Aqbeż għall-kontenut

Is-Saċerdot Ministru tal-Patt

Is-solennità liturġika tal-lum tal-Ġisem u d-Demm Imqaddsa tal-Mulej Ġesù, il-festa ta’ Corpus Christi, tpoġġilna quddiem għajnejna l-Ewkaristija, imma wkoll il-Patt: dak il-Patt li Alla ried iwaqqaf mal-bnedmin. U Kristu l-Mulej Ġesù jagħti Ġismu u jxerred Demmu biex iwaqqaf mill-ġdid dan il-Patt. X’kien dan il-Patt? Huwa dawk il-komunjoni u l-għaqda li Alla ried li jitwaqqfu minnu, li jinkludu din il-komunjoni u wkoll il-komunjoni bejnietna l-bnedmin. Jekk aħna rridu nagħmlu riflessjoni fuq l-Ewkaristija u fuq il-ministru tal-Ewkaristija, li huwa s-saċerdot, illum nixtieq nistedinkom biex tħarsu lejn din il-ġrajja biex nirriflettu fuq jekk aħniex tassew il-poplu tal-Patt. Bil-kliem aħna l-poplu tal-Patt il-Ġdid, imma xi drabi bejn il-kliem u l-fatti hemm spazju kbir. Ladarba qed nitkellmu fuq il-Patt id-diskors tal-lum ifakkarna wkoll fil-ħruġ tal-poplu Lhudi, il-poplu magħżul, mill-jasar biex Alla jwasslu fl-Art Imwiegħda; ifakkarna f’dak l-eżodu li jwassal għall-ħelsien sħiħ tal-bniedem. Għeżież tiegħi, dan il-ħruġ u dan l-eżodu m’hux avveniment storiku biss, imma huwa l-esperjenza kontinwa tal-poplu ta’ Alla. X’tip ta’ eżodu seħħ fl-istorja tas-salvazzjoni?

Mosè l-bniedem li permezz tiegħu Alla jwaqqaf il-Patt

Smajna fl-ewwel qari parti mid-diskors fejn Mosè jissiġilla l-Patt bejn Alla u l-poplu tiegħu, wara li Mosè, il-magħżul tal-Mulej, għen lill-poplu Lhudi biex jiġi meħlus mill-ħakma politika tal-Eġizzjani u mill-ħakma ta’ reliġjon żbaljata, għaliex fl-Eġittu l-politika kienet saret reliġjon u r-reliġjon kienet saret politika. Meta ngħid ħajja politika qiegħed nitkellem fuq il-ħajja soċjali, jiġifieri kif inhi organizzata l-ħajja tal-belt. Mosè, il-bniedem li permezz tiegħu Alla ried iwaqqaf dan il-Patt, jgħin lill-poplu Lhudi biex jikseb il-libertà, jgħin lill-bniedem jeħles minn din il-ħakma politika u jikseb il-ħelsien minn reliġjon fantażma.

Ġesù Kristu, Mosè tal-Liġi l-ġdida

Ġesù Kristu, Mosè tal-Liġi l-ġdida, ukoll fl-Aħħar Ċena, li għadna kif smajna parti mir-rakkont fuqha, jerġa’ jwaqqaf dan il-Patt li l-bniedem fl-ebusija ta’ rasu rrifjuta u ma rrispettax. U peress li l-bniedem reġa’ ħalla lilu nnifsu jinħakem minn dominju politiku u reliġjuż Kristu joffri lilu nnifsu biex iwassal għal dan il-ħelsien. Għaliex? Għax l-Ewkaristija m’hix biss ritwal li jfakkar fil-Jum tal-Ażżmi, kif jirrakkontalna San Mark fil-vanġelu, u m’hix biss it-tifkira ta’ meta Kristu offra lilu nnifsu bħala vittma għall-espjazzjoni ta’ dnubietna, imma fl-Ewkaristija aħna nifhmu għaliex Ġesù kellu jsofri dik it-tbatija u dik il-mewt, u wasal kif kellu jasal għal dik l-għotja tiegħu nnifsu: “Dan huwa Ġismi li jingħata għalikom”, “Dan huwa Demmi li jixxerred għalikom”. X’kienet ir-raġuni? Min wassal lil Kristu fuq il-patibolu tal-Kalvarju? Kienu l-awtoritajiet ċivili, l-organizzazzjoni politika u reliġjuża ta’ żmienu. Imma għax Ġesù għażel li jkun maż-żgħir u li jkun fidil lejn dak il-Patt li ried iwaqqaf il-Missier biex tinbena mill-ġdid din il-komunjoni bejn il-Missier u l-bnedmin u bejn il-bnedmin infushom, għamel għażla li swietlu ċ-ċarċir ta’ demmu u l-għoti ta’ ħajtu.

L-Ewkaristija esperjenza li tgħinna nistabbilixxu l-komunjoni ma’ Alla u bejnietna

Għeżież tiegħi, din l-esperjenza m’hix biss ġrajja storika imma hi ġrajja li suppost qed ngħixu llum. Illum ukoll, meta niċċelebraw l-Ewkaristija, f’isem Kristu għandna min jgħid: “Dan huwa Ġismi” u “Dan huwa Demmi”; u dan huwa s-saċerdot Kattoliku. Imma jien nistaqsi jekk l-Ewkaristija li aħna niċċelebraw hix tassew esperjenza li tgħinna noħorġu minn diversi ħakmiet, li lilna tgħinna biex nistabbilixxu dik il-komunjoni ma’ Alla u bejnietna.

U hawnhekk indur fuqkom, għeżież djakni, li ftit ilu quddiem il-poplu ta’ Alla għidtu frażi sinifikattiva ħafna: “Hawn jien”. Għalfejn intom hawn? Intom hawn biex toffru lilkom infuskom biex issiru saċerdoti u biex bi kliemkom, bl-azzjoni tagħkom imma iktar minn hekk b’ħajjitkom tagħmlu preżenti lill-Mulej Ġesù. Għidtu “Iva, hawn jien” biex prinċipalment tkunu ministri tal-Ewkaristija, li tagħmlu l-Ewkaristija. Mingħajr is-saċerdot nistgħu ngħammdu imma mingħajr is-saċerdot ma jistax ikollna l-Ewkaristija. Is-saċerdot u l-Ewkaristija huma marbuta intimament flimkien. Imma f’din l-okkażjoni, fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla li għadna kif smajna, jiena dan li neżortakom u magħkom neżorta wkoll lill-presbiterju tad-djoċesi kollha. Ejjew ngħixu l-Ewkaristija kif għexha Ġesù, fis-sens li bħal Ġesù aħna nkunu lesti ngħidu: “Dan huwa Ġismi” u “Dan huwa Demmi”, mhux bit-tpaċpiċ biss imma bil-ħajja, anki jekk dan m’hux faċli.

Jasar politiku

Dan ngħiduh għaliex anki llum il-bniedem jeħtieġlu jagħmel l-esperjenza tal-Eżodu, anki llum il-bniedem huwa għatxan li jkollu Mosè ieħor li jgħinu joħroġ minn ċertu jasar; dak l-istess jasar li kien hemm fi żmien Mosè u Ġesù Kristu hu preżenti llum. Anki llum hemm jasar politiku. Meta qed ngħid politiku qed nirriferi mhux biss għas-sistemi inġusti li jistgħu jħaddnu l-bnedmin fl-organizzazzjoni tas-soċjetà, imma qed ngħid għal dak kollu li b’xi mod jew ieħor itellef id-dinjità tal-ħajja umana. Ngħidu aħna, illum il-bniedem qed jgħix ilsir ta’ dak li jissejjaħ l-Edoniżmu, il-pjaċir. Il-bniedem illum, tort tiegħu jew għax xi ħadd hekk wasslu, qed jitlef il-kunċett tal-qdusija tal-ġisem. U aħna nkunu qegħdin nonqsu jekk ma ngħinux lill-bniedem tal-lum jiskopri l-verità fuq il-qdusija tal-ġisem tiegħu. Nittama li qegħdin tifhmuni. Din hija forma ta’ jasar.

Jasar reliġjuż

Hemm forom oħra fid-dinja soċjali u politika. Imma mbagħad hemm ukoll jasar reliġjuż; għaliex bħalma fi żmien Mosè u fi żmien Ġesù r-reliġjon tħassret u ġiet iddeformata, sfortunatament ladarba aħna bnedmin dan huwa possibbli, jew aħjar dan huwa l-każ anki f’pajjiżna, u hemm bżonn li ngħinu bil-missjoni saċerdotali tagħna lil dan il-poplu li jidher li jħobbna, ngħinuh jagħraf x’inhi l-vera reliġjon u jnaddaf ir-reliġjon mir-residwu kollu uman, tradizzjonali u kulturali li qiegħed itappan u jtellef ir-reliġjon vera minn dak it-twemmin li għandu jwassal għall-komunjoni bejn Alla u l-bnedmin. X’reliġjon hi, għeżież tiegħi, jekk m’hix tgħinna u twassalna biex aħna nsaħħu l-għaqda vera ma’ Alla u bejnietna l-bnedmin? Dan m’hux proċess ħafif. Irridu nkunu bħall-Mulej Ġesù, li għażel li jkun fuq in-naħa tal-verità, fuq in-naħa taż-żgħir u tal-fqir, u kellu jgħid: “Dan huwa Ġismi li jingħata għalikom” u “Dan huwa Demmi li jixxerred għalikom”. Irridu nkunu bħal dan Ġesù li qal, bħal Mosè, lil Alla l-Missier: “Aħna nagħmlu dak li int qed tgħidilna”. Lil dan Ġesù li, kif jgħid l-awtur tal-ittra lil-Lhud, meta daħal fid-dinja qal: “Hawn jien ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek”, tħalluhx imur minn quddiem il-viżjoni tagħkom, ħalli jsostnikom biex kuljum intom tgħidu dawk il-kelmiet li għadkom kif lissintu: “Hawn jien”. U dik il-kelma la qed tgħiduha lill-isqof tagħkom u lanqas lill-poplu ta’ Alla, imma prinċipalment qed tgħiduha lil Alla l-Imbierek.

Għandna lil dawn it-tliet żgħażagħ li qed jersqu bil-libertà u kif għamel Kristu, li, kif jirrakkontalna San Mark fil-vanġelu, għażel il-post u l-ħin li fih jersaq biex iwettaq ir-rieda tal-Missier, f’dik il-kamra ta’ fuq. Dik il-kamra ta’ fuq hija ċ-Ċenaklu, hija l-Knisja. Għeżież djakni li sa ssiru saċerdoti, jekk jiena ma nista’ nagħtikom xejn nagħtikom din il-garanzija: illi intom fis-saċerdozju tagħkom mhux biss sa tagħmlu parti minn din il-familja saċerdotali, imma sa ssaħħu l-għaqda u r-rabta tagħkom mal-Knisja ta’ Kristu. Jien nista’ nfalli u aħna nistgħu niżbaljaw, imma l-Knisja m’hix sa tiżbalja. Orbtu fuqha u għinu lil dan il-poplu biex isib postu fil-Knisja ta’ Kristu. Amen.

pdf · 124.18 KB Niżżel