmux kollox

X’tgħidli aktar din is-silta tal-Vanġelu? Il-Vanġelu jgħidilna li dawn il-ħdax telqu lejn il-Galilija. Dan ifisser li dawn obdew lil Kristu, li meta qam mill-mewt qal lin-nisa: “Morru għidu lid-dixxipli biex imorru l-Galilija; lili jarawni hemmhekk”. Dawn il-ħdax obdew lil Kristu, qagħdu għall-kelma tiegħu minkejja li ma fehmux kollox, tant li l-Vanġelu jgħid li xi “wħud minnhom iddubitaw”. Anki din hija karatteristika importanti tas-saċerdozju Kattoliku: li aħna nissottomettu r-rieda tagħna għar-rieda ta’ Alla. Aħna ma nagħmlux voti bħalma jagħmlu ħutna r-reliġjużi, li jagħmlu l-voti tal-kastità, tal-faqar u ta’ l-ubbidjenza. Aħna s-saċerdoti nagħmlu wegħda li hija dik ta’ l-ubbidjenza. Anki din m’hix xi ħaġa ħafifa u għalhekk inħeġġeġ għat-talb tagħkom biex aħna mhux biss inkunu fidili għal din il-wegħda imma nkunu ta’ eżempju tajjeb.

“Marru fuq l-għolja u nxteħtu jadurawh”

Imbagħad hemm ħaġa oħra fil-Vanġelu li naraha karatteristika tas-saċerdozju. “Il-ħdax marru fuq l-għolja u nxteħtu jadurawh”. Fi kliem ieħor huma daħlu f’dik l-attitudni ta’ talb u ta’ adorazzjoni quddiem il-misteru ta’ Alla. Il-vokazzjoni tagħna l-ewwel u qabel kollox hija vokazzjoni li, kif jgħid l-awtur ta’ l-ittra lil-Lhud, “aħna meħudin minn fostkom mhux għax għandna xi vokazzjoni speċjali imma għaliex il-Mulej għoġbu jagħtina din il-missjoni li aħna nidħlu għalikom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla”. Għażiż Dun Girgor, min jaf kemm għamilt affarijiet tajbin f’dawn is-sittin sena: 25 sena kappillan, 33 sena oħra bħala kanonku fil-knisja Katidrali tagħna, flimkien ma’ tant impenji oħra. Dan kollu sewa ta’ ġid daqskemm int għaraft titlob, tinxteħet quddiem Alla biex titlob għall-poplu li l-Mulej fdalek u li int bħala kanonku tal-Katidral stajt twettaq. Intom tafu, għeżież tiegħi, li l-kanonċi tal-Katidral tagħna jiltaqgħu kuljum, inkluż darbtejn kull nhar ta’ Ħadd, biex jitolbu u jitolbu għalina lkoll.

“Morru fid-dinja kollha”

L-aħħar karatteristika li jnebbaħni biha l-Vanġelu tal-lum hija dik ta’ meta Ġesù lill-Appostli qalilhom: “Morru fid-dinja kollha u għallmuhom il-Vanġelu”. Dimensjoni importanti tal-ħajja saċerdotali hija l-katekiżmu. Int, Dun Girgor, kont tagħmel il-katekiżmu ta’ nhar ta’ Ħadd. Imma mhux dan biss. Int kont impenjat f’diversi għaqdiet Kattoliċi u jien nara lilek impenjat anki fl-appostolat tal-lajċi. Itolbu għalina f’dan ir-rigward. Hemm ċertu xogħol li jista’ jagħmlu kulħadd, imma hemm xogħol li jekk ma nagħmluhx aħna s-saċerdoti ma jistax isir. Fost dan hemm il-mandat li tana Kristu biex inxandru l-Bxara t-Tajba u li ngħinukom tgħixuha f’ħajjitkom.

Dawn huma erba’ noti mill-Vanġelu fuq il-ħajja saċerdotali li jiena ċert li inti wettaqthom b’responsabbiltà, biex ma ngħidx ukoll bi skruplożità. Dawn huma erba’ noti li nipproponihom lilna lkoll, saċerdoti hawn miġbura, ħalli nkomplu nagħmlu l-ġid fuq l-eżempju tiegħek, għażiż ħija fis-saċerdozju, Dun Girgor.

pdf · 52.39 KB Niżżel