Is-Saċerdot fil-Ħsieb ta’ Santa Tereżina
“Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin” (Rum 5:7). Huwa biss meta ninħatfu minn din l-imħabba ta’ Alla li nistgħu nwieġbu għas-sejħat li hu jagħmlilna; anzi, aktar ma nħossuna maħtufa minn din l-imħabba, aktar nixxenqu għal doni akbar. Għalhekk kull vokazzjoni, inkluża dik tagħna s-saċerdoti, tiftiehem biss bħala tweġiba ta’ mħabba għall-imħabba li biha jħobbna Alla li dehret fil-Qalb ta’ Ġesù.
F’din l-ottika nixtieq nirrifletti dwar is-saċerdozju f’din l-okkażjoni meta llum qegħdin inroddu ħajr lil Alla għas-sittin sena ta’ ministeru saċerdotali ta’ Mons. Rużar Borg. Peress li huwa sigriet magħruf li Dun Rużar huwa “n-namrat ta’ Santa Tereżina tal-Bambin Ġesù”, ser noffri ftit ħsibijiet mit-tagħlim ta’ din il-qaddisa li barra li hija Duttur tal-Knisja, il-Papa San Ġwanni Pawlu II sejħilha “esperta ta’ scientia Amoris” (Novo millennio ineunte, 27).
Jiena konvint illu kieku jkolli nistaqsi lil din il-qaddisa dwar Dun Rużar, hija tkun tridu bħala wieħed minn “ħutha spiritwali” s-saċerdoti. Għax sa mill-bidu tal-ħajja reliġjuża, Santa Tereżina kienet titlob lil Alla li jagħtiha l-grazzja li jkollha “ħuha” saċerdot. Sakemm fl-aħħar, darba, il-Prijura talbitha biex toffri kura spiritwali lil saċerdot u lil seminarista li kienu ħabbtu fuq il-bieb tal-Karmelu biex is-Sorijiet jitolbu għalihom.
L-ispiritwalità ta’ Thérèse Martin tinġabar f’sentenza waħda: ħobb lil Ġesù u agħmel li jkun maħbub. Fil-fatt, lejn tmiem ħajjitha, f’ittra li kitbet lis-seminarista Belliere, qaltlu: “Fis-Sema nixtieq dak li dejjem xtaqt matul ħajti: li nkun inħobb lil Ġesù u nagħmlu maħbub” (Ittra 220). Meta tgħid “tħobb lil Ġesù” hija tkun tfisser li tixtiequ jiġbidha warajh (Għan 1:3), għax meta jiġbidha lejh, hija mbagħad tiġbed oħrajn lejh. Dan jikkonferma li l-ispiritwalità ta’ Santa Tereżina hija waħda ċċentrata fuq Kristu b’tali mod li kemm l-istorja tas-salvazzjoni u kemm “l-istorja tar-ruħ” huma l-istess storja ta’ Mħabba. Aktar ma tħobb lil Ġesù, il-qalb (ir-ruħ) aktar tikber. Għaldaqstant hemm rabta bejn il-qalb ta’ Tereża u l-Qalb ta’ Ġesù. L-istorja ta’ din il-qaddisa hija storja mill-isbaħ tal-Imħabba – imma din l-Imħabba li mlitilha ħajjitha għandha wiċċ u isem: hija Ġesù.
Din l-imħabba lejn Ġesù xettlet fiha mħabba lejn is-saċerdoti. Fil-fatt, f’waħda mill-ittri li kitbet hi tfakkar lil ommha li meta għamlet l-ewwel qrara kienet staqsietha jekk kellhiex tgħid lill-konfessur, Don Ducellier, li kienet tħobbu b’qalbha kollha għax kienet tara fih lil Alla! Tant kellha stima tas-saċerdot li meta kellha erbatax-il sena kienet titlob għal midinbin kbar, imma ma kinitx tħoss li għandha titlob għas-saċerdoti għax kienet konvinta li huma qaddisin.
Imma ġara li wara li ta’ ħmistax-il sena marret Ruma f’pellegrinaġġ li fih ħadu sehem għadd ġmielu ta’ saċerdoti mid-djoċesi tagħha, hija kkonvinċiet ruħha li kellha bżonn titlob għas-saċerdoti wkoll għax “anki s-saċerdoti tajbin huma dgħajfa u fraġli” u l-imġiba tagħhom uriet li kellhom bżonn kbir tat-talb. Kien għalhekk li sa minn meta daħlet fil-Karmelu hija ddedikat ħajjitha biex issalva l-erwieħ u biex titlob għas-saċerdoti (Ms A, 69). Tereża ħassitha msejħa biex issir “appostla tal-appostli”. F’ittra li kitbet meta kellha sbatax-il sena lil oħtha Celina, tgħidilha: “Hemm bżonn nagħmlu ħafna qassisin (bit-talb) li jkunu jħobbu lil Ġesù” (Ittra 101); u f’ittra oħra li kitbitilha f’Lulju 1888 tgħidilha: “Nitolbu għas-saċerdoti biex ikunu trasparenti aktar mill-kristall, għax hawn ħafna saċerdoti li ma humiex daqshekk tajbin. Inbatu għalihom u fl-aħħar jum Ġesù jkun rikonoxxenti” (Ittra 94).
Meta Santa Tereżina tinnota li s-saċerdoti kienu indenji u mhux daqshekk tajbin, dan mhux tant għax kellhom xi nuqqasijiet fil-ħajja morali, imma għax kienu jinsew li dakinhar tal-konsagrazzjoni tagħhom huma wegħdu li jħobbu lil Ġesù bi mħabba esklussiva u li s-safa tagħhom ma kinitx tixraq lill-Ewkaristija li jkollhom f’idejhom. F’ittra li tikteb lil oħtha Sr Celina tgħidilha: “Naħseb li dak li l-aktar iweġġa’ l-Qalb ta’ Ġesù hija l-ingratitudni, speċjalment meta jara erwieħ li kkonsagraw ruħhom għalih jagħtu qalbhom lil ħaddieħor, meta suppost qalbhom hija mwiegħda kollha kemm hi għalih” (Ittra 122). Tereżina kien jiddispjaċiha mhux biss meta aħna s-saċerdoti nittradixxu lil Ġesù, imma wkoll meta kienet tara s-saċerdoti jittrattaw ma’ Ġesù b’qalb kiesħa u bierda. Fil-fatt, kienet spiss tgħid għalina s-saċerdoti: “Kemm nixtieq li jħobbu lil Ġesù u jmissuh b’dik l-istess delikatezza li biha kienet tmissu Ommu Marija fil-maxtura” (Ittra 101). Imbagħad kienet tinkwieta qatigħ u titlob b’aktar ħeġġa għalina, meta kienu jgħidulha li l-imħabba tas-saċerdot lejn l-Ewkaristija tkun xjaħet fost poplu li jkun tilef l-interess f’Alla!
Imma Santa Tereżina tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ ta’ Kristu mhux biss kienet issostni s-saċerdot bit-talb, imma saħansitra kellha xewqa li tkun hi stess saċerdot! It-talb u t-tħassib tagħha b’risq il-presbiteri bil-mod il-mod sawru fiha qalb saċerdotali, tant li bdiet tixxennaq biex tkun saċerdot. F’wieħed mill-manuskritti tagħha hija tgħid li f’qalbha kienet tħoss diversi sejħat biex hekk tkun fil-Knisja risposta kollha mħabba. Hija tikteb hekk: “Għandu jkun biżżejjed għalija Ġesù li jien inkun l-għarusa tiegħek, Karmelitana u, grazzi għall-għaqda tiegħi miegħek, omm tal-erwieħ. Imma mhux hekk. Inħoss is-sejħa biex inkun gwerriera, saċerdot, appostlu, duttur, martri. Insomma, inħoss li nixtieq miegħek, Ġesù, nagħmel dawn il-ħidmiet erojċi. Inħoss fil-qalb tiegħi l-kuraġġ ta’ wieħed li għamel il-Kruċjati, ta’ wieħed li hu fl-Armata pontifiċja: nixtieq immut fuq il-kamp tal-battalja niddefendi l-Knisja. Inħoss is-sejħa għas-saċerdozju. Min jaf b’liema mħabba nġorrok f’idejja, Ġesù, xħin għall-kelma tiegħi inti tinżel mis-Sema! Min jaf b’liema mħabba nagħtik lill-erwieħ!” (Ms B, 2v). Hawnhekk jidher ċar li fil-ħsieb tal-qaddisa l-Ewkarisitja hija l-qofol tal-ħajja saċerdotali. Hija mara kkonsagrata, b’qalb femminili, li qed tgħallem lilna rġiel ikkonsagrati b’liema mħabba għandna nħobbu lil Ġesù. Fl-ittri tagħha Santa Tereża titkellem dwar dawk l-aspetti mill-ħajja saċerdotali li kienet tixtieq li jkollha hi stess:
“Kieku kont saċerdot, kont nistudja fil-fond l-Għebrajk u l-Grieg biex inkun naf il-ħsieb divin, ladarba Alla għażel li jikkomunika magħna b’lingwaġġ tal-bnedmin”. Dan ifisser li hija kellha għal qalbha l-istudju approfondit tal-Kelma ta’ Alla li dak iż-żmien kien riservat biss għas-saċerdoti.
“Kemm nixtieq li kont saċerdot biex inkun nista’ nipprietka dwar il-Madonna! Kien ikun biżżejjed għalija li jkolli mqar ċans wieħed li nipprietka biex ngħid dak kollu li naħseb dwarha”. Hija tgħid li ma għandniex noqogħdu nivvintaw dwar Marija, imma ngħidu biss dak li nafu dwarha u nippreżentawha bħala mudell li wieħed jista’ jimita u mhux xi ħaġa ’l bogħod minna – kienet qed titkellem f’kuntest meta s-saċerdoti fil-prietki kienu jippreżentaw lill-Madonna bħala xi ħaġa ’l bogħod min-nies. Dwar dan il-punt kont semmejt xi ħaġa fid-Diskors li għamilt lill-Kleru f’Jannar li għadda.
“Kemm kont inħossni kuntenta meta kont immexxi l-Uffizzju! Xħin kont ngħid it-talb fil-kor! Għax kont konxja li s-saċerdot jgħid l-istess talb fil-quddiesa u li jien kelli d-dritt, bħalu, li nitkellem b’vuċi għolja quddiem is-Sagrament, li nbierek, li nagħti l-assoluzzjoni, li naqra l-Vanġelu”. Għal Santa Tereżina l-Liturġija tas-Sigħat kienet qisha “quddiesa” fejn hi setgħet taġixxi bħas-saċerdot.
Imma l-aktar ħaġa importanti għaliha kienet l-Ewkaristija: hija kellha xewqa li tgħid il-kliem tal-Konsagrazzjoni li xħin tgħidhom tniżżel lil Ġesù mis-Sema – kellha xewqa qaddisa li tqassam l-Ewkaristija forsi lill-morda wkoll! Din l-għożża li kellha għall-Ewkaristija toħroġ mill-ittri li kitbet lis-seminarista li semmejna aktar ’il fuq.
Fil-fatt, f’Ottubru 1895 din il-Karmelitana tibgħatlu din it-talba li kitbet hi stess: “Marija, ħelwa Reġina tal-Karmelu, nafdalek il-qalb ta’ dan is-saċerdot futur, li tiegħu jien ‘oħt’ (spiritwali) mingħajr ma jistħoqqli. Nitolbok tgħallmu minn issa stess b’liema mħabba int kont taqbad lil Ġesù Bambin u kont tfisqih, għax jum wieħed hu wkoll għad jitla’ t-taraġ tal-altar u jġorr f’idejh ir-Re tas-Smewwiet. Nitolbok, żommu u ħarsu dejjem fid-dell tal-mant verġinali tiegħek” (Pri, 8).
Għal Santa Tereżina s-saċerdot essenzjalment huwa l-ministru tal-Ġisem ta’ Kristu. Il-fatt li kuljum ikun qrib ta’ dan il-Ġisem fl-Ewkaristija, lis-saċerdot iqarrbu lejn Marija li ġarret, iffurmat, temgħet u ħadet ħsieb il-Ġisem ta’ Ġesù. Fil-ħsieb ta’ din il-qaddisa, saċerdot li jħobb l-Ewkaristija huwa wkoll saċerdot Marjan.
Sentejn wara (Jannar 1897) Santa Tereżina terġa’ tikteb lill-istess seminarista u tibgħatlu xi poeżiji tagħha li tiddeskrivihom hekk: “Dawn il-vrus jgħoddu aktar għal waħda reliġjuża milli għal seminarista… Imma qalbek mhix l-għarusa tal-Ħaruf Divin u dalwaqt fil-jum tal-Ordinazzjoni tiegħek ser issir il-mara tiegħu?” (Ittra 220). F’din is-sentenza Tereżina tagħtina x’kienet tifhem biċ-ċelibat saċerdotali. Kif in-novizza Karmelitana hija “l-għarusa” ta’ Ġesù destinata li tkun kollha kemm hi tiegħu dakinhar tal-Professjoni perpetwa, hekk is-seminarista jidħol f’din ir-relazzjoni ta’ mħabba sponsali ma’ Ġesù. Tereżina tintroduċi l-kunċett ta’ “sponsalità sacerdotale” – il-qalb saċerdotali “tiżżewweġ” lil Kristu b’rabta dejjiema, u dan jidher fl-impenn definittiv taċ-ċelibat.
Dan mhux diskors sentimentali imma teoloġikament profond, għax bis-sagrament tal-Ordni Sagri s-saċerdot jidħol f’din ir-relazzjoni ta’ mħabba li hemm bejn Kristu u l-Knisja. Barra minn hekk hija verità antropoloġika li l-bniedem min-natura tiegħu jeħtieġ din ix-xorta ta’ relazzjoni (sponsalità), għax kull bniedem maħluq biex jidħol f’relazzjoni ta’ mħabba. Imma min jagħżel li jibqa’ ċelibi u jirrinunzja għaż-żwieġ, jikkonsagra din ir-relazzjoni sponsali ma’ Kristu. Jekk ir-relazzjoni tagħna s-saċerdoti ma’ Ġesù ma tkunx fuq dan il-livell ta’ “namur passjonali”, allura l-istess ċelibat jaf joħolqilna problema. Santa Tereżina tikteb lil kuġintha Maria Guerin u tgħidilha: “Qalbek hija magħmula biex tħobb lil Ġesù bi mħabba passjonali” (Ittra 92). Din l-imħabba lejn Ġesù trid tkun waħda esklussiva. Fil-fatt, Santa Tereżina kienet tħobb tgħid li “tħobb lil Ġesù biss”, fis-sens li ma kienet taqsam qalbha ma’ ħadd aktar, għax inkella kienet tħossha tonqos mill-fedeltà lejh, liema infedeltà hija tfixkil serju biex wieħed jikber spiritwalment. Għalhekk fil-viżjoni ta’ Santa Tereżina b’kastità nifhmu din l-imħabba lejn Ġesù. Ġesù nnifsu huwa l-għajn tal-verġinità. Id-demm tiegħu jirrendi safi (verġni) lil dawk ikkonsagrati lilu.
Is-saċerdoti kollha kienu l-mimmi ta’ għajnejn Santa Tereżina, saħansitra dawk li kienu żbaljaw bl-ikrah jew telqu l-ministeru! Fil-fatt, fl-aħħar xahar ta’ ħajjitha hija ppruvat “tiġbed” lejha eks Provinċjal tal-Karmelitani (Patri Giacinto Loyson) li kien ħalla s-saċerdozju u kien qed jeħodha kontra l-Knisja. Filwaqt li għall-ġurnalisti dan kien “monaco rinnegato”, Santa Tereżina kienet issejjaħlu “ħuna, iben il-Verġni Mbierka” u offriet għalih l-aħħar tqarbina li għamlet qabel mietet fid-19 ta’ Awwissu 1897.
Imma Santa Tereżina kellha mħabba partikulari għas-saċerdoti missjunarji – meta tingħaqad mal-missjunarji hija kienet qed twaħħad is-sejħa kontemplattiva mas-sejħa appostolika. Hija tikteb fil-femminil it-talba saċerdotali li Ġesù għamel fl-Aħħar Ċena u tapplikaha għas-saċerdoti missjunarji. Hija tgħid lill-Missier: “Dawk li inti tajtni (saċerdoti missjunarji) jien nitlob għalihom biex ikunu magħna fis-Sema, biex id-dinja tagħraf li jien ħabbejtek kif ħabbejtni int” (ara Ms Ċ, 34). Kif tgħid fid-Djarju tagħha, xtaqet ħafna tkun missjunarja “sa mill-bidu tal-ħolqien u sa meta jintemmu ż-żminijiet”. Mhux ta’ b’xejn il-Papa Piju XI iddikjaraha Kompatruna tal-Missjonijiet.
Għalkemm għaddew aktar minn mitt sena mill-mewt ta’ din il-qaddisa (Settembru 1897), ir-riflessjonijiet u l-ispiritwalità dwar is-saċerdot proposti minn din ir-reliġjuża Duttur tal-Knisja għadhom validi llum. Il-kleru Għawdxi huwa mbierek bil-preżenza tiegħek, għażiż Dun Rużar, kemm minħabba l-ħidma varjata tiegħek matul dawn is-sittin sena, imma fuq kollox għax fik nistgħu naraw l-inkarnazzjoni tat-tnebbiħ li rċeviet il-qaddisa favorita tiegħek Santa Tereżina tal-Bambin Ġesù. Min ma jafx x’kitbet Santa Tereżina dwar is-saċerdot, jista’ jħares lejk u jilmaħ fik ħafna mill-ħsus li kien hemm fil-qalb ta’ din ir-reliġjuża. Ma nkunx nesaġera jekk ngħid li fis-saċerdozju tiegħek nara nisġa bejn l-istorja tas-salvazzjoni u l-istorja tar-ruħ (tiegħek). Hemm rabta bejn il-qalb tiegħek u l-Qalb ta’ Ġesù. Bħal Santa Tereżina inti għaraft iżżewweġ flimkien il-ħajja kontemplattiva u dik attiva, u x-xewqa tiegħek biex aktar erwieħ jinġibdu lejn Ġesù saqitek ’il barra minn xtutna fuq diversi proġetti missjunarji proposti mil-Leġjun ta’ Marija. Għax jekk int tixbah ħafna lil Santa Tereżina, tixbahha wkoll fl-imħabba kbira li kellha lejn Marija… u ma nistagħġibx li meta tiġi biex tagħlaq għajnejk għal din id-dinja, bħal fil-każ ta’ Santa Tereżina, l-aħħar kelmiet tiegħek ikunu għanja mill-qalb lill-Madonna (“Pourquoi je t’aime, o Marie”), u lilna tħallina t-testment Marjan fejn tgħidilna l-motivi għaliex ħabbejt lil Marija daqshekk!