Aqbeż għall-kontenut

Is-Saċerdot Ministru tal-Wegħdiet ta’ Alla

Stennija biex jitwettqu l-wegħdiet

Il-poplu tagħna, bħall-poplu Lhudi, jgħix f’ċerta stennija biex jara jitwettqu u jseħħu ċerti ħwejjeġ li ħaddieħor iwebbillu qalbu u moħħu bihom. Il-poplu tagħna, bħall-poplu Lhudi, jemmen li hemm min għamillu ċerti wegħdiet u jistenna li dawn il-wegħdiet xi darba jitwettqu. Dawn huma wegħdiet ta’ ħajja aħjar li saru lill-poplu Lhudi minn min kellu l-poter pubbliku, kemm dak lokali, bħalma kellu Erodi, u kemm barrani, bħalma kienu r-Rumani. Dan id-diskors nistgħu napplikawh għal żminijietna.

Wegħdiet ta’ natura reliġjuża

Għandna wegħdiet, imbagħad, bħalma kellu wkoll il-poplu Lhudi, li huma ta’ natura reliġjuża, l-aqwa fosthom il-wegħda li Alla jibgħat il-Messija. Il-poplu Lhudi kien jgħix fl-istennija li jara din il-wegħda titwettaq. Dawn huma wegħdiet li sarulu minn żmien il-Patrijarki, u l-istorja tal-Patt jew tal-pattijiet li kien hemm bejn Alla u l-poplu tiegħu hija storja ta’ wegħdiet li kien jagħmel Alla.

San Pawl fl-ittra tiegħu lir-Rumani jgħid: “Tagħhom huma l-wegħdiet. Kristu sar qaddej tal-Lhud ċirkonċiżi minħabba l-fedeltà ta’ Alla, biex seħħew il-wegħdiet li għamel lill-Patrijarki”. Fl-Atti tal-Appostli nsibu wkoll li min-nisel ta’ David Alla, skond il-wegħda tiegħu, ġab lil Israel is-salvatur li hu Ġesù.

Fis-sinagoga ta’ Nazareth Ġesù qara silta mill-profeta Isaija, fejn jerġa’ jfakkar lill-poplu fil-wegħdiet li Alla għamel lill-poplu tiegħu, dik is-silta li qrajna llum fil-liturġija: “L-Ispirtu tal-Mulej ikkonsagrani”; u jgħid ukoll fil-versi ta’ qabel li Alla għad jerġa’ jibni mill-ġdid il-ħerbiet tal-qedem, itella’ mill-ġdid it-tiġrif tal-imgħoddi u jġedded il-belt imġarrfa: “Nagħmel patt magħkom għal dejjem”. Fi kliem ieħor permezz ta’ Isaija Alla jwiegħed il-ħelsien lil dak il-ġens li kien qiegħed jitlef l-awtokuxjenza u l-fidi tiegħu. Ġesù wara li jaqra din is-silta jerġa’ jfakkar f’din il-wegħda li kien għamel Alla u jgħid: “Din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu”.

Dak li wiegħed Alla twettaq fil-persuna ta’ Kristu

Fi kliem ieħor Ġesù jrid jikkomunikalhom li dak li wiegħed Alla twettaq fil-persuna tiegħu u li huwa dak li ġie biex iġib fil-milja l-wegħdiet ta’ Alla. Kristu huwa dak li ġie biex iwassal lill-poplu għall-ħelsien sħiħ: ħelsien minn kull madmad fiżiku, soċjali u spiritwali, il-ħelsien tal-persuna sħiħa.

It-twettiq tal-wegħda ta’ Alla fi proċess kontinwu

Għalkemm Ġesù inawgura dan il-proċess sħiħ tal-ħelsien u tal-wegħdiet ta’ Alla, dan huwa proċess kontinwu u Kristu ried li qabel jgħaddi għal għand il-Missier iwaqqaf is-saċerdozju Kattoliku. Is-saċerdot huwa dak li f’isem Kristu u bil-grazzja ta’ Kristu jkompli jaħdem biex jara li dak li Alla offra lill-bniedem jasal fil-konkret tal-ħajja. Illum ukoll jeħtieġ li nibnu l-ħerbiet li qed isiru. Illum ukoll jeħtieġ li ntellgħu t-tiġrif li qed nassistu għalih. Illum ukoll jeħtieġ li nibnu l-belt imġarrfa. Illum ukoll jeħtieġ li ngħinu lil dan il-poplu li qed jirriskja bil-kbir li jitlef l-identità, l-awtokuxjenza u l-fidi tiegħu.

Is-saċerdot magħżul biex jikkonkretizza l-wegħda ta’ Alla

Din m’hijiex vokazzjoni ħafifa, u biex din il-vokazzjoni tagħna s-saċerdoti ma tiġix nieqsa aħna mhux biss nittamaw fil-grazzja ta’ Alla imma wkoll nagħmlu wegħda solenni lil Alla dakinhar tal-ordinazzjoni saċerdotali tagħna, wegħda li kull sena aħna nġeddu waqt din il-liturġija. Il-wegħdiet li għamilna dakinhar tal-ordinazzjoni saċerdotali tagħna niġbru fihom erba’ aspetti. Ippermettuli nfakkarhomlkom: i) aħna nwiegħdu li nwettqu d-dmirijiet saċerdotali tagħna għal ħajjitna kollha u li ngħixu s-saċerdozju tagħna f’rabta mas-suċċessjoni Appostolika; ii) aħna nwiegħdu li nippriedkaw il-Vanġelu u li nfissru l-fidi Kattolika; iii) aħna nwiegħdu li niċċelebraw il-misteri ta’ Kristu, speċjalment l-Ewkaristija u r-Rikonċiljazzjoni; iv) aħna nwiegħdu li ħajjitna tkun talba għall-proxxmu tagħna.

Jien jidhirli li l-formulazzjoni tal-wegħda fil-liturġija tal-lum, li sa nagħmlu minn hawn u ftit mumenti oħra, hija aktar qawwija għax tgħid hekk: “Aħna nwiegħdu li nintrabtu aktar mal-Mulej Ġesù u nsiru nixbhuh iżjed billi niċħdu lilna nfusna. Aħna nwiegħdu li nkunu amministraturi fidili tal-misteri ta’ Alla u tal-Ewkaristija u fl-azzjonijiet liturġiċi l-oħra. Aħna nwiegħdu li bil-fedeltà kollha, fid-dawl ta’ Kristu ragħaj u ras, naqdu d-dmir qaddis li ngħallmu, imqanqlin mhux mir-regħba tal-ġid tal-art imma biss mill-ħajja ta’ dejjem”.

Il-wegħdiet saċerdotali riflessi fis-soċjal

Huma dawk l-għanijiet spiritwali riflessi fis-soċjal li aħna rridu nilħqu, u biex inwettquhom aħna bħala saċerdoti għandna l-mezzi spiritwali, jiġifieri l-predikazzjoni u t-tqaddis permezz tas-sagramenti. Permezz ta’ din il-missjoni aħna s-saċerdoti mbagħad nanimaw, niffurmaw u nħeġġu lil ħutna l-lajċi li huwa d-dmir tagħhom li jkunu preżenti fis-soċjal u hemmhekk b’impenn politiku jaraw kif jistgħu jinkarnaw il-fidwa sħiħa li ġabilna Kristu.

Stedina biex nerġgħu lura għall-oriġni tas-saċerdozju

It-tiġdid tal-wegħdiet li għamilna fl-ordinazzjoni tagħna huwa stedina biex aħna nerġgħu lura għall-oriġni tas-saċerdozju tagħna, dak l-oriġni li ħafna drabi naħslu ninsew jew nittraskuraw, mhux biss minħabba l-ħafna taħbit tagħna ta’ kuljum iżda wkoll minħabba l-influss negattiv tal-kultura ta’ żmienna. Li nirritornaw għall-oriġni jfisser li għal darb’oħra aħna nitilqu minn Kristu, dak li primarjament għażilna mhux biex naħdmu imma biex nibqgħu miegħu. Dak li jgħodd fil-ħajja saċerdotali m’huwiex tant dak li nagħmlu imma huwa propju l-ħajja spiritwali tagħna bbażata fuq relazzjoni persunali u stabbli mal-Imgħallem Ġesù.

Għalhekk, għeżież ħuti fis-saċerdozju, hemm ċerti spazji fil-ħajja tagħna saċerdotali li huma indispensabbli: it-talb ta’ kuljum, partikularment iċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija tas-Sigħat, l-Ewkaristija ċċelebrata bl-akbar devozzjoni, u s-sens ta’ fraternità li għandu janima l-presbiterju tagħna.

Qed ngħixu f’kultura u f’epoka fejn il-kelma li jagħti l-bniedem m’hijiex kelma. Il-wegħdiet li jagħmel il-bniedem faċli jirrisolvu ruħhom f’wegħdiet fiergħa, u għaldaqstant il-bniedem illum m’għadux jemmen li jista’ jieħu impenn li jibqa’, jagħmel wegħda u jżommha. F’dan il-kuntest huwa importanti li lil min qed jaqta’ qalbu aħna, permezz tal-wegħdiet li qed nagħmlu fil-ħajja saċerdotali tagħna, nippruvaw li meta nonorawhom u meta ngħixuhom, meta l-ħajja saċerdotali tkun fil-parametri tagħhom, iwwasslulu wkoll messaġġ. Dan nagħmluh biex tidher fostna l-ewwel u qabel kollox il-wegħda li Alla għamel lill-bniedem u li twettqet fi Kristu Ġesù; nagħmluh ukoll biex nuru li Alla jżomm kelmtu, u allura dan inissel fiduċja fil-bniedem biex anki hu jżomm kelmtu u l-wegħdiet li għamel.

pdf · 86.93 KB Niżżel