Is-Saċerdot Jgħin lill-Bniedem u lis-Soċjetà Jgħixu fl-Ottika tal-Eternità
“X’għandi nagħmel biex ngħix, u possibbilment ngħix ħajja illi m’għandhiex tmiem?”. Din hija l-mistoqsija li għamel ir-raġel għani tal-vanġelu lil Kristu. Imma hija wkoll il-mistoqsija li nagħmel jien, u rrid nittama li jagħmel kull wieħed u waħda minnkom, speċjalment f’ċirkustanza bħal tal-lum meta l-mewt qegħdin immissuha b’idejna, iktar u iktar meta tlifna żagħżugħ.
Kull bniedem jagħmel din il-mistoqsija. Il-problema tafu x’inhi? Fejn infittxu t-tweġiba. Għaliex nistgħu nħabbtu l-bieb ta’ min hu għaref u tal-filosfi, kif qed jagħmlu n-nies tal-lum. Imma għandna tweġiba li tissodisfana? Nistgħu nħabbtu l-bieb ta’ dawk illi jassigurawlna l-futur billi jkollna l-ġid: l-ekonomisti tagħna. Imma b’daqshekk għandna tweġiba? Il-vanġelu jgħid li dan kien raġel għani. Imma minkejja li kien għani xorta kellu fil-fond ta’ qalbu din il-mistoqsija. Dan ir-raġel jersaq għand Kristu u interessanti d-djalogu li jgħaddi bejnu u l-Mulej Ġesù: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (Mk 10:17). U Ġesù jibda jgħinu jiċċara ftit x’qiegħed ifittex billi jippreċiża li “ħadd m’huwa tajjeb ħlief Alla” (Mk 10:18). Ġesù ried ifissirlu li Alla biss jagħti t-tweġiba li timla l-qalb tal-bniedem. Alla, li huwa l-istess ħajja u li ħalaq il-bniedem għall-ħajja, jagħti tweġiba għal din il-mistoqsija eżistenzjali. Għax Kristu jħoss il-bżonn illi jgħidlu u jiċċara dan il-punt – “Alla biss” – meta hu mar għand Kristu u Kristu seta’ tah it-tweġiba diretta?
Jien nistħajjel illi waħda mir-raġunijiet kienet għax għalkemm dan kien jaf bi Kristu, għalkemm dan ħabbat il-bieb ta’ Kristu, lil Kristu ma kienx jagħrfu bħala l-Iben ta’ Alla li sar bniedem. Lil Kristu nistgħu narawh taħt diversi aspetti. Nistgħu narawh bħala filantropu, nistgħu narawh bħala wieħed li għamel riforma soċjali u bħala wieħed li ġġieled għad-drittijiet taż-żgħar. Imma dak m’hux Kristu sħiħ. Kristu sħiħ huwa l-Iben ta’ Alla. U forsi anki llum aħna għandna bżonn din il-preċiżazzjoni peress li anki aħna ġieli nħabbtu għand Kristu u mingħalina li lil Kristu nafuh. Tgħid illum il-ġurnata aħna li niċċelebraw lil Kristu għandna bżonn lil xi ħadd li jgħidilna: “Alla biss huwa t-tajjeb”, biex hekk jekk aħna nersqu għand Kristu dan nagħmluh għax nemmnu li Kristu hu Alla, hu l-Iben ta’ Alla?
Il-Mulej Ġesù jkompli jgħinu lil dan ir-raġel biex isib it-tweġiba u jgħidlu: “Inti l-Kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor, weġġaħ lil missierek u ’l ommok?” (Mk 10:19). Ir-raġel wieġbu li dawn il-Kmandamenti kien iħarishom sa minn żgħożitu (ara Mk 10:20). Tindunaw, għeżież tiegħi, illi għalkemm kien josserva l-Liġi ma kellux ħajja fih; ma kellux dik it-tama tal-ħajja ta’ dejjem. Jien nibża’ li din hija s-sitwazzjoni tagħna llum: illum aħna nafu x’inhuma l-Kmandamenti, aħna forsi nippruvaw nosservaw il-Liġi, imma gwaj għalina jekk din l-osservazzjoni tal-Liġi tkun waħda esterna jew formali biss, u ma tkunx espressjoni sinċiera ta’ dak li hemm fil-qalb tagħna. Inkella anki aħna ħa nibqgħu nagħmlu dik il-mistoqsija: “X’għandi nagħmel biex ngħix?”. Propju għax il-Kmandamenti nosservawhom skond l-ittra u mhux skond l-ispirtu dawn m’humiex jagħtuna sodisfazzjon. Dan ifisser li m’aħniex ngħixu l-Kmandamenti imma nosservawhom biss minn barra.
Imbagħad lir-raġel għani Ġesù jgħidlu: “Ħaġa waħda tonqsok… Ejja u imxi warajja” (Mk 10:21). “Imma biex tiġi warajja trid twarrab dak kollu li jista’ jfixklek: il-ġid li għandek”. Ma talbux ħaġa ħafifa, għeżież tiegħi, tant illi San Mark jgħidilna li qabel m’għamillu din il-proposta Kristu tefa’ ħarsa ta’ mħabba fuqu (ara Mk 10:21). Kienet din il-ħarsa ta’ mħabba l-mument ta’ grazzja biex dan ir-raġel, li kien qed ifittex biex jgħix, isib is-sigriet tal-ħajja: “Ejja warajja” (Mk 10:21). Biex nimxu wara Kristu rridu nkunu distakkati minn dak kollu illi hu tad-dinja.
Aħna llum qegħdin nagħtu tislima u noffru wkoll talba b’suffraġju ta’ ħuna fis-saċerdozju Dun Joshua. Nista’ ngħidilkom illi f’dan iż-żagħżugħ aħna stajna nilmħu bniedem illi emmen f’Alla, illi ħaddan lil Kristu bħala l-Iben ta’ Alla. Anzi aċċetta l-vokazzjoni saċerdotali biex ikun iktar xebh ma’ Kristu u jagħmlu preżenti fid-dinja tal-lum. Għandna quddiemna żagħżugħ illi rċieva dik il-ħarsa ta’ mħabba li, jien ngħid, baqgħet takkumpanjah sa nhar it-Tnejn billejl biex hu seta’ jwieġeb b’mod ġeneruż u definittiv għas-sejħa li għamillu Kristu: “Ejja u imxi warajja”. Verament kien distakkat minn dak kollu li huwa tad-dinja. Aħna li kellna l-grazzja li nkunu qrib tiegħu matul din il-marda, speċjalment f’dawn l-aħħar ġimgħat, nafu x’qegħdin ngħidu. Joshua kien għalina mhux biss ta’ xhieda imma ta’ kuraġġ kbir. Ġieli konna nagħmlulu dik il-mistoqsija: “Imma kif taf li inti riesaq lejn il-mewt u għandek dik it-tbissima fuq fommok u dik is-serenità fil-qalb tiegħek?”. Darba lili qalli: “Ma nafx. Mhux Hu!”. Kien il-Mulej li tefa’ l-ħarsa kollha mħabba tiegħu fuqu, imma kien ukoll Joshua illi kellu rieda soda illi jitlaq kollox. U x’ħin solva l-unika preokkupazzjoni li kellu mbagħad tassew intelaq kompletament f’idejn Alla. Huwa mudell għalina bħala Kristjani.
Naħseb li taqblu miegħi jekk ngħid illi aktar ma jgħaddi ż-żmien il-mistoqsija “X’għandi nagħmel biex ngħix?” aktar qed issir vuċi korali fis-soċjetà moderna! Il-bnedmin aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qegħdin jagħmlu din il-mistoqsija: “X’ħa nagħmlu biex ngħixu, biex ikollna ħajja dinjituża?”. Alla l-Imbierek fil-pjan providenzjali tiegħu tana l-ministeru saċerdotali: is-saċerdot. Il-missjoni tagħna s-saċerdoti hi li llaqqgħu l-bniedem ma’ Alla. Il-missjoni tagħna hi li ngħinu l-bniedem biex ma jagħmilx mir-reliġjon sistema li tfixklu milli jiltaqa’ ma’ Alla; anzi r-reliġjon Kristjana fl-awtentiċità tagħha hija t-triq illi twassalna biex propju nitwaħħdu minn din id-dinja ma’ Kristu. Għalhekk is-saċerdot għandu din il-missjoni: li jgħin lill-bniedem jagħmel dixxerniment ta’ x’inhi s-sejħa li qed jagħmillu Alla llum u jgħinu jfittex jgħix din is-sejħa bil-fedeltà. Għax Alla għandu pjan għal kull wieħed u waħda minna.
Is-saċerdot huwa dak illi jgħin lill-bniedem u lis-soċjetà jgħixu propju fl-ottika tal-eternità: verità li għenni nirrifletti fuqha Dun Joshua. Għax bl-attitudni tiegħu, speċjalment matul il-marda, Joshua kien jurina ċar illi fil-prospettiva tal-eternità kollox huwa telf u knis (ara Fil 3:8-9), attitudni illi m’hix faċli niksbuha, u nitlob lill-Ispirtu s-Santu jgħin lill-Knisja tagħna biex ngħixuha. Għax ħafna drabi nħoss illi m’aħniex ngħixu f’din il-prospettiva tal-eternità. Kieku ċerti affarijiet jinbidlu għall-aħjar, u ma jdumux!
Imma jekk is-saċerdot għandu din il-missjoni hekk indispensabbli biex jgħin lill-bniedem isib tweġiba ta’ x’għandu jagħmel biex jgħix nistaqsi: “Għaliex, Mulej, ħadthulna lil dan is-saċerdot li bilkemm iċċelebra t-tieni anniversarju tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu?”. Jien nistaqsi: “Għaliex, Mulej, fil-bidu tal-ministeru episkopali tiegħi inti ħadtli t-tielet wieħed li jiena poġġejt idejja fuqu u tajtu l-Ordni Sagri? Għaliex?”.
Imma nara illi anki dan is-saċerdot, Joshua, jagħtina tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet. Huwa jgħinna nifhmu x’inhi l-identità vera tas-saċerdot. M’hix kwistjoni ta’ kemm jagħmel is-saċerdot imma ta’ x’jagħmel; mhux il-kwantità ta’ ħidma tgħodd imma l-kwalità tal-ministeru tiegħu.
Joshua għallimna li veru l-ministeru saċerdotali huwa marbut mal-predikazzjoni tal-Kelma, tal-Bxara t-Tajba. Imma l-Kelma ta’ Alla nxandruha mhux biss bil-fomm imma anki bl-eżempju, anki bis-skiet tagħna. Dan is-saċerdot għallimna illi aħna mhux biss għandna niċċelebraw l-Ewkaristija imma ngħixu l-Ewkaristija, u nagħmlu minn ħajjitna offerta sħiħa mal-offerta ta’ Kristu Vittma lil Alla l-Missier għall-fidwa tal-bnedmin. Iva, dan is-saċerdot għallimna ħafna, anki f’dawn is-sentejn ta’ ħajja ministerjali, fuq x’inhi l-identità saċerdotali tagħna. Ma kinitx nieqsa fih id-disponibbiltà biex ixandar ’il Kristu, mhux f’Għawdex biss imma anki ’l hinn minn xtutna. Niftakar fix-xhur wara li sar saċerdot, meta kont niddiskuti miegħu x’hemm bżonn għad-djoċesi tagħna, kelli ħafna tamiet fih! U meta tlabtu biex imur ħalli jkompli bl-istudji tiegħu, biex ikollna lil xi ħadd li jagħti kontribut għat-tisħiħ tal-familja, partikularment il-familja Kristjana, Joshua qalli: “Imma ħallini mmur Turin, fil-parroċċa ta’ Nichelino”. Kien għadu kif miet ħuna Dun Ġużeppi Galea, u Dun Joshua qalli: “Ħallini mmur nimla ftit minn dak il-vojt”, għax Dun Ġużepp kien bena struttura sportiva magħrufa bħala Don Bosco u kien hemm il-biża’ li jekk ma jkunx hemm saċerdot disponibbli biex isegwi dawk iż-żgħażagħ din l-istruttura kienet sa tisfaxxa. Dun Joshua xtaq imur hemm għal ftit snin, imbagħad kien lest li jkompli bl-istudji fuq il-familja kif xtaqt minnu jien. Kien ġeneruż ħafna. Imma l-pjanijiet ta’ Alla m’humiex tagħna l-bnedmin, u l-ġenerożità tiegħu kompla juriha sal-aħħar jum tal-ħajja tiegħu.
