Is-Saċerdot li Jfittex
Insellem lilek, poplu ta’ Alla, li llejla mżejjen bil-preżenza tal-E.T. il-President tar-Repubblika, tiegħek, Ministru Giovanna Debono fil-vesti ta’ Aġent Prim Ministru, u tiegħek, Dr Muscat, bħala Kap tal-Oppożizzjoni. U jiena nsellmilkom mhux biss fuq livell personali imma anki fl-uffiċċju tagħkom, li għalija jfisser ħafna f’din il-Quddiesa ta’ radd il-ħajr għad-don tas-saċerdozju.
Il-figura tar-Ragħaj it-Tajjeb
Ħuti Kristjani, għadna kif smajna t-tħabbira tal-Vanġelu li normalment norbtuha mar-Ragħaj it-Tajjeb, imma waqt li kont nimmedita u nistudja din is-silta għadda ħsieb minn moħħi, għax barra l-figura tar-Ragħaj it-Tajjeb hemm ukoll in-nagħaġ, illi f’silta oħra tal-Vanġelu jgħidilna li huma mingħajr ragħaj. Meta qiegħed jgħidilna mingħajr ragħaj qiegħed jesprimi bżonn li għandhom in-nagħaġ, illi jien nistħajjilhom qegħdin ifittxu.
In-nagħaġ li jfittxu
Ġesù jgħidilna li n-nagħaġ jisimgħu u jagħrfu leħnu, u anki dan jikkonfermali li n-nagħaġ għandhom sinifikat li tajjeb nirriflettu fuqu. Huma qegħdin ifittxu; u x’qegħdin ifittxu? Qegħdin ifittxu xi ħaġa, jew aħjar xi ħadd li saflaħħar jagħtihom sens fil-ħajja. Qegħdin ifittxu dik il-ħaġa jew xi ħadd li jissodifaw il-ħtiġijiet l-aktar profondi tal-bniedem. Qegħdin ifittxu dak li huwa tajjeb, veru u sabiħ.
Għeżież tiegħi, jekk aħna noqtlu din ix-xewqa jew dan il-bżonn li jwassluna biex infittxu din it-tweġiba l-ħajja tagħna tkun miskina. Jekk xi ħadd jipprova joħnoq fina din ix-xewqa li aħna nsibu x’inhu l-veru, it-tajjeb u s-sabiħ ikun qed jagħmel sfreġju lill-ħajja umana.
Ix-xrik u l-lupu li jfittxu l-qerda tan-nagħaġ
Il-vanġelu mhux biss ikellimna fuq ir-Ragħaj it-Tajjeb u mhux biss ikellimna fuq nagħaġ li qed ifittxu, imma jkellimna wkoll fuq ix-xrik u l-lupu li t-tnejn għandhom funzjoni partikulari: dik illi jneħħu u jieħdu l-ħajja tan-nagħaġ. Dawn huma r-realtajiet ta’ żmienna.
Il-monoteiżmu fl-Ewropa
Il-Papa Benedittu, meta ftit xhur ilu kien fuq vjaġġ pastorali fi Franza, f’diskors li huwa għamel lill-intelligentsia Franċiża tkellem fuq il-monoteiżmu fl-Ewropa. Il-Papa qal li kien hemm żmien meta fl-Ewropa kollox kien fluwidu u meta ħafna affarijiet kienu vojta għax ma jissodisfawx lill-bniedem, u għalhekk m’humiex deheb kif jidhru. Huwa f’dan il-kuntest li fil-qalb tal-bniedem, li hi għatxana biex tfittex u ssib dak ix-xi ħadd li jista’ jissodisfaha, nibet il-moviment tal-monoteiżmu li kellu bħala bażi u regola bażilari tiegħu dak li nsejħulu “quere Domino”, li jfittex lil Alla. Kien dan l-impenn ta’ tiftix ta’ min huwa Alla li ta ċertezza lis-soċjetà u għenha biex terġa’ tirkupra l-identità tagħha u biex tevita dak il-vojt.
Għeżież tiegħi, il-Papa jkompli jgħid li jekk is-soċjetà Ewropea jkollha tirrinunzja għal dan it-tiftix ta’ Alla u jekk is-soċjetà Ewropea jidhrilha li tista’ tgħaddi mingħajr Alla u teskludih u tagħtih il-ġenb, allura tkun qed tagħmel żball fundamentali għax ifalli mhux il-Kristjaniżmu imma l-umaniżmu.
Moviment li jfittex lil Alla
Ladarba aħna saċerdoti ta’ Alla llum u poplu ta’ Alla li qed nimxu llum irridu nirriflettu fuq x’qed jiġri llum u nitgħallmu mill-istorja. Is-sitwazzjoni tal-lum tixbah ħafna lil dak iż-żmien meta l-Ewropa kellha bżonn ta’ dak il-moviment li kien qiegħed ifittex lil Alla u li mbagħad ġab rivoluzzjoni kulturali enormi. Qegħdin aħna llum infittxu lil Alla? Fina hemm dawn ix-xewqat, imma qegħdin aħna dawn ix-xewqat niżviluppawhom u naħdmu fuqhom, jew qegħdin nifgawhom? Il-Kristjan huwa pellegrin li għandu triq twila quddiemu, u għalkemm huwa mgħammed u għalkemm jemmen f’Alla l-Missier, f’Sidna Ġesù Kristu u fl-Ispirtu s-Santu, huwa bniedem li għadu ma kisibx l-għarfien kollu u l-verità kollha. Il-Kristjan nistgħu niddeskrivuh bħal wieħed jew waħda li kontinwament qed ifittex lil Alla, u hekk ukoll jien nara lis-saċerdot illejla.
Is-saċerdot fit-tfittxija tiegħu għal Alla
Is-saċerdot, bħall-Kristjan, huwa dak li qiegħed ifittex u jipprova jkompli jidħol fil-qalba tal-misteru ta’ Alla, u jekk jieqaf ifittex jiġrilu dak li aħna għidna għas-soċjetà b’mod ġenerali.
Anki jien, li qed niċċelebra l-ħamsa u għoxrin sena tal-ministeru saċerdotali, nista’ ngħidilkom li jien ukoll qiegħed infittex. Jien ukoll għandi ċerti mistoqsijiet li għadhom miftuħin, u allaħares ma jkunux dawn il-mistoqsijiet biex jien inkompli nistaqsi, ninvestiga u nsib.
Nagħtikom ftit eżempji. Jiena ħsibt li fiż-żmien tas-seminarju tgħallimt it-teoloġija u sirt naf lil Alla. Imma m’hux hekk! Jien fis-seminarju tgħallimt fuq Alla, imma mbagħad ridt inkun jien li nsir naf lil Alla u nagħmel l-esperjenza ta’ Alla fil-ħajja tiegħi. M’hux biżżejjed li jkollok għarfien ta’ Alla jekk ma jkollokx din l-esperjenza intima tiegħu. Din l-esperjenza ma tiġix mil-lum għal għada. Dan huwa proċess ta’ ħajja.
Jien kont naħseb li l-Kristjan, u s-saċerdot iktar u iktar, irid ikun bniedem perfett, mingħajr dnub. Imma m’hux hekk! Hija propju n-natura umana u dgħajfa bid-dnub fil-ħajja tiegħi li tgħinni biex nagħmel esperjenza tal-konverżjoni u biex kontinwament nesperjenza l-ħniena infinita ta’ Alla, proċess li jieħu l-ħajja kollha kemm hi.
Ħamsa u għoxrin sena ilu jien kont naħseb li s-saċerdot jagħmel suċċess jekk jagħmel xi opra kbira u jekk jagħmel ħoss qawwi. Imma m’hux hekk! Naħseb li fil-ħajja tiegħi kien hemm dawn il-ħsejjes kbar, imma mhux hemm sibtu lil Alla. Lil Alla sibtu ħdejn is-sodda tal-marid u ta’ min wasal għall-mument tal-verità fil-punt tal-mewt. Hemmhekk jien mort biex mingħalija nagħti lezzjoni u dik il-lezzjoni ħadtha mingħand dak il-pazjent.
Jien sibt lil Alla, jew aħjar doqt lil Alla, fil-konfessjonarju, fejn il-Mulej għamel miegħi ħwejjeġ kbar bħala konfessur, u dan meta intom, poplu ta’ Alla, għax għandkom fiduċja fis-saċerdot, tiġu għandu biex titolbu maħfra. Kif tistgħu intom ma tirrealizzawx li meta qegħdin tistqarru d-dgħufija tagħkom qegħdin tagħmlu stqarrija tal-fidi u tal-fiduċja tagħkom fil-ħniena ta’ Alla? Din għalija hija lezzjoni kbira li tlaqqagħni ma’ Alla.
Jien kont naħseb li Alla sa jkun trasparenti u li narawh flimkien, imma qed ninduna li Alla iktar ikellimni meta jkun moħbi u meta propju jien naħseb li huwa assenti fil-ħajja tiegħi.
Jiena kont naħseb li fi ħdan il-poplu ta’ Alla sa tagħmel l-esperjenza diretta ta’ Alla. Imma m’hux hekk! Propju fi ħdan il-poplu ta’ Alla ssib esperjenzi li jnisslulek id-dubju, imma dak l-istess dubju huwa ta’ ġid, għaliex iwasslek biex tintelaq iktar f’idejh.
Jien kont naħseb li Alla tagħna huwa Alla tal-glorja, Alla tal-Għid il-Kbir. Huwa wkoll hekk! Imma Alla tagħna huwa Alla li tant ħabbna li ta ħajtu għalina fuq is-Salib u lilna qalilna: “Min jrid jiġi warajja ma jintilifx wara ħafna tlellix imma jerfa’ salibu ta’ kuljum u jimxi warajja”. M’hix lezzjoni ħafifa!
Nistqarr magħkom li matul dawn il-ħamsa u għoxrin sena dan ma kienx faċli, imma f’dawn iċ-ċirkustanzi jien fittixt u għadni nfittex li nsib tweġibiet, u forsi tweġibiet aħjar. Imma niżgurakom, kif tistgħu tiżgurawni intom, għax intom ukoll tgħaddu mill-istess esperjenzi, li Alla l-Imbierek jurik li inti m’intix waħdek u bil-mod il-mod jiżvela lilu nnifsu, u hemmhekk issib dawk it-tweġibiet li kellhom dawk in-nagħaġ li huma mingħajr ragħaj.
Is-saċerdot ifittex biex jifhem lil min qed ifittex
Għeżież tiegħi, dan kollu huwa ta’ benefiċċju kbir għas-saċerdot, mhux biss għall-ħajja Kristjana tiegħu imma wkoll biex huwa u jfittex ikun jista’ jifhem u jgħin lil min qed ifittex, u allura lill-poplu ta’ Alla.
Dawn l-esperjenzi fil-ħajja saċerdotali lilna jistimulawna u jħeġġuna ħalli anki jekk fina, il-poplu ta’ Alla, qed torqod din ix-xewqa li nfittxu lil Alla, talinqas aħna bil-grazzja ta’ Alla nqajmu fikom dan il-gost ta’ Alla. U hawnhekk jidħol ir-rwol tar-ragħaj. Aħna għandna minn tat-tnejn, jiġifieri minn tan-nagħaġ u minn tar-ragħaj.
S’issa jien lir-ragħaj sejjaħtlu r-Ragħaj it-Tajjeb, imma fil-Grieg għandu verżjoni differenti, li hija “kalos”, li jfisser ir-Ragħaj is-Sabiħ. Fi Kristu hemm il-ġabra ta’ dak li huwa veru, tajjeb u sabiħ. Anzi l-ġmiel jiġbor fih dawn l-ekwivalenti kollha. Fejn deher u kif irid jidher issa dan il-ġmiel fir-rgħajja u f’dawk li qegħdin ifittxu? Il-ġmiel ta’ Kristu m’hux ġmiel estetiku li jgħammex l-għajnejn, imma l-ġmiel tal-karità u l-imħabba. Għalhekk fil-vanġelu Ġesù Kristu jgħidilna li r-Ragħaj jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu, ħalli meta jagħti ħajtu hemmhekk jidhru fl-aqwa tagħhom l-imħabba u l-ġmiel ta’ Kristu. Hemm ikollna tweġiba illi tissodisfa dak l-għatx li hemm f’kull wieħed u waħda minna, li suppost qegħdin infittxu lil Alla.
Talb għas-saċerdoti
Għeżież tiegħi, dawn huma l-ftit riflessjonijiet li ħassejt li bħala saċerdot, u llum ukoll bħala isqof tagħkom, naqsam magħkom. Ħalluni nħeġġiġkom biex titolbu għas-saċerdoti kollha, li huma mhux biss il-mimmi tal-għajnejn ta’ Alla imma wkoll il-mimmi ta’ għajnejn l-isqof tagħkom; jiġifieri kull wieħed li hawn preżenti madwar dan l-altar u oħrajn li llelja huma impenjati f’ħidma pastorali u ma setgħux ikunu magħna. Itolbu għalina, ħalli aħna wkoll ma nehdewx infittxu, għax aħna wkoll nistgħu ngħejjew bħal ħaddieħor. Jalla bit-tiftix tagħna, jgħaddu kemm jgħaddu s-snin, aħna mhux biss nistagħnew fil-qdusija, imma nkunu nistgħu nagħtu lilkom u lis-soċjetà ta’ żmienna – li allaħares tieqaf tfittex lil Alla – l-aqwa servizz.