Jiena ma nistax ma nħossx għafsa ta’ qalb għat-telfa ta’ ibni Dun Joshua, imma nħoss għafsa ta’ qalb ukoll, jekk mhux iktar, meta dawk li għadhom magħna ma jgħixux is-saċerdozju bil-karatteristiċi illi semmejtilkom. Din l-okkażjoni għandha tkun għalina wkoll mument biex aħna nitolbu għall-qdusija tagħna s-saċerdoti: itolbu ħalli l-Knisja tagħna ma tiġix nieqsa minn vokazzjonijiet saċerdotali. Dan il-mument ta’ niket jista’ jinbidel f’mument ta’ ferħ għaliex din il-ġrajja ta’ Joshua qanqlet diskussjoni u riflessjoni f’Għawdex tagħna fuq il-valur tal-ħajja. Jien ma kontx hawn dawn il-jiem, għax kont fuq pellegrinaġġ djoċesan. Kont insegwi mill-bogħod u naf x’kien qed jiġri. Xi ħadd qalli li f’dawn il-jiem f’Għawdex kien hawn tensjoni pożittiva, għax in-nies tkellmet fuq Joshua u fuq il-valur tal-ħajja. Bħal intbaħna li l-ħajja hi sabiħa, imma daqshekk ukoll hija fraġli, għax filli mimlijin bis-saħħa u filli m’għandniex il-ħila nerfgħu rasna jew dirgħajna.
F’dawn il-jiem Dun Joshua żgur illi għenna nirriflettu iktar fuq l-identità saċerdotali tagħna, xi ħaġa li jixtieqha minna l-Papa matul din is-sena ddedikata għas-saċerdozju Kattoliku. Dun Joshua jgħinna biex il-Knisja tagħna ma titlifx id-dimensjoni missjunarja tagħha. Għaliex anki l-Italja hija art tal-missjoni; staqsu ’l dawn li hawn fuq din in-naħa, mill-parroċċa ta’ Nichelino. Jien irrid nittama illi l-Mulej jagħtina wkoll vokazzjonijiet biex dak li nbeda mis-saċerdoti tagħna fil-Knisja f’Turin jitkompla. Dun Joshua f’dawn il-jiem uriena l-ġmiel tal-presbiterju djoċesan. Forsi tafu u forsi ma tafux li din il-ġimgħa, b’mod iktar minn ġranet oħra, id-dar ta’ Toni u Nathalie kienet qisha ċ-Ċenaklu, bis-saċerdoti deħlin u ħerġin għandhom. Din il-ħaġa kienet ta’ sodisfazzjon kbir għalija bħala ragħaj spiritwali tagħkom: li nara s-saċerdoti magħqudin flimkien. Iva, Dun Joshua wriena s-sabiħ tas-sapport li jistgħu jagħtu l-familja u l-ħbieb lis-saċerdot. Għalkemm għadna ma wasalniex f’dak l-istadju li jkollna ħafna saċerdoti jgħixu waħidhom, għalkemm għandna diġà xi wħud li qed jgħixu hekk, ’il quddiem ikollna iktar; u għalhekk kemm hu sabiħ li jkollna dan is-sapport morali u affettiv tagħkom, għeżież tiegħi.
B’dawn il-ħsibijiet nixtieq insellem lil Dun Joshua, u nixtieq illi intom tibqgħu tiftakruh bħala saċerdot illi qanqal fina dawn ir-riflessjonijiet. Forsi, u dan huwa l-pjan li aħna ma nifhmux ta’ Alla, il-Mulej ried illi f’din is-Sena Saċerdotali aħna niċċelebraw ukoll mhux il-funeral imma l-passaġġ ta’ dan is-saċerdot għall-eternità, għall-ħajja ta’ dejjem, biex propju aħna lkoll, saċerdoti u poplu ta’ Alla, napprofittaw minn dan il-mument ta’ grazzja u ngħożżu iktar id-don tas-saċerdozju